EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-UE għat-tassazzjoni tal-alkoħol

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 92/83/KEE —strutturi armonizzati tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

Direttiva (UE) 2020/1151 li temenda Direttiva 92/83/KEE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 92/83/KEE tistabbilixxi r-regoli tal-UE għal:

  • id-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku;
  • il-kategoriji ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku soġġetti għal dazji tas-sisa; u
  • il-bażi li fuqha jiġi kkalkulat id-dazju.

Ġiet adottata d-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/1151:

  • biex taġġorna u tiċċara xi wħud mir-regoli tad-Direttiva 92/83/KEE li rriżultaw fi proċeduri amministrattivi li huma ta’ piż bla bżonn kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għan-negozji;
  • biex taġġorna r-regoli li jippermettu lill-pajjiżi tal-UE japplikaw rati mnaqqsa fuq ċerti prodotti alkoħoliċi;
  • biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet għall-iffissar tad-dazju tas-sisa fuq il-birra, li għalihom huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-kejl tal-gradi Plato* u biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għal metodoloġija armonizzata għall-kejl tagħha.

PUNTI EWLENIN

Birra

Skont id-Direttiva 92/83/KE

  • Id-dazju tas-sisa impost fuq il-birra huwa bbażat fuq in-numru ta’ ettolitri/gradi Plato jew fuq in-numru ta’ ettolitri/gradi ta’ alkoħol skont il-volum tal-prodott finali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jaqsmu l-birer f’kategoriji li jikkonsistu f’mhux aktar minn 4 gradi Plato u jistgħu jimponu l-istess rata ta’ dazju għal kull ettolitru fuq il-birer kollha f’kull kategorija.
  • Jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti, sakemm dawk ir-rati:
    • ma jiġux applikati għal birreriji li jipproduċu aktar minn 200 000 hl ta’ birra fis-sena;
    • ma jkunux aktar minn 50 % taħt ir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa.
  • Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw b’mod ugwali għall-birra ttrasportata f’dak il-pajjiż minn birreriji żgħar li jinsabu f’pajjiżi oħrajn tal-UE.
  • Ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jkunu inqas mir-rata minima, jistgħu jiġu applikati għal birer inqas qawwija, jiġifieri dawk b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 2.8 % vol. (miżjuda għal 3.5 % vol. mill-1 ta’ Jannar 2022, bid-Direttive Emendatorja (UE) 2020/1151).

Għal birra dolċifikata jew imħawra, id-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/1151 tistabbilixxi approċċ armonizzat għall-kejl tal-gradi Plato. Dan sabiex jiġi żgurat li l-ingredjenti tal-birra miżjuda wara l-fermentazzjoni jitqiesu għall-iskop tal-kejl tal-gradi Plato. Id-Direttiva Emendatorja tippermetti lill-pajjiżi tal-UE li, fid-29 ta’ Lulju 2020, ma kinux qiesu l-ingredjenti tal-birra miżjuda wara l-fermentazzjoni bil-għan li jitkejlu l-gradi Plato, ikomplu jużaw il-metodoloġija applikata bħalissa għal perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Inbid, xarbiet oħra ffermentati u prodotti intermedji

Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, id-Direttiva 92/83/KEE tistabbilixxi r-regoli li ġejjin.

  • Id-dazju impost fuq l-inbid mingħajr gass u bil-gass u fuq xarbiet oħrajn iffermentati (eż. ċidru u perri) u prodotti intermedjarji (eż. port u sherry) huwa bbażat fuq in-numru ta’ ettolitri tal-prodott finali.
  • Il-pajjiżi għandhom jimponu l-istess rata ta’ dazju fi ħdan kull kategorija ta’ xorb.
  • Rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ nbid u xarbiet oħrajn iffermentati b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 8.5 % vol.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata waħda mnaqqsa fuq prodotti intermedjii b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 15 % vol. jekk din ir-rata:
    • ma tkunux aktar minn 40 % taħt ir-rata nazzjonali standard;
    • ma tkunx inqas mir-rata standard applikata għall-inbid bla gass u xarbiet iffermentati oħra mingħajr gass.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/1151 tippermetti:

  • Il-pajjiżi tal-UE li japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju fuq l-inbid prodott minn produtturi tal-inbid żgħar indipendenti fil-limiti li ġejjin:
    • ir-rati mnaqqsa ma għandhomx jiġu applikati għal impriżi li jipproduċu medja ta’ aktar minn 1 000 hl jew, fil-każ ta’ Malta, bħala medja ta’ aktar minn 20 000 hl ta’ nbid fis-sena
    • ir-rati mnaqqsa ma għandhomx jiġu stabbiliti għal aktar minn 50 % taħt ir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa;
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju għal produtturi żgħar indipendenti fil-limiti li ġejjin:
    • sa 15 000 hl għal xarbiet oħra ffermentati u
    • sa 250 hl għal prodotti intermedji.

L-Ispirti

Ir-regoli ewlenin skont id-Direttiva 92/83/KEE huma dawn li ġejjin:

  • Id-dazju impost fuq l-alkoħol pur u xorb alkoħoliku huwa kkalkulat għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur, meta mkejjel f’temperatura ta’ 20 °C.
  • Jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa għall-alkoħol etilitiku (etanol) prodott minn distilleriji żgħar li jipproduċu sa 10 hl ta’ alkoħol pur kull sena; madankollu, dan ma jistax ikun iżjed minn 50 % taħt ir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw tali rati mnaqqsa b’mod ugwali għall-etanol li joriġina minn distilleriji żgħar f’pajjiżi oħrajn tal-UE.

Fir-rigward tal-ispirti, id-Direttiva (UE) 2020/1151 temenda r-regoli li jippermettu lil ċerti pajjiżi tal-UE japplikaw rata mnaqqsa għall-etanol prodott f’distilleriji ta’ produtturi tal-frott minn frott (bħat-tuffieħ, il-lanġas, il-karfa tal-għeneb u l-frott żgħir).

Eżenzjonijiet

F’kundizzjonijiet li l-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi tagħhom u biex jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż, id-Direttiva 92/83/KEE tippermetti li l-prodotti jkunu eżentati mid-dazju tas-sisa jekk ikunu:

  • żnaturati* b’konformità mar-rekwiżiti fi kwalunkwe pajjiż tal-UE;
  • denaturalizzati u użati biex jiġu manifatturati prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem;
  • użati biex jiġu prodotti l-ħall, mediċini, ikel jew aromatizzanti tal-ikel.

Mill-1 ta’ Jannar 2022, id-Direttiva (UE) 2020/1151:

  • tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jeżentaw mid-dazju tas-sisa l-alkoħol żnaturat kompletament li jkun ġie żnaturat kompletament f’pajjiż ieħor tal-UE, skont il-metodu awtorizzat minn dak il-pajjiż l-ieħor;
  • tippermetti lill-pajjiżi tal-UE, taħt għadd ta’ kundizzjonijiet, li jeżentaw prodotti mid-dazju tas-sisa armonizzat koperti mid-Direttiva 92/83/KEE meta jintużaw fil-manifattura ta’ supplimenti tal-ikel (skont id-Direttiva  2002/46/KE dwar supplimenti tal-ikel – ara s-sommarju);
  • tiċċara l-proċeduri għan-notifika ta’ bidliet fir-rekwiżiti għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol.

L-introduzzjoni ta’ sistema komuni ġdida ta’ ċertifikazzjoni għall-produtturi żgħar indipendenti tat-tipi kollha ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/1151

  • tintroduċi sistema komuni ta’ ċertifikazzjoni fl-UE biex jiġi kkonfermat l-istatus ta’ produtturi żgħar indipendenti, li jingħarfu fil-pajjiżi kollha tal-UE;
  • tagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jikkonċernaw dan iċ-ċertifikat.

Lista ta’dazji tas-sisa

Darbtejn fis-sena, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika lista sħiħa tar-rati tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 92/83/KEE ilha tapplika mill-10 ta’ Novembru 1992 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 1992.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/1151 għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2021. Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mill-1 ta’ Jannar 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Gradi Plato: in-numru ta’ gradi Plato jkejjel il-perċentwal fil-piż tal-estratt oriġinali għal kull 100 gramma ta’ birra. Dan il-valur huwa kkalkolat mill-estratt attwali u l-alkoħol li jinsab fil-prodott finali.
Alkoħol żnaturat: alkoħol etilitiku li jsir mhux tajjeb għax-xorb minħabba ż-żieda ta’ sustanza kimika waħda jew aktar miegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 21-27)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/83/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/1151 tad-29 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 256, 5.8.2020, pp. 1-10)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mas-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, pp. 51-57)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 29-31)

l-aħħar aġġornament 15.10.2020

Top