EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Effetti transkonfinali ta’ inċidenti industrijali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 98/685/KE dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Effetti Transkonfini tal-Inċidenti Industrijali

Konvenzjoni dwar l-effeti transkonfini tal-inċidenti industrijali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-KONVENZJONI?

  • F’isem il-Komunità Ewropea (illum l-Unjoni Ewropea (UE)), id-deċiżjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni dwar l-effeti transkonfini tal-inċidenti industrijali.
  • Il-Konvenzjoni tfittex li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra inċidenti industrijali li jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali, u li tippromwovi kooperazzjoni internazzjonali attiva bejn il-partijiet kuntrattwali qabel, matul u wara inċidenti bħal dawn.

PUNTI EWLENIN

  • F’Helsinki fit-18 ta’ Marzu 1992, 26 pajjiż, inkluż 14-il pajjiż tal-UE, u l-UE nnifisiha ffirmaw il-Konvenzjoni dwar l-effetti transkonfinali tal-inċidenti industrijali, fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. B’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Konvenzjoni hija approvata f’isem il-Komunità.
  • Il-Konvenzjoni tistabbilixxi sett ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-bniedmin u l-ambjent kontra l-effetti transkonfinali tal-inċidenti industrijali, u biex tippromwovi kooperazzjoni internazzjonali attiva bejn il-partijiet kuntrattwali qabel, matul u wara inċidenti bħal dawn.
  • Din tapplika għall-inċidenti industrijali li jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali, inkluż inċidenti kkawżati minn diżastri naturali, bl-eċċezzjoni ta’:
    • inċidenti nukleari jew emerġenzi radjoloġiċi;
    • inċidenti f’installazzjonijiet militari;
    • ħsarat f’digi;
    • inċidenti tat-trasport ibbażat fuq l-art;
    • ir-rilaxx inċidentali ta’ organiżmi ġenetikament modifikati;
    • inċidenti kkawżati minn attivitajiet fl-ambjent tal-baħar u t-tixrid ta’ sustanzi perikolużi fil-baħar.
  • Il-partijiet kuntrattwali jridu jidentifikaw attivitajiet perikolużi fil-ġurisdizzjoni tagħhom u jridu jinfurmaw lill-partijiet affettwati dwar kwalunkwe attività proposta jew eżistenti bħal din. Fuq l-inizjattiva ta’ kwalunkwe wieħed minnhom, il-partijiet l-oħra jridu jidħlu f’diskussjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jikkawżaw effetti transkonfinali.
  • L-istati firmatarji jridu jieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-inċidenti industrijali. B’mod partikolari, dawn iridu:
    • jinduċu azzjoni mill-operaturi biex jitnaqqas ir-riskju tal-inċidenti industrijali;
    • jistabbilixxu politiki dwar it-tqegħid ta’ attivitajiet perikolużi ġodda u dwar modifiki sinifikanti għall-attivitajiet perikolużi eżistenti, bl-objettiv li jiġi mminimizzat ir-riskju għall-popolazzjoni u għall-ambjent;
    • jippreparaw għal emerġenzi kkawżati mill-inċidenti industrijali, jintroduċu l-miżuri neċessarji inkluż pjanijiet ta’ kontinġenza, biex jipprevjenu u jiminimizzaw l-effetti transkonfinali. Il-firmatarji jridu jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħmlu l-pjanijiet tagħhom kompatibbli.
  • Skont il-Konvenzjoni, l-istati kuntrattwali jridu jiżguraw li tingħata informazzjoni adegwata lill-pubbliku fiż-żoni li jistgħu jiġu affettwati minn inċident industrijali li jkun riżultat ta’ attività perikoluża. L-istati kuntrattwali jridu wkoll, f’każijiet xierqa, jagħtu lill-pubbliku opportunità biex jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u tħejjija.
  • Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma, jew jistgħu, jiġu affettwati mill-effetti transkonfinali ta’ inċident industrijali fit-territorju ta’ stat firmatarju jeħtiġilhom jingħataw l-istess aċċess għall-proċedimenti amministrattivi u ġuridiċi rilevanti bħala ċittadin tal-istat ikkonċernat.
  • Kull parti għall-Konvenzjoni trid tintroduċi sistema ta’ notifika.
  • F’każ jew theddida imminenti ta’ inċident industrijali li jikkawża jew li jista’ jikkawża effetti transkonfinali, l-istat ta’ oriġini jrid:
    • jinnotifika lill-istati affettwati mingħajr dewmien;
    • jiżgura li l-pjanijiet ta’ kontiġenza jkunu attivati;
    • jiżgura li l-miżuri ta’ rispons jittieħdu malajr kemm jista’ jkun sabiex irażżnu u jimminimizzaw l-effetti tal-inċident. L-istati kuntrattwali jridu jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkoordinaw il-miżuri ta’ rispons tagħhom.
  • L-istat ta’ oriġini jista’ jitlob għall-assistenza minn firmatarji oħrajn.
  • Kull parti kuntrattwali trid tfassal punt wieħed ta’ kuntatt għall-iskop ta’ notifiki ta’ inċidenti industrijali u punt wieħed ta’ kuntatt għall-iskop ta’ assistenza reċiproka. Din trid tinnotifika dawn lill-firmatarji oħrajn fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni.
  • Il-partijiet kuntrattwali jridu jinkoraġġixxu b’mod attiv il-kooperazzjoni xjentifika u teknika u jiffaċilitaw l-iskambju tat-teknoloġija għal-limitar tar-riskji u l-konsegwenzi tal-inċidenti industrijali. Dan iridu wkoll jappoġġjaw sforzi internazzjonali xierqa sabiex jitfasslu regoli dwar ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni.
  • Il-partijiet tal-Konvenzjoni jridu jiltaqgħu tal-inqas darba fis-sena.
  • Il-Konvenzjoni tipprovdi għal 3 mekkaniżmi biex jissolva t-tilwim bejn il-firmatarji:
  • L-aħħar 2 metodi jistgħu jintużaw biss f’każijiet fejn il-partijiet ma kinux setgħu jsolvu t-tilwima tagħhom permezz ta’ negozjati
  • L-użu ta’ dawn il-metodi huwa fakultattiv u reċiproku; f’dikjarazzjoni bil-miktub; parti tista’ taċċetta l-użu obbligatorju ta’ wieħed minn dawn il-metodi jew it-tnejn li huma fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ kwalunkwe parti oħra li taċċetta l-istess obbligu.
  • Jekk il-partijiet tat-tilwima jkunu aċċettaw iż-żewġ mezzi ta’ solvien tat-tilwima, it-tilwima tista’ tiġi ppreżentata biss lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, sakemm l-istati kkonċernati ma jaqblux mod ieħor.
  • L-istati firmatarji jridu jżommu lill-partijiet l-oħra infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONI U L-KONVENZJONI?

  • Id-deċiżjoni tapplika mit-23 ta’ Marzu 1998.
  • Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-Komunità Ewropea fid-19 ta’ April 2000, 90 jum wara d-data ta’ depożitu tas-16-il strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/685/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Effetti Transkonfini tal-Inċidenti Industrijali (ĠU L 326, 3.12.1998, pp. 1–4)

Konvenzjoni dwar l-effetti transkonfini ta’ l-Inċidenti Industrijali - Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea li tikkonċerna l-kompetenza (OJ L 326, 3.12.1998, pp. 5-33)

DOKUMENTI RELATATI

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar proposta għal emenda f’Anness I tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali tal-Inċidenti Industrijali (KUMM(2006) 493 finali, 13.9.2006)

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fit-Tmien Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki dwar l-Effetti Transfruntieri ta’ Aċċidenti Industrijali fir-rigward tal-proposta għal emenda fl-Anness I (COM(2014) 652 final, 23.10.2014)

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 924–947).

Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.07.2012, pp. 1-37)

l-aħħar aġġornament 20.02.2017

Top