EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Oġġetti tal-ikel ittrattati b’radjazzjoni jonizzanti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/2/KE dwar l-irradjazzjoni ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-manifattura, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni u t-tikkettar obbligatorju tal-ikel ittrattat bir-radjazzjoni jonizzanti, proċess li jintuża biex inaqqas in-numru ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi fl-ikel u jżid iż-żmien kemm idum tajjeb il-prodott.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • ikel espost għal radjazzjoni jonizzanti minn strumenti li jkejlu jew li jispezzjonaw, fil-limiti speċifikati;
  • ikel ippreparat għal pazjenti li jeħtieġu dieti sterili taħt superviżjoni medika.

L-anness għad-Direttiva 1999/3/KE, direttiva ta’ implimentazzjoni, jipprovdi lista inizjali ta’ ikel li jista’ jiġi rradjat, jiġifieri ħwawar aromatiċi mnixxfa, spices u taħwir mill-ħaxix tal-ikel.

Awtorizzazzjonijiet u faċilitajiet approvati

L-ikel jista’ jiġi rradjat biss f’faċilitajiet approvati mill-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE. Ladarba l-faċilitajiet jiġu approvati, il-pajjiżi tal-UE jipprovdu lista tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tippubblika l-lista ta’ faċilitajiet approvati.

Id-Deċiżjoni 2002/840/KE tippermetti li ikel jiġi rradjat f’pajjiżi li mhumiex fl-UE u mbagħad li jiġi importat fl-UE, diment li jkun jissodisfa r-regoli tal-UE u li jiġi rradjat f’faċilità approvata, kif elenkat fl-anness għad-Deċiżjoni.

Reġistrazzjoni

Faċilitajiet ta’ irradjazzjoni jeħtieġ li jżommu rekords għal kull sors ta’ radjazzjoni jonizzanti li juru l-informazzjoni speċifikata (jiġifieri n-natura u l-kwantità ta’ oġġetti tal-ikel irradjati, data għall-kontroll tal-proċess ta’ irradjazzjoni, eċċ.).

Dawn ir-rekords jridu jinżammu għal 5 snin. Regoli dettaljati dwar iż-żamma tar-reġistru huma adottati mill-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (PAFF).

Applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel irradjat

Oġġetti tal-ikel irradjati jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE biss jekk jikkonformaw mad-direttiva, li tispeċifika:

  • il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-irradjazzjoni tal-ikel (ħtieġa teknoloġika, benefiċċju għall-konsumatur, eċċ.) u skopijiet permessibbli (biex tnaqqas l-inċidenza ta’ mard, biex l-oġġetti tal-ikel jiġu meħlusa mill-organiżmi li jagħmlu ħsara);
  • l-oġġetti tal-ikel iridu jkunu fi stat tajjeb u l-irradjazzjoni m’għandhiex tintuża bħala sostitut għal-miżuri tal-iġjene;
  • l-irradjazzjoni tista’ tintuża ma’ trattament kimiku ieħor, jekk dak it-trattament ikollu skopijiet differenti biss;
  • is-sorsi ta’ radjazzjoni jonizzanti (raġġi gamma, raġġi-X u elettroni ta’ ċerti karatteristiċi);
  • id-dożimetrija (id-determinazzjoni tad-doża medja totali assorbita u l-proċeduri biex titkejjel). Id-direttiva tispeċifika wkoll li d-doża massima ta’ radjazzjoni għal oġġetti tal-ikel tista’ tingħata f’dożi parzjali.

Tikkettar u imballaġġ

Il-kliem “irradjat” jew “trattat b’radjazzjoni jonizzanti” għandhom jidhru:

  • fuq it-tikketta jew l-imballaġġ;
  • fuq id-dokumenti li jakkumpanjaw oġġetti tal-ikel irradjati jew oġġetti tal-ikel li fihom ingredjenti rradjati.

Prodotti intenzjonati għall-bejgħ lill-konsumatur finali għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Prodotti mhux intenzjonati għall-bejgħ lill-konsumatur finali għandhom ikunu mmarkati biex jindikaw li ġew irradjati u għandu jkun hemm ukoll l-isem u l-indirizz tal-faċilità fejn sar dan.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-20 ta’ Marzu 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-20 ta’ Settembru 2000 (regoli li jippermettu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti tal-ikel irradjati) u sal-20 ta’ Marzu 2001 (regoli li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti tal-ikel irradjati li ma jikkonformawx ma’ din id-direttiva).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza (ĠU L 66, 13.3.1999, pp. 16–23)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/2/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 1999/3/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 66, 13.3.1999, pp. 24-25)

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, u jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u jirrevokaw id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, pp.18–63)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.02.2018

Top