EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Responsabbiltà ċivili għal danni mit-tniġġis minn żejt: Konvenzjoni dwar il-Bunkers

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-Bunker, 2001 (Il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers)

Deċiżjoni 2002/762/KE li tawtorizza lill-Istati Membri jiffirmaw, jirratifikaw jew formalment isiru parteċipi fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni tat-Tniġġis minn Żejt tal-Bunker

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers ġiet adottata taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex tiżgura kumpens adegwat, fil-pront u effettiv għal dawk li jġarrbu danni kkawżati minn tixrid ta’ żejt li jinġarr bħala kombustibbli fil-bunkers tal-vapuri.

Id-deċiżjoni tawtorizza lill-pajjiżi tal-UE jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni tat-Tniġġis minn Żejt tal-Bunker tal-2001 (Konvenzjoni dwar il-Bunkers).

PUNTI EWLENIN

Kompatibbiltà mar-regoli tal-UE

  • L-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni dwar il-Bunkers jaffettwaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (issa r-Regolament (UE) Nru 1215/2012) dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.
  • Il-konvenzjoni ma tistipulax organizzazzjoni internazzjonali bħall-UE biex tiffirma, tirratifika jew taderixxi għaliha.
  • B’hekk, il-pajjiżi tal-UE, bl-awtorizzazzjoni tal-UE, iridu jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu għall-konvenzjoni fl-interess tal-UE. Meta jagħmlu dan, huma jridu jagħmlu wkoll dikjarazzjoni li biha jimpenjaw ruħhom li japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1215/2012 fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom.

Ambitu

Il-konvenzjoni tapplika għal:

  • danni minn tniġġis ikkawżati fit-territorju, fil-baħar territorjali u fiż-żona ekonomika esklużiva jew ekwivalenti ta’ kwalunkwe pajjiż li huwa parti fil-konvenzjoni;
  • miżuri meħuda biex jiġi evitat jew minimizzat dan id-dannu.

Hija ma tapplikax għal vapuri tal-gwerra, bastimenti navali awżiljarji jew bastimenti oħra li huma proprjetà ta’ pajjiż. Madankollu, kwalunkwe pajjiż li huwa parti fil-konvenzjoni jista’ jiddeċiedi li japplikaha għal dawn il-vapuri.

Responsabbiltà ta’ sid il-vapur

Sid il-vapur huwa responsabbli għad-danni minn tniġġis kollha kkawżati miż-żejt tal-bunker tiegħu fil-mument tal-inċident. Madankollu, sid il-vapur se jaħrab mir-responsabbiltà jekk ikun jista’ jagħti prova li:

  • id-danni rriżultaw minn att ta’ gwerra, ġlied, gwerra ċivili, insurrezzjoni jew fenomenu naturali ta’ natura eċċezzjonali, inevitabbli u irreżistibbli; jew
  • id-danni rriżultaw minn att jew ommissjoni bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara lil parti terza; jew
  • id-danni kienu kkawżati kollha minħabba n-negliġenza ta’ kwalunkwe gvern jew awtorità oħra responsabbli.

Assigurazzjoni obbligatorja u sigurtà finanzjarja

  • Is-sidien tal-vapuri b’tunnellaġġ gross ta’ aktar minn 1 000 tunnellata u li huma rreġistrati f’pajjiż li huwa parti fil-konvenzjoni jrid ikollhom assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra, bħall-garanzija bankarja jew ta’ istituzzjoni finanzjarja simili, biex ikopru r-responsabbiltà tagħhom għad-danni minn tniġġis.
  • Ċertifikat li jiċċertifika li jkun hemm fis-seħħ assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra li tinħareġ lil kull vapur bl-awtorità xierqa ta’ pajjiż u trid tinġarr abbord vapur. Kopja tiegħu trid tiġi ddepożitata wkoll għand l-awtoritajiet li jżommu r-reġistrazzjoni tal-vapur.

Ġurisdizzjoni u infurzar tas-sentenzi

  • L-azzjoni ġudizzjarja għall-kumpens kontra s-sid tal-vapur, l-assiguratur jew persuna oħra li tipprovdi sigurtà trid titressaq fil-pajjiż jew fil-pajjiżi fejn ġew ikkawżati d-danni mit-tniġġis.
  • Il-konvenzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom sentenza mogħtija minn qorti f’pajjiż wieħed li huwa parti fil-konvenzjoni tista’ tiġi rikonoxxuta jew infurzata f’pajjiż ieħor.

Limiti ta’ żmien

  • Id-drittijiet għall-kumpens taħt din il-konvenzjoni ser jiskadu jekk ma titressaq ebda azzjoni fi żmien tliet snin mid-data meta seħħew id-danni.
  • Ma tista’ titressaq ebda azzjoni aktar minn sitt snin mid-data tal-inċident li kkawża d-danni.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2008. Sa mill-2015, il-pajjiżi kollha tal-UE kienu rratifikaw/aderixxew mal-konvenzjoni b’konformità mad-Deċiżjoni 2002/762/KE.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għall-Ħsara mit-Tniġġis taż-Żejt tal-Bunker, 2001 (Il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers) (ĠU L 256, 25.9.2002, pp. 9-16)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/762/KE tad-19 ta’ Settembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jiffirmaw, jirratifikaw jew formalment isiru parteċipi fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Danni tat-Tniġġis minn Żejt tal-Bunker, 2001 (il-Konvenzjoni dwar il-Bunkers) (ĠU L 256, 25.9.2002, pp. 7-8)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, pp. 1-32)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 10.07.2020

Top