EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-immarkar fiskali taż-żjut tal-gass u tal-kerosin

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 95/60/KE – l-immarkar fiskali taż-żjut tal-gass u tal-kerosin

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija mmirata biex tiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq intern u biex tipprevjeni l-użu mhux xieraq ta’ ċerti prodotti tal-pitrolju li huma suġġetti għal dazji tas-sisa varjabbli.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom japplikaw indikatur fiskali fuq iż-żjut tal-gass u l-kerosin (li ma jkunx “jet fuel”) li jkunu eżentati mid-dazju tas-sisa jew soġġetti għal dazju tas-sisa b’rata differenti mir-rata standard applikabbli għaż-żjut minerali użati bħala fjuwil tal-magni.
  • L-immarkar fiskali jikkonsisti fiż-żieda ta’ sustanza kimika speċifika mal-prodotti msemmija hawn fuq. L-indikatur irid jiżdied taħt superviżjoni fiskali qabel il-prodotti ma jinħarġu għall-konsum, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jżidu indikatur jew kulur nazzjonali b’żieda mal-indikatur ipprovdut mid-Direttiva.

Eċċezzjonijiet

  • Hemm eċċezzjonijiet f’ċerti ċirkostanzi, mill-applikazzjoni tal-indikatur fiskali għal raġunijiet tas-saħħa jew tas-sikurezza pubblika jew għal raġunijiet tekniċi.
  • L-Irlanda tista’ tiddeċiedi li ma tużax dan l-indikatur jew li ma tippermettix l-użu tiegħu. F’dan il-każ, jeħtiġilha tinforma lill-Kummissjoni, li mbagħad ikollha tinforma lill-pajjiżi l-oħrajn tal-UE.
  • Id-Danimarka tista’ ddewwem iż-żieda tal-indikatur sal-mument tal-bejgħ finali bl-imnut, bil-kundizzjoni li l-merkanzija tibqa’ soġġetta għall-kontroll fiskali.

Penali

Sabiex ikun żgurat li jiġi evitat l-użu mhux xieraq tal-prodotti mmarkati u, b’mod partikolari, li ż-żjut minerali inkwistjoni ma jkunux jistgħu jintużaw għall-kombustjoni fil-magna ta’ vettura bil-mutur li tintuża fit-triq, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiddeterminaw il-penali li jridu jiġu imposti f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva.

Indikatur komuni

  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/544/KE stabbilixxiet is-“Solvent Yellow 124” bħala l-indikatur fiskali komuni. Din iġġeddet tliet darbiet. L-aktar Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni reċenti (UE) 2017/74, li qiegħda fis-seħħ bħalissa, iffissat livell ta’ mmarkar ta’ mill-inqas 6 mg u mhux aktar minn 9 mg ta’ indikatur għal kull litru ta’ żejt minerali. Din id-deċiżjoni trid tiġi riveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021, fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi fil-qasam tas-sistemi ta’ mmarkar (u bil-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi miġġieled l-użu bi frodi ta’ żjut minerali eżentati mis-sisa jew suġġetti għal rata ta’ sisa mnaqqsa).
  • Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea nediet studju biex jiġu identifikati prodotti alternattivi adatti għall-użu bħala indikatur fiskali fiż-żjut tal-gass u l-kerosin. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ħareġ rapport li fih is-sejbiet tiegħu dwar xi wħud mill-indikaturi fiskali disponibbli, ibbażati fuq’ applikazzjonijiet minn kumpaniji mill-industrija kimika wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess maħruġa mis-servizzi tal-Kummissjoni. Il-ħidma ta’ valutazzjoni tal-indikaturi fiskali potenzjali għadha għaddejja.
  • Jekk il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-pajjiżi tal-UE, tiddeċiedi li hawn disponibbli sustanza bi prestazzjoni aħjar mis-“Solvent Yellow 124”, jista’ jkun li d-Deċiżjoni (UE) 2017/74 tiġi revokata qabel l-2021.

META DAĦLET FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha fis-seħħ mis-26 ta’ Diċembru 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju (ĠU L 291, 6.12.1995, pp. 46–47)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/74 tal-25 ta’ Novembru 2016 li tistabbilixxi indikatur fiskali komuni għaż-żjut tal-gass u għall-pitrolju (ĠU L 10, 14.1.2017, pp. 7–9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, pp. 12–30)

Fit-test ewlieni ġew inkorporati emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/118/KE. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, pp. 51–70).

Żewġ emendi għad-Direttiva 2003/96/KE ġew inkorporati fit-test ewlieni. Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 07.11.2017

Top