EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

MEDIA 2007: programm ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew

MEDIA 2007 huwa l-programm il-ġdid ta’ appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew. Huwa s-suċċessur tal-programmi MEDIA Plus u MEDIA Formation. MEDIA 2007 huwa mfassal bħala programm uniku li jgħaqqad fi gruppi ż-żewġ komponenti eżistenti (l-iżvilupp, id-distrubuzzjoni, il-promozzjoni / formazzjoni). Mogħni b’pakkett finanzjarji ta’ kważi EUR 755 miljun, dan ikopri l-perjodu 2007-2013.

ATT

Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007).

SOMMARJU

Is-settur awdjoviżiv għandu rwol fondamentali għat-trażmissjoni u t-trawwim tal-valuri kulturali Ewropej. Għandu rwol kruċjali fil-bini ta’ identità kulturali Ewropea u fl-espressjoni taċ-ċittadinanza Ewropea. Iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (films u programmi fuq it-televiżjoni) jikkontribwixxu sabiex isaħħu d-djalogu interkulturali u sabiex jitjiebu l-komprensjoni u l-għarfien reċiproċi tal-kulturi Ewropej. Għalhekk, l-appoġġ Komunitarju għandu l-għan li jippermetti lis-settur awdjoviżiv jaqdi dan ir-rwol ta’ tisħiħ taċ-ċittadinanza u tal-kultura Ewropa b’mod sħiħ.

Minbarra l-aspett kulturali, is-settur awdjoviżiv Ewropew għandu wkoll potenzjal soċjali u ekonomiku kbir. Għalhekk, l-appoġġ Komunitarju għas-settur awdjoviżiv jintegra ruħu anki fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Liżbona li għandha l-għan li trendi lill-ekonomija tal-UE bħala l-aktar waħda kompetittiva u dinamika fid-dinja.

Fil-qafas tal-programm MEDIA 2007, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkompli bl-azzjoni tal-UE meħuda permezz tal-programmi MEDIA I, MEDIA II, MEDIA Plus u MEDIA Formation li ħeġġew l-iżvilupp tal-industrija awdjoviżiva Ewropea sa mill-1991.

OBJETTIVI ĠENERALI

Il-programme MEDIA 2007 huwa stabbilit għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Hu jfittex li jikseb l-objettivi ġenerali li ġejjin:

  • jippreserva u jivvalorizza d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-patrimonju ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew, jiggarantixxi l-aċċess tiegħu għall-pubbliku u jiffavorixxi d-djalogu interkulturali;
  • iżid iċ-ċirkolazzjoni u l-udjenza tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ġewwa u barra mill-UE;
  • isaħħaħ il-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew fil-qafas ta’ suq miftuħ u kompetittiv favorevoli għall-impjiegi.

Sabiex jilħaq dawn l-objettivi, MEDIA 2007 jintervjeni:

  • fil-fażi ta’ qabel il-produzzjoni awdjoviżiva sabiex jiffavorixxi l-kisba u l-perfezzjonament tal-kompetenzi u l-iżvilupp tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (fażijiet ta’ qabel il-produzzjoni);
  • fil-fażi ta’ wara l-produzzjoni awdjoviżiva sabiex jappoġġja d-distribuzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (fażijiet ta’ wara l-produzzjoni);
  • fl-appoġġ tal-proġetti pilota. Dan l-appoġġ għandu l-għan li jiżgura l-adattament tal-programm mal-evoluzzjonijiet tas-suq.

F’dawn l-oqsma ta’ intervent, il-programm huwa msejjes fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

  • it-tħeġġiġ tal-proċess kreattiv fis-settur awdjoviżiv Ewropew, kif ukoll l-għarfien u d-diffużjoni tal-patrimonju ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew;
  • it-tisħiħ tal-istruttura tas-settur awdjoviżiv Ewropew, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji (SMEs);
  • it-tnaqqis, fi ħdan is-suq awdjoviżiv Ewropew, tad-diskrepanzi bejn il-pajjiżi b’kapaċità b’saħħitha ta’ produzzjoni awdjoviżiva u l-pajjiżi jew ir-reġjuni b’kapaċità dgħajfa ta’ produzzjoni awdjoviżiva u/jew b’żona ġeografika u lingwistika ristretta. Din il-prijorità twieġeb għall-ħtieġa ta’ preservazzjoni u ta’ tisħiħ tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fl-Ewropa;
  • l-akkumpanjament tal-evoluzzjonijiet tas-suq rigward id-diġitalizzazzjoni.

PAKKETT FINANZJARJU

Il-programm huwa mogħni b’pakkett finanzjarju ta’ kważi EUR 755 miljun.

OBJETTIVI U INTERVENTI SPEĊIFIĊI

Qabel il-produzzjoni

Qabel il-produzzjoni awdjoviżiva, l-objettivi tal-programm huma dawn li ġejjin:

  • il-kisba u l-perfezzjoni tal-kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv: il-programm jippermetti li jiġu appoġġjati proġetti li għandhom l-iskop li jtejbu l-kapaċitajiet ta’ ħolqien u ta’ ġestjoni tal-professjonisti tal-awdjoviżjoni Ewropej u li jadattaw il-kwalifiki tekniċi tagħhom għal teknoloġiji diġitali. L-objettiv huwa wkoll li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-azzjonijiet ta’ formazzjoni awdjoviżiva billi jiġu appoġjati n-netwerking u l-mobilità tal-atturi kkonċernati (skejjel Ewropej taċ-ċinema, ċentri ta’ taħriġ, imsieħba tas-settur professjonali). Se jinħolqu għotjiet bil-għan li l-professjonisti tal-Istati Membri l-ġodda jiġu megħjuna sabiex jirbħu l-isfidi tas-suq awdjoviżiv imkabbar;
  • l-iżvilupp: il-programm għandu l-għan li jappoġġja l-iżvilupp tal-proġetti ta’ produzzjoni ppreżentati minn kumpaniji ta’ produzzjoni. Se jgħin lil dawn l-impriżi sabiex itejbu pjanijiet ta’ finanzjament solidi, inkluż il-pjan għall-iffinanzjar ta’ produzzjonijiet konġunti.

Wara l-produzzjoni

Wara l-produzzjoni awdjoviżiva, l-objettivi tal-programm huma dawn li ġejjin:

  • id-distribuzzjoni u d-diffużjoni: l-appoġġ għall-fażi ta’ distribuzzjoni u diffużjoni jibqa’ prijorità għall-konsolidazzjoni tas-suq uniku Ewropew u għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija awdjoviżiva. It-twaqqif ta’ strateġija ta’ distribuzzjoni Ewropea hija essenzjali sabiex ix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ikunu jistgħu jaffaċċjaw il-kompetizzjoni globali. L-azzjoni Komunitarja se jkollha l-għan li:
  • promozzjoni: f’dan il-qasam, l-objettiv tal-programm huwa li jtejjeb iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej billi jiżguralhom aċċess għal swieq professjonali Ewropej u internazzjonali. Il-programm għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ l-aċċess tas-settur pubbliku Ewropew u internazzjonali għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej. Iħeġġeġ l-azzjonijiet komuni bejn il-korpi nazzjonali ta’ promozzjoni ta’ films u programmi awdjoviżivi, kif ukoll azzjonijiet ta’ promozzjoni tal-patrimonju ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew.

Proġetti pilota

Il-programm iħeġġeġ l-innovazzjoni permezz ta’ proġetti pilota, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Il-proġetti pilota jippermettu sabiex jiġi żgurat l-adattament tal-programm għal evoluzzjonijiet teknoloġiċi.

MODALITAJIET U IMPLIMENTAZZJONI

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-pajjiżi terzi

Soġġett għall-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti u wara li jsir il-ħlas ta’ approprjazzjonijiet addizzjonali, il-programm huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin:

  • l-Istati tal-EFTA (European Free Trade Association) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);
  • il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni fl-UE;
  • il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (skont il-modalitajiet definiti fil-ftehimiet qafas li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji);
  • l-Istati li huma parti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-televiżjoni transkonfinali (EN) (FR);
  • pajjiżi terzi oħra li kkonkludew ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew ta’ kooperazzjoni mal-UE li fihom klawżoli fil-qasam awdjoviżiv.

Benefiċjarji u dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-benefiċjarji tal-programm jistgħu jkunu persuni fiżiċi. Skont in-natura tal-azzjoni, l-għajnuniet finanzjarji jistgħu jieħdu l-forma ta’ sovvenzjonijiet jew ta’ għotjiet.

L-għajnuniet finanzjarji mogħtija fil-qafas tal-programm ma jistgħux jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż tal-azzjonijiet appoġġjati. F’ċerti każijiet speċifiċi, l-għajnuniet jistgħu jaslu sa 75 % tal-ispejjeż.

Implimentazzjoni

Il-Kummissjoni, assistita minn kumitat, hija inkarigata mill-implimentazzjoni tal-programm.

Il-korp eżekuttiv huwa rappreżentat min-netwerk Ewropew MEDIA desks (EN) (FR). Dan jiżgura d-diffużjoni tal-informazzjoni dwar il-programm fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dwar il-proġetti transkonfinali.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE (adozzjoni: kodeċiżjoni COD/2004/0151)

25.11.2006

ĠU L 327, 24.11.2006

See also

  • Għal aktar informazzjoni żur il-programm MEDIA (EN)

L-aħħar aġġornament: 04.01.2007

Top