Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/112/KE — is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din tirriformula u tirrevoka s-Sitt Direttiva oriġinali dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u b’hekk tikkjarifika l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-VAT li qiegħda fis-seħħ bħalissa.

PUNTI EWLENIN

Il-VAT tapplika għat-tranżazzjonijiet kollha li jitwettqu fl-UE bi ħlas (pagament) minn persuna taxxabbli, jiġifieri kwalunkwe individwu jew korp li jipprovdi merkanzija u servizzi taxxabbli fil-kors tan-negozju tiegħu. L-importazzjonijiet minn kwalunkwe persuna huma wkoll soġġetti għall-VAT.

It-tranżazzjonijiet taxxabbli jinkludu l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi f’pajjiż wieħed tal-UE, l-akkwisti intra-UE ta’ merkanzija (merkanzija pprovduta u mibgħuta jew ittrasportata minn negozju f’pajjiż wieħed tal-UE lejn negozju f’pajjiż ieħor) u l-importazzjonijiet ta’ merkanzija lejn l-UE minn barra.

Rigward il-post tat-tranżazzjoni, japplikaw regoli differenti skont in-natura tat-tranżazzjoni, it-tip ta’ prodott ipprovdut u jekk huwiex involut trasport.

  • Provvista ta’ merkanzija — il-post tat-tassazzjoni huwa l-post fejn qed tiġi pprovduta l-merkanzija.
  • Akkwist inter-UE ta’ merkanzija — il-post tat-tassazzjoni huwa l-post fejn il-parti li tkun qed takkwista l-merkanzija titlob li din tiġi fornita, jiġifieri l-pajjiż tal-UE fejn il-merkanzija tispiċċa tinsab wara trasport minn pajjiż ieħor tal-UE.
  • Importazzjonijiet ta’ merkanzija — il-post tat-tassazzjoni huwa l-post fejn il-merkanzija importata minn pajjiżi mhux tal-UE tiġi intaxxata ġeneralment, jiġifieri l-pajjiż tal-UE fejn tasal.
  • Provvista ta’ servizzi — il-post tat-tassazzjoni huwa l-post fejn qed jiġu pprovduti s-servizzi. Dan jiddependi mhux biss min-natura tas-servizz ipprovdut, iżda wkoll mill-istatus tal-klijent li qed jitwassallu dak is-servizz. Sabiex ikun żgurat li s-servizz jiġi intaxxat fil-post fejn jiġi effettivament ikkunsmat, hawn xi eċċezzjonijiet minn dawn ir-regoli ġenerali, bħal dawn li ġejjin:

    • servizzi li jikkonċernaw proprjetà immobbli;
    • trasport ta’ passiġġieri;
    • attivitajiet relatati mal-kultura, l-isports, l-edukazzjoni u d-divertiment;
    • servizzi ta’ ristoranti.

Il-VAT tiġi imposta skont in-natura tat-tranżazzjoni, pereżempju meta jiġu pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi. Il-VAT tista’ tiġi imposta fuq xirja intra-UE meta titlesta l-provvista tal-merkanzija lejn il-pajjiż rilevanti tal-UE. Fejn jidħlu l-importazzjonijiet lejn l-UE, l-episodju taxxabbli jseħħ meta l-merkanzija tiddaħħal f’pajjiż tal-UE.

L-ammont taxxabbli għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi u l-akkwist intra-UE ta’ merkanzija jinkludi l-pagamenti kollha lill-fornitur. Fejn qed tiġi importata merkanzija, dan l-ammont ikun il-valur tagħha għal finijiet doganali. Id-dazji, it-taxxi u piżijiet oħra huma inklużi fl-ammont taxxabbli, iżda l-VAT innifisha, ir-roħs u r-ribassi mogħtija lill-konsumatur huma esklużi.

Ir-rata standard tal-VAT li trid tiġi applikata mill-pajjiżi kollha tal-UE rigward il-merkanzija u s-servizzi hija ta’ mill-inqas 15%. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata mnaqqsa waħda, jew tnejn minnhom, ta’ mill-inqas 5% rigward oġġetti jew servizzi speċifiċi elenkati fl-Anness III mad-Direttiva. Taħt ċerti kundizzjonijiet, japplikaw ukoll għadd ta’ arranġamenti li jidderrogaw minn dawn ir-regoli (rati aktar baxxi, rati mnaqqsa fuq oġġetti jew servizzi oħrajn eċċ.).

Id-Direttiva tippermetti li jkun hemm eżenzjonijiet mill-VAT. Il-parti l-kbira minn dawn huma eżenzjonijiet mingħajr dritt ta’ tnaqqis, pereżempju servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, tal-kura medika jew servizzi soċjali. Madankollu, jeżistu wkoll eżenzjonijiet bi dritt ta’ tnaqqis, pereżempju provvisti intra-UE ta’ merkanzija jew esportazzjonijiet ta’ merkanzija lejn pajjiż mhux tal-UE. Ċerti eżenzjonijiet huma obbligatorji għall-pajjiżi tal-UE filwaqt li oħrajn huma fakultattivi.

Persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas l-ammont tal-VAT imħallas fuq merkanzija jew servizzi akkwistati fil-pajjiż tal-UE fejn dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu. Din il-VAT fuq ix-xiri imposta tista’ titnaqqas mill-VAT li għandha titħallas fuq tranżazzjonijiet taxxabbli, pereżempju provvisti domestiċi ta’ merkanzija jew ta’ servizzi. B’mod ġenerali, m’hawnx dritt ta’ tnaqqis f’każ ta’ attività ekonomika eżentata mill-VAT, jew jekk il-persuna taxxabbli tikkwalifika għal skema speċjali. F’ċerti każijiet, it-tnaqqis jista’ jiġi llimitat jew aġġustat.

Id-Direttiva tistipula l-obbligi tal-persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli. B’mod ġenerali, il-VAT għandha titħallas minn kull persuna taxxabbli li twettaq provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew ta’ servizzi. L-eċċezzjonijiet jinkludu tranżazzjonijiet speċifiċi fejn ikun il-klijent li jħallas il-VAT, pereżempju provvisti tal-gass naturali, u tranżazzjonijiet fejn il-pajjiż tal-UE jista’ jagħżel lill-konsumatur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, bħal fil-każ ta’ ċerti provvisti sensittivi għall-frodi bħall-kwoti tal-emissjonijiet (sal-31 ta’ Diċembru 2018).

Id-Direttiva tippermetti d-derogi mir-regoli dwar il-VAT standard mil-lat tal-pajjiżi tal-UE, pereżempju għall-prevenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ evażjoni tat-taxxa. Hemm ukoll skemi speċjali tal-VAT imfassla għat-tnaqqis tax-xogħol amministrattiv, pereżempju għan-negozji ż-żgħar u għall-bdiewa.

DIN DAĦLET FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • VAT (il-Kummissjoni Ewropea).

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, pp. 1–118)

Fit-test ewlieni ġew inkorporati emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/112/KE. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, pp. 5-30)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, pp. 23-28)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (ĠU L 346, 29.12.2007, pp. 6-12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar ta’ merkanzija ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (verżjoni kodifikata version) (ĠU L 286, 17.10.2006, pp. 15-18)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU L 264, 15.10.2003, pp. 1-11)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 20.11.2017

Top