EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Trattament ugwali irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2000/43/KE — li timplimenta trattament ugwali irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tiġġieled id-diskriminizzazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika.
  • Din tistipula rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn persuni fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Billi tiskoraġġixxi d-diskriminazzjoni, din għandha tgħin biex iżżid il-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali u tnaqqas l-esklużjoni soċjali.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni. Din tipprojbixxi kemm id-diskriminazzjoni diretta* kif ukoll indiretta*, fastidju*, struzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni u vittimizzazzjoni*.
  • Din id-Direttiva tapplika għall-persuni kollha u għas-setturi ta’ attività kollha, fir-rigward ta’:
    • l-aċċess għall-impjieg;
    • il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-promozzjoni, il-paga u t-tkeċċija;
    • l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali;
    • l-involviment fl-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegati, u fi kwalunkwe organizzazzjoni professjonali;
    • l-aċċess għal protezzjoni soċjali u għal kura tas-saħħa;
    • l-edukazzjoni;
    • il-vantaġġi soċjali;
    • l-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi, inkluż l-abitazzjoni.
  • Id-Direttiva ma tkoprix differenza fit-trattament abbażi ta’ nazzjonalità, jew il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal ċittadini minn pajjiżi mhux tal-UE.

Derogi mill-prinċipju ta’ trattament ugwali

  • Fil-qasam tal-impjiegi, tista’ tiġi awtorizzata deroga meta l-oriġini razzjali jew etnika tikkosistitwixxi f’rekwiżit professjonali ġenwin. Din id-deroga tista’ tkun ġustifikabbli min-natura tal-attività u l-kundizzjonijiet li fihom tiġi eżerċitata. Din trid tkun leġittima u proporzjonata.
  • Din id-Direttiva ma topponix azzjoni pożittiva, prinċipalment miżuri nazzjonali li għandhom l-għan li jipprevjenu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mal-oriġini razzjali jew etnika.

Rimedji u infurzar

  • Kull min jemmen li hu vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini razzjali jew etnika jeħtieġlu jkollu aċċess għal proċedimenti legali u/jew amministrattivi. Assoċjazzjonijiet jew persuni fiżiċi interessati oħra jistgħu wkoll iwettqu proċedimenti jew f’isem l-ilmentatur jew f’appoġġ miegħu.

Il-vittma tad-diskriminazzjoni teħtieġ tistabbilixxi biss preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni, wara dan, huwa d-dmir tal-intimat li jagħti prova li ma kienx hemm diskriminazzjoni.

Djalogu soċjali u djalogu ċivili

  • Is-sħab soċjali jiżguraw il-promozzjoni ta’ trattament ugwali, speċifikament billi jimmonitorjaw il-prattiki fuq il-post tax-xogħol, jipproduċu kodiċi ta’ kondotta u jikkonkludu ftehimiet kollettivi. B’mod aktar ġenerali, id-Direttiva tinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet li jistabbilixxu regoli dwar in-nondiskriminazzjoni fl-oqsma li fihom jaqa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjar kollettiv.
  • Huwa mħeġġeġ ukoll djalogu ċivili mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati.

Korpi għall-promozzjoni tal-prinċipju

Kull pajjiż tal-UE jrid jistabbilixxi tal-inqas korp wieħed dedikat biex jiġġieled id-diskriminazzjoni, li b’mod partikolari, ikun inkarigat milli jgħin lill-vittmi u jwettaq studji indipendenti.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Fl-2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li titlob miżuri li għandhom jittieħdu f’numru ta’ oqsma, inkluż kontra d-diskriminazzjoni, sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tan-nies ta’ Rom. Ir-rakkomandazzjoni hija msejsa fuq id-Direttiva 2000/43/KE u tenfasizza l-importanza tal-infurzar prattiku tagħha.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mid-19 ta’ Lulju 2000. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-19 ta’ Lulju 2003.

SFOND

It-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (UE) jipprovdi lill-UE b'bażi legali biex tiġġieled il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

* TERMINI EWLENIN

Diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif inhi, kienet jew tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika.

Diskriminazzjoni indiretta: meta regola, kriterju jew prattika li jkunu jidhru newtrali jpoġġu lill-persuni ta’ oriġini razzjali jew etnika fi żvantaġġ partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħrajn, sakemm tali regola, kriterju jew prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

Fastidju: fejn imġiba mhux mixtieqa relatata ma’ oriġini razzjali jew etnika sseħħ bl-iskop jew bl-effett ta' ksur tad-dinjità ta' persuna, u li toħloq intimidazzjoni, ambjent ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

Vittimizzazzjoni: trattament mhux ġust jew krudili ta’ xi ħadd li jilmenta minn diskriminazzjoni jew li jgħin lil ħaddieħor f’ilment dwar diskriminazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22-26)

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - L-applikar tad-direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (KUMM(2006) 643 finali, 30.10.2006)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1-7)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad- 29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali”) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg”) (COM(2014) 2 final, 17.1.2014)

l-aħħar aġġornament 23.02.2017

Top