Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Valutazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u tal-programmi fuq l-ambjent

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Valutazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u tal-programmi fuq l-ambjent

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2001/42/KE — Direttiva dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (IAS)

X'INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hi għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali meta jkunu qed jitfasslu, jiġu adottati u jiġu implimentati pjanijiet u programmi.
  • Hi tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli billi tiżgura li l-valutazzjoni ambjentali ssir fuq ċerti pjanijiet u programmi li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pjanijiet u l-programmi pubbliċi koperti mid-Direttiva dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (SEA) huma soġġetti għal valutazzjoni ambjentali waqt it-tħejjija tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.
  • Id-direttiva tistabbilixxi proċedura u numru ta' passi li għandhom jiġu segwiti meta jiġi vvalutat pjan jew programm li tapplika għalih. Dawn il-passi jinkludu:
    • identifikazzjoni;
    • tħejjija tar-rapport ambjentali;
    • konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika;
    • teħid ta' deċiżjonijiet; u
    • monitoraġġ.
  • Id-direttiva teħtieġ ukoll li l-pjanijiet u l-programmi li jiddeterminaw l-użu ta' żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki minuri għall-pjanijiet u l-programmi, kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi li jvarjaw minn dawk elenkati fl-Artikolu 3(2), iżda li jistabbilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti, ikunu soġġetti għal proċedura ta' skrinjar. Il-marġini ta' diskrezzjoni tal-pajjiżi tal-UE fl-iskrinjar ta' ċerti pjanijiet u programmi hi limitata mill-kriterji ta' sinifikanza stabbiliti fl-Anness II u mill-għan ġenerali tad-direttiva li hu li tiżgura grad għoli ta' protezzjoni ambjentali.
  • Sett speċifiku ta' regoli japplika għall-istadji bikrin tat-teħid ta' deċiżjonijiet meta l-pjanijiet u l-programmi jkunu qed jiġu żviluppati, jiġifieri meta:
    • jitħejja rapport dwar l-effetti sinifikanti li probabbli jkun hemm fuq l-ambjent;
    • jiġu informati u kkonsultati l-pubbliku u l-awtoritajiet pubbliċi;
    • isiru konsultazzjonijiet transkonfinali mal-pajjiżi tal-UE li potenzjalment jiġu affettwati;
    • jiġu identifikati miżuri li jindirizzaw u jimmonitorjaw impatti ambjentali sinifikanti.
  • Din id-direttiva tapplika għall-pjanijiet u l-programmi pubbliċi li ġejjin (kif ukoll għall-emendi tagħhom) li tħejjew u/jew ġew adottati minn awtorità kompetenti u li huma soġġetti għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi:
    • pjanijiet u programmi li jitħejjew għal setturi speċifiċi (l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-immaniġġjar tal-ilma, it-telekomunikazzjoni, it-turiżmu, l-urbanistika u l-ippjanar rurali u l-użu tal-art) u li jistabbilixxu l-qafas għall-kunsens għall-iżvilupp ta' proġetti taħt id-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (EIA);
    • pjanijiet u programmi li għalihom hi meħtieġa valutazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva dwar il-“Ħabitats”;
    • pjanijiet u programmi li jistabbilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp ta' proġetti li jvarjaw minn dawk taħt id-Direttiva EIA (mhux limitati għas-setturi msemmija hawn fuq) u li l-pajjiżi tal-UE identifikaw bħala li aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeterminaw dan jew permezz ta' eżaminazzjoni ta' każ b'każ jew billi jispeċifikaw it-tipi ta' pjanijiet u programmi jew billi jikkombinaw iż-żewġ approċċi.
  • Modifiki żgħar għall-pjanijiet u għall-programmi u l-pjanijiet u l-programmi għal żoni żgħar fil-livell lokali, jekk aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti biss (“skrinjar”).
  • Pjanijiet u programmi li l-iskop uniku tagħhom hu li jservu d-difiża nazzjonali jew l-emerġenza ċivili, u pjanijiet u programmi finanzjarji jew baġitarji mhumiex koperti minn din id-direttiva.
  • Ir-rapport ambjentali jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:
    • il-kontenuti tal-pjan jew tal-programm u l-għanijiet u r-rabtiet ewlenin tiegħu ma' pjanijiet u programmi rilevanti oħra;
    • is-sitwazzjoni ambjentali eżistenti u l-iżvilupp probabbli tagħha jekk il-pjan jew il-programm ma jiġix implimentat;
    • il-karatteristiċi ambjentali ta' kwalunkwe żona li aktarx tiġi affettwata b'mod sinifikanti mill-pjan jew mill-programm;
    • kwalunkwe problema ambjentali eżistenti li hi rilevanti għall-pjan jew għall-programm, b'mod partikolari dawk relatati maż-żoni fin-netwerk Natura 2000;
    • l-għanijiet nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali tal-protezzjoni ambjentali li huma rilevanti għall-pjan jew għall-programm inkwistjoni;
    • l-effetti ambjentali sinifikanti probabbli jekk jiġi implimentat il-pjan jew il-programm;
    • il-miżuri previsti biex jipprevjenu, inaqqsu u jispustaw kwalunkwe effett negattiv fuq l-ambjent;
    • deksrizzjoni tar-raġunijiet għaliex intgħażlu alternattivi oħra;
    • deskrizzjoni ta' kif saret il-valutazzjoni;
    • il-miżuri ta' monitoraġġ previsti;
    • sommarju mhux tekniku tal-informazzjoni t'hawn fuq.
  • L-abbozz tal-pjan jew tal-programm u r-rapport ambjentali jridu jsiru disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli għall-kwistjonijiet ambjentali u għall-pubbliku. L-awtoritajiet u l-pubbliku jrid ikollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew tal-programm fi stadju bikri u f'perjodi ta' żmien xierqa qabel l-adozzjoni jew il-preżentazzjoni tiegħu għall-proċess leġiżlattiv.
  • Il-pajjiż tal-UE responsabbli biex iħejji l-pjan jew il-programm hu meħtieġ jibgħat kopja tal-abbozz tal-pjan jew tal-programm, flimkien ma' kopja tar-rapport ambjentali, lill-pajjiżi l-oħra tal-UE:
    • fejn jikkunsidra li l-pjan jew il-programm aktarx ikollu effetti ambjentali fuq it-territorju ta' dawk il-pajjiżi tal-UE l-oħrajn;
    • fuq talba ta' dawn il-pajjiżi tal-UE l-oħrajn.
  • Pajjiżi oħra tal-UE jistgħu jagħtu bidu għal konsultazzjonijiet dwar l-effetti transkonfinali tal-pjan jew tal-programm mal-pajjiż tal-UE responsabbli, kif ukoll dwar il-miżuri previsti biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati tali effetti.
  • Ir-rapport ambjentali, l-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet rilevanti u mill-pubbliku u r-riżultati ta' kwalunkwe konsultazzjoni transkonfinali jridu jitqiesu mill-awtorità kompetenti waqt it-tħejjija tal-pjan jew tal-programm u qabel jiġi adottat.
  • Meta jiġi adottat pjan jew programm, il-pajjiż tal-UE responsabbli jrid jinforma lill-partijiet kollha kkonċernati li ġew ikkonsultati u jagħmlulhom disponibbli:
    • il-pjan u l-programm kif adottat;
    • dikjarazzjoni li tiddeskrivi fil-qosor kif il-kunsiderazzjonijiet ambjentali ġew integrati u r-rapport tal-impatt ambjentali;
    • l-opinjonijiet u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet;
    • ir-raġunijiet għala ntgħażel il-pjan jew il-programm kif adottat;
    • il-miżuri ta' monitoraġġ li ttieħdu.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu għal proċeduri kkoordinati jew konġunti sabiex jevitaw id-duplikazzjoni tal-valutazzjoni ambjentali fir-rigward tal-pjanijiet u tal-programmi li għalihom l-obbligu li jsiru l-valutazzjonijiet jitfaċċa b'mod simultanju kemm minn din id-direttiva kif ukoll minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE.
  • Madankollu, il-valutazzjoni ambjentali li saret taħt id-Direttiva SEA ma tneħħix l-obbligu li ssir il-valutazzjoni meħtieġa taħt id-Direttiva EIA, jew biex jiġi ssodisfat kwalunkwe rekwiżit legali ieħor tal-UE.
  • Sal-21 ta' Lulju 2006, u sussegwentement kull 7 snin, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta rapporti dwar l-applikazzjoni tad-direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Bdiet tapplika mill-21 ta' Lulju 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-21 ta' Lulju 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, pp. 30-37)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, pp. 7-50)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/43/KEE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, pp. 1-21)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Dwar l-applikazzjoni u l-effettività tad-Direttiva dwar l-Istima Ambjentali Strateġika (Direttiva 2001/42/KE) (COM(2009) 469 final, 14.9.2009)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent (COM(2017) 234 finali, 15.5.2017)

l-aħħar aġġornament 15.09.2017

Top