EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ilma minn nitrati agrikoli

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Magħrufa bħala d-direttiva tan-Nitrati, għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma minn nitrati użati għal skopijiet agrikoli u li tipprevjeni kull tniġġis ulterjuri.
  • Din tifforma parti integrali mid-direttiva qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE — ara s-sommarju) tal-Unjoni Ewropea (UE) u hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħra tal-UE li jindirizzaw il-kwalità tal-arja, it-tibdil fil-klima u l-agrikoltura.

PUNTI EWLENIN

L-Istati Membri tal-UE għandhom jagħmlu dan li ġej.

  • Jinnominaw bħala żoni vulnerabbli dawk kollha li joskulaw għal ġo ilmijiet li huma jew jistgħu jiġu affettwati minn livelli għolja ta’ nitrati u ewtrofikazzjoni*. In-nomina tiġi rieżaminata u possibbilment riveduta mill-inqas kull 4 snin sabiex titqies kwalunkwe bidla li sseħħ.
  • Jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni obbligatorji għal dawn iż-żoni, billi jqisu d-data teknika u xjentifika disponibbli u l-kundizzjonijiet ambjentali globali.
  • Jimmonitorjaw l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni.
  • Jittestjaw il-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ħelu u fl-ilma tal-wiċċ fi stazzjonijiet għall-kampjunar, mill-inqas kull xahar u b’mod aktar frekwenti matul l-għargħar.
  • Iwettqu programm ta’ monitoraġġ komprensiv u jissottomettu — kull erba’ snin — rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva. Ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar iż-żoni vulnerabbli għan-nitrati, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma u sommarju tal-aspetti rilevanti tal-kodiċi ta’ prattiki agrikoli tajbin u programmi ta’ azzjoni.
  • Ifasslu kodiċi ta’ prattiki agrikoli tajba, li l-bdiewa japplikaw fuq bażi volontarja. Dan jistabbilixxi diversi prattiki tajbin, bħal meta l-użu tal-fertilizzanti ma jkunx xieraq.
  • Jipprovdu taħriġ u informazzjoni għall-bdiewa, fejn xieraq.

Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi rapport kull 4 snin abbażi tal-informazzjoni nazzjonali li tkun irċeviet. L-aħħar rapport imur lura għall-2021.

Derogi

Id-direttiva tistabbilixxi limiti massimi għall-ammont ta’ nitroġenu mid-demel li jista’ jiġi applikat kull sena għal 170 kg/ha. Meta l-Istati Membri jitolbu dan, u dment li jkunu jistgħu jiġġustifikaw xjentifikament li dan ma jwassalx għal tniġġis ogħla, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni (deċiżjonijiet li jippermettu eċċezzjonijiet magħrufa bħala derogi) li jippermettu li jiġu applikati limiti massimi ogħla ta’ nitroġenu mid-demel f’żoni speċifiċi u f’kundizzjonijiet partikolari. Dawn id-derogi la jeżentaw lill-Istati Membri inkwistjoni mill-objettivi tal-kwalità tal-ilma tad-direttiva, u lanqas minn kwalunkwe miżura oħra tagħha.

Bħalissa huma fis-seħħ id-deċiżjonijiet ta’ deroga li ġejjin:

  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/696 li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda — valida għal tliet snin, sal-31 ta’ Diċembru 2025;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1074 li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka — valida għal erba’ snin, sal-31 ta’ Lulju 2024;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1325 li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq — valida għal erba’ snin, sal-31 ta’ Diċembru 2022;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1205 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun ta’ Flanders — valida għal erba’ snin, sal-31 ta’ Diċembru 2022.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali fid-19 ta’ Diċembru 1993.

SFOND

In-nitroġenu huwa nutrijent vitali li jgħin lill-pjanti u lill-għelejjel jikbru. Madankollu, konċentrazzjonijiet għoljin tiegħu huma perikolużi għan-nies u għan-natura u l-użu agrikolu tan-nitrati f’fertilizzanti organiċi u kimiċi jista’ jkun sors ewlieni ta’ tniġġis tal-ilma. Il-biedja hija responsabbli għal aktar minn 50% tal-iskariki totali tan-nitroġenu fl-ilma tal-wiċċ.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ewtrofikazzjoni. L-arrikkiment tal-ilma mill-komposti tan-nitroġenu, li jikkawża tkabbir aċċellerat tal-algi u forom ogħla ta’ ħajja tal-pjanti, biex jiġi prodott disturb mhux mixtieq għall-bilanċ tal-organiżmi preżenti fl-ilma u għall-kwalità tal-ilma kkonċernat.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1-8).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 91/676/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/696 tad-29 ta’ April 2022 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikat skont id-dokument C(2022) 2596) (ĠU L 129, 3.5.2022, pp. 37-45).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1074 tas-17 ta’ Lulju 2020 li tagħti deroga mitluba mid-Danimarka skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 234, 21.7.2020, pp. 29-35).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1325 tas-27 ta’ Mejju 2019 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 206, 6.8.2019, pp. 21-26).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1205 tat-12 ta’ Lulju 2019 li tagħti deroga mitluba mill-Belġju fir-rigward tar-reġjun tal-Fjandri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 190, 16.7.2019, pp. 1-10).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat minn nitrati minn sorsi agrikoli abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2016-2019 (COM(2021) 1000 final, 11.10.2021).

l-aħħar aġġornament 19.05.2022

Top