EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-KARTA?

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) tipproteġi d-drittijiet fundamentali li jgawdu n-nies fl-Unjoni Ewropea (UE). Hija strument modern u komprensiv tal-liġi tal-UE, li tipproteġi u li tippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies fid-dawl tat-tibdil fis-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.

PUNTI EWLENIN

Kontenut

Il-Karta tafferma mill-ġdid - bl-attenzjoni dovuta għas-setgħat u għall-kompiti tal-UE u għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà - id-drittijiet stabbiliti abbażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri tal-UE, li jinkludu l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-karti soċjali adottati mill-UE u mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-ġuriżprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Billi tagħmel id-drittijiet fundamentali aktar ċari u aktar viżibbli, hija toħloq ċertezza legali fi ħdan l-UE.

Il-karta tinkludi preambolu u 54 artikolu, miġburin f’seba’ kapitoli.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-karta tapplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE fl-azzjonijiet kollha tagħhom. Ma testendix is-setgħat u l-kompiti mogħtija lilhom mit-trattati. Il-karta tapplika wkoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.

Il-karta tapplika flimkien ma’ sistemi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali nazzjonali u internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Rapporti annwali

Kull sena mill-2010, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport annwali li jwettaq monitoraġġ tal-progress fl-applikazzjoni tal-karta. Mill-2021, wara l-istrateġija għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-Karta fl-UE (ara s-sommarju), ir-rapport tal-karta jiffoka kull sena fuq qasam tematiku differenti ta’ rilevanza strateġika rregolat mil-liġi tal-UE.

SFOND

  • Fl-1999, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali applikabbli fil-livell tal-UE għandhom jiġu konsolidati f’karta biex jingħataw aktar viżibbiltà.
  • Il-Karta ġiet ipproklamata formalment f’Nizza f’Diċembru tas-sena 2000 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni.
  • Il-karta saret legalment vinkolati bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, (ara s-sommarju) f’Diċembru 2009, u issa għandha l-istess valur legali bħat-trattati tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 389–405).

l-aħħar aġġornament 14.01.2022

Top