EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Nipproteġu s-servizzi elettroniċi bi ħlas mill-piraterija

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Protezzjoni legali ta' servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali – Direttiva 98/84/KE.

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-protezzjoni legali tas-servizzi fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali (jiġifieri, aċċess permezz ta' abbonament)

Din tfittex li tipproteġi s-servizzi elettroniċi bi ħlas mill-piraterija.

Hija tipprojbixxi l-attivitajiet kummerċjali kollha li jinvolvu l-manifattura, id-distribuzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-ismart cards (cards tal-plastik li għandhom fihom mikroproċessuri jew mikroċips) u tagħmir ieħor li jagħmel possibbli li jinqabeż l-aċċess protett għas-servizzi bi ħlas tat-televiżjoni, ir-radju u l-internet.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tkopri s-servizzi kollha fornuti fuq il-bażi ta’ aċċess kondizzjonali, bħal servizzi bi ħlas għat-televiżjoni u servizzi bi ħlas għar-radju, servizzi ta’ vidjow jew tar-radju on demand, pubblikazzjoni elettronika u firxa wiesgħa ta’ servizzi onlajn li huma disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ abbonament jew fuq bażi “ħallas skont x’tara” .

Attivitajiet illeċiti

Kull pajjiż tal-UE għandu jintroduċi liġijiet li jipprojbixxu:

il-produzzjoni, l-importazzjoni, il-bejgħ, il-kiri jew il-pussess għall-profitt kummerċjali ta’ tagħmir jew softwer illegali li jippermetti aċċess mhux awtorizzat għal servizz protett;

l-installazzjoni, il-manutenzjoni jew is-sostituzzjoni ta’ tagħmir illegali għall-profitt kummerċjali;

reklamar li jippromwovi tagħmir jew softwer illegali.

Penali u rimedji

Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li jippromulga miżuri:

biex jintroduċi sanzjonijiet li huma effettivi, dissważivi u proporzjonali għall-impatt potenzjali tal-imġiba illegali;

biex jiżgura li l-fornituri tas-servizzi affettwati ħażin mill-imġiba illegali jistgħu jmorru l-qorti biex ifittxu għad-danni u inġunzjoni u fejn adegwat, japplikaw għas-sekwestru tat-tagħmir illegali.

Prinċipji dwar is-suq intern

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu ma jirrestrinġux:

id-dispożizzjoni tas-servizzi protetti jew servizzi assoċjati, li joriġinaw f’pajjiżi Ewropej oħra;

il-moviment ħieles tat-tagħmir b’aċċess kondizzjonali, ħlief dak it-tagħmir indikat bħala illeċitu mid-Direttiva (jiġifieri, kwalunkwe tagħmir jew softwer imfassal jew adattat biex jagħti aċċess għal servizz protett f’forma intelliġibbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-fornitur tas-servizz).

Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea

Fl-2015, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva f'isem l-UE l-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, li daħlet fis-seħħ fl-2003. L-iffirmar tal-Konvenzjoni mill-UE probabbilment jinkoraġġixxi lil membri oħrajn tal-Kunsill tal-Ewropa biex jirratifikawha. Dan jestendi l-applikazzjoni tar-regoli simili għal dawk fid-Direttiva 98/84/KE lil hinn mill-konfini tal-UE u għalhekk jirriżultaw f’Liġi dwar servizzi bbażati fuq aċċess kondizzjonali li tkun applikabbli fil-kontinent Ewropew kollu.

SFOND

Protezzjoni legali ta' servizzi ta' aċċess kondizzjonali

ATT

Id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali (ĠU L 320, 28.11.1998, p. 54–57)

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/243/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali. (ĠU L 128 tat-30 ta' April 2014, p. 61)

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1293 tal-20 ta' Lulju 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni legali tas-servizzi bbażati fuq, jew jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU L 199, 29.7.2015, p. 3–5)

Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tieni Rapport dwar id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali (COM(2008) 593 finali – mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-30 ta’ Settembru 2008).

Dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi elettroniċi bi ħlas - Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tieni Rapport dwar id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn aċċess kondizzjonali (COM(2003) 198 finali tal-24 ta’ April 2003).

l-aħħar aġġornament 26.10.2015

Top