Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju, taħriġ jew servizz volontarju

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju, taħriġ jew servizz volontarju

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2004/114/KE — regoli komuni għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju, skambji ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hi mfassla biex tarmonizza l-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ studju jew biex jieħdu sehem fi skambji ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju.

PUNTI EWLENIN

  • Din id-direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar il-proċeduri biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitħallew jidħlu fl-UE għal aktar minn 3 xhur — biex jistudjaw jew jieħdu sehem fi skambji ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju. Il-pajjiżi tal-UE jridu jinkorporaw ir-regoli dwar l-istudenti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, madankollu, mhumiex liberi li jagħmlu dan fir-rigward tal-kategoriji l-oħra.
  • Ċerti kategoriji ta’ persuni mhumiex koperti mid-direttiva:

    • Applikanti għall-ażil u individwi koperti minn forom sussidjarji ta’ protezzjoni (jiġifieri jaffaċċjaw riskju vera li jsofru periklu serju jekk jirritornaw għall-pajjiż ta’ oriġini tagħhom) jew skemi ta’ protezzjoni temporanja;
    • ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE;
    • ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom status ta’ resident għal żmien twil f’pajjiż tal-UE skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE li jagħtihom dritt li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE jew li jistudjaw jew jirċievu taħriġ vokazzjonali taħt ċerti kundizzjonijiet.

Kundizzjonijiet tal-ammissjoni

  • Id-direttiva tistabbilixxi regoli vinkolanti dwar l-ammissjoni ta’ studenti li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, tħalli f’idejn il-pajjiżi individwali tal-UE biex jiddeċiedu jekk japplikawx id-dispożizzjonijiet tagħha għat-tfal tal-iskola, għall-voluntiera u għat-trainees li ma jitħallsux.
  • Sabiex jiġu ammessi fl-UE għal skop ta’ studju, l-applikanti li mhumiex ċittadini tal-UE jridu jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet ġenerali u l-kundizzjonijiet speċifiċi li ġejjin. Huma jridu:

    • jkunu ġew aċċettati minn istitut ta’ edukazzjoni għolja;
    • jkollhom biżżejjed riżorsi biex ikopru l-ispejjeż ta’ sussistenza, ta’ studju u tal-vjaġġ ta’ ritorn tagħhom;
    • jkollhom biżżejjed għarfien tal-lingwa tal-kors li ser isegwu (kundizzjoni flessibbli li titħalla għad-diskrezzjoni tal-pajjiżi individwali tal-UE);
    • jħallsu l-ispejjeż iċċarġjati mill-istabbbiliment ikkonċernat qabel jivvjaġġaw lejn l-UE (kundizzjoni flessibbli li titħalla għad-diskrezzjoni tal-pajjiżi individwali tal-UE).
  • Taħt ċerti kundizzjonijiet, id-direttiva tistabbilixxi d-dritt biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà ġew ammessi għall-istudju f’pajjiż wieħed tal-UE jkunu ammessi għal pajjiż ieħor tal-UE biex ikomplu l-istudji tagħhom.
  • Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma tfal tal-iskola sekondarja, id-direttiva tkopri biss ivvjaġġar organizzat permezz ta’ skemi ta’ skambju mmexxija minn organizzazzjonijiet speċjalizzati. Japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    • limiti tal-età jiġu stabbiliti mill-pajjiż tal-UE kkonċernat;
    • l-organizzazzjoni tal-iskambju trid tkun liċenzjata mill-pajjiż tal-UE kkonċernat;
    • l-organizzazzjoni tal-iskambju trid taċċetta responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ sussistenza, ta’ studju, tal-kura tas-saħħa u tal-vjaġġ ta’ ritorn;
    • iċ-ċittadin minn pajjiż terz irid jgħix ma’ familja ospitanti.
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li jillimitaw l-iskambji ma’ pajjiżi terzi għal dawk li jipprovdu opportunitajiet ta’ skambju għall-istudenti tagħhom stess.
  • Id-direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jagħmlu traineeships mingħajr ħlas:

    • l-applikanti jrid ikollhom biżżejjed riżorsi biex ikopru l-ispejjeż ta’ sussistenza, ta’ taħriġ u tal-vjaġġ ta’ ritorn tagħhom;
    • jekk pajjiż partikolari tal-UE jitlob dan, l-applikanti jridu jirċievu taħriġ bażiku fil-lingwa biex jiġu mgħammra bl-għarfien li jeħtieġu għall-kollokament.
  • It-trainees li ma jitħallsux jew il-voluntiera li, meta titqies in-natura tal-attivitajiet tagħhom jew it-tip ta’ kumpens jew pagament li rċevew, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali jitqiesu li jkunu ħaddiema, mhumiex koperti minn din id-direttiva.
  • Id-direttiva tipprovdi għall-kundizzjonijiet li ġejjin fejn ċittadin ta’ pajjiż terz japplika biex jiġi ammess għal skema ta’ servizz volontarju:

    • limiti tal-età jiġu stabbiliti mill-pajjiż tal-UE kkonċernat;
    • ftehim li jagħti deskrizzjoni tal-kompiti, il-kundizzjonijiet li taħthom il-voluntier jiġi ssorveljat meta jwettaq dawk il-kompiti, is-sigħat tax-xogħol, u r-riżorsi disponibbli biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta’ sussistenza u ta’ akkomodazzjoni matul ir-residenza;
    • l-organizzazzjoni responsabbli għall-iskema tas-servizz volontarju trid taċċetta r-responsabbiltà għall-attivitajiet tal-voluntier u għall-ispejjeż ta’ sussistenza, tal-kura tas-saħħa u tal-vjaġġ ta’ ritorn;
    • jekk il-pajjiż ospitanti tal-UE jitlob dan b’mod speċifiku, il-voluntier irid jingħata introduzzjoni bażika għal-lingwa, għall-istorja u għall-istrutturi politiċi u soċjali ta’ dak il-pajjiż.

Validità u tiġdid ta’ permessi ta’ residenza

Il-perjodu ta’ validità ta’ permessi ta’ residenza jvarja skont il-kategorija:

  • studenti: perjodu ta’ mill-inqas sena, li jiġġedded jekk id-detentur ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet Meta l-kors ta’ studju jdum inqas minn sena, il-permess hu validu għall-kors sħiħ;
  • tfal tal-iskola: sa sena;
  • trainees li ma jitħallsux: il-kollokament qiegħed għal massimu ta’ sena. F’każijiet eċċezzjonali, jista’ jiġġedded darba biss, u għaż-żmien meħtieġ biex tinkiseb kwalifika professjonali rikonoxxuta minn pajjiż tal-UE biss;
  • voluntiera: sa sena. F’każijiet eċċezzjonali, jekk il-programm ikkonċernat jaqbeż sena, jinħareġ permess ta’ residenza li jikkorrispondi għall-perjodu kkonċernat.

Drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Id-direttiva tiddikjara li l-istudenti jistgħu jiġu impjegati u li jista’ jkollhom id-dritt li jimpenjaw ruħhom f’attività ekonomika għal rashom. Madankollu, il-pajjiż ospitanti tal-UE jista’ jillimita l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi għall-ewwel sena ta’ residenza.

Proċedura u trasparenza

  • Deċiżjoni dwar applikazzjoni biex jinkiseb jew jiġġedded permess ta’ residenza hi soġġetta għar-regoli li ġejjin:

    • trid tittieħed deċiżjoni dwar permess ta’ residenza, u l-applikant irid jiġi infurmat biha, fi żmien perjodu li ma jagħmilhiex diffiċli biex l-applikant isegwi l-istudji tiegħu/tagħha, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet responsabbli biżżejjed żmien biex jipproċessaw l-applikazzjoni;
    • jekk l-informazzjoni li tingħata biex tappoġġja l-applikazzjoni mhijiex adegwata, l-awtoritajiet responsabbli biex jeżaminaw l-applikazzjoni jistgħu temporanjament jieqfu jipproċessawha. Huma jridu jinfurmaw lill-applikant bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li għandhom bżonn;
    • ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal permess ta’ residenza jrid jiġi infurmat bi kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu/tagħha. In-notifika trid tispeċifika kwalunkwe proċedura ta’ rimedju disponibbli;
    • meta applikazzjoni tiġi rrifjutata, jew permess ta’ residenza maħruġ f’konformità ma’ din id-direttiva jiġi rtirat, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikkontesta legalment quddiem l-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE kkonċernat.
  • Id-direttiva tippermetti ftehim dwar proċedura rapida biex jinħarġu permessi ta’ residenza jew viżi lil studenti u tfal tal-iskola bejn l-awtorità ta’ pajjiż tal-UE li hi responsabbli għad-dħul u għar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u istitut ta’ edukazzjoni għolja jew organizzazzjoni li tmexxi skemi ta’ skambju ta’ studenti.

Tħassir

Mill-24 ta’ Mejju 2018, id-Direttiva (UE) 2016/801 tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2004/114/KE.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Bdiet tapplika mit-12 ta’ Jannar 2005. Il-pajjiżi tal-UE kienu meħtieġa li jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-11 ta’ Jannar 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, 23.12.2004, pp. 12-18)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 21–57)

l-aħħar aġġornament 14.09.2017

Top