EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2006/125/KE dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u dwar ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kompożizzjoni u t-tikkettar ta’ ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u għall-ikel tat-trabi għat-trabi* u tfal żgħar*.
  • Dawn il-prodotti huma mmonitorjati bir-reqqa peress li jista’ jkun fihom residwi tal-pestiċidi* li jistgħu jipperikolaw is-saħħa ta’ dan il-grupp sensittiv tal-popolazzjoni. Ir-residwi tal-pestiċidi huma pprojbiti jew ikkontrollati fuq il-bażi tal-kwantitajiet massimi permissibbli li ma jistgħux jaqbżu l-valuri aċċettabbli tad-doża ta’ kuljum.
  • Hija direttiva speċifika skont it-tifsira tad-Direttiva 89/398/KEE, direttiva li minn dak iż-żmien ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) Nru 609/2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (ara s-sommarju).
  • Hija tikkodifika d-direttivi preċedenti (96/5/KE, 98/36/KE, 1999/39/KE u 2003/13/KE).

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-direttiva tkopri l-oġġetti tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari li jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrittivi tat-trabi u t-tfal żgħar b’saħħithom u huma maħsuba għall-użu mit-trabi waqt li jkunu qed jiġu miftuma, u minn tfal żgħar bħala suppliment għad-dieta tagħhom u/jew għall-adattament progressiv tagħhom għall-ikel ordinarju.

Dawn jinkludu:

  • ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali, li huwa maqsum f’dawn l-4 kategoriji li ġejjin:
    • ċereali sempliċi li huma jew li jridu jiġu rikostitwiti bil-ħalib jew b’likwidi nutrittivi oħrajn xierqa;
    • ċereali b’ikel miżjud b’ħafna proteini li huma jew li jridu jiġu rikostitwiti bl-ilma jew b’likwidu ieħor mingħajr proteini;
    • għaġin li jintuża wara li jissajjar fl-ilma jagħli jew f’likwidi oħra xierqa;
    • biskuttelli u gallettini li għandhom jintużaw jew direttament jew, wara li jiġu mitħuna, biż-żieda ta’ ilma, ħalib jew likwidi oħra xierqa;
  • ikel tat-trabi ħlief ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali.

Din id-direttiva ma tapplikax għall-ħalib maħsub għat-tfal żgħar.

Obbligu ġenerali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li jinbiegħu biss prodotti li jikkonformaw ma’ din id-direttiva.

Kompożizzjoni

  • Fil-manifattura tal-ikel ikkonċernat jistgħu jintużaw biss ingredjenti adatti għal użu nutrittiv partikolari għat-trabi u t-tfal żgħar (appoġġati minn data xjentifika).
  • Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali għandu jikkonforma mal-kriterji ta’ kompożizzjoni speċifikati fl-Anness I.
  • Ikel tat-trabi li huwa deskritt fl-Anness II għandu jikkonforma mal-kriterji tal-kompożizzjoni speċifikati fih.
  • Is-sustanzi nutrittivi elenkati fl-Anness IV biss jistgħu jiġu miżjuda fil-manifattura ta’ ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi fil-limiti massimi stabbiliti mid-direttiva. Il-kriterji tal-purità għal dawk is-sustanzi għandhom jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard.
  • Ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi ma jista’ jkun fih l-ebda sustanza f’tali kwantità li tista’ tipperikola s-saħħa tat-trabi u tat-tfal żgħar (ara r-Regolament (KE) Nru 1881/2006) (ara s-sommarju).

Tikkettar

Minbarra d-dettalji obbligatorji stipulati mir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (ara s-sommarju), it-tikkettar għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja:

  • l-età li minnha jista’ jintuża l-prodott, li ma tistax tkun inqas minn 4 xhur. Il-prodotti rrakkomandati għall-użu mill-età ta’ 4 xhur jistgħu jindikaw li huma adatti minn dik l-età sakemm il-persuni li jkollhom kwalifiki fil-mediċina, fin-nutrizzjoni, eċċ. ma jirrakkomandawx mod ieħor;
  • il-preżenza jew in-nuqqas ta’ glutina jekk l-età indikata li minnha jista’ jintuża l-prodott hija inqas minn 6 xhur;
  • il-valur enerġetiku disponibbli (f’kJ u kcal) u l-kontenut ta’ proteini, ta’ karboidrati u ta’ lipidi (f’forma numerika) għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn xieraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;
  • il-kwantità medja ta’ kull sustanza minerali u ta’ kull vitamina regolata b’livell speċifiku fl-Anness I u fl-Anness II rispettivament, espressa f’forma numerika, għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn xieraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;
  • istruzzjonijiet għal preparazzjoni xierqa, meta jkun meħtieġ, u dikjarazzjoni dwar l-importanza li jiġu segwiti dawk l-istruzzjonijiet.

It-tikkettar jista’ jinkludi dettalji mhux obbligatorji:

  • il-kwantità medja tan-nutrijenti mogħtija fl-Anness IV (f’forma numerika) għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ u, fejn xieraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum;
  • informazzjoni dwar vitamini u minerali murija fl-Anness V (bħala perċentwal tal-valuri ta’ referenza mogħtija fih) għal kull 100 g jew 100 ml tal-prodott kif mibjugħ, u fejn xieraq, għal kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum, sakemm il-kwantitajiet preżenti jkunu mill-inqas daqs 15 % tal-valuri ta’ referenza.

Livelli massimi ta’ pestiċidi

  • Din id-direttiva tistabbilixxi l-livell massimu permissibbli ta’ residwi ta’ pestiċidi f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi b’0.01 mg/kg, ħlief għal ċerti sustanzi li l-limitu tagħhom huwa stabbilit fl-Anness VI.
  • Għandhom jintużaw metodi analitiċi standardizzati għad-determinazzjoni tal-preżenza tar-residwi tal-pestiċidi.

Pestiċidi pprojbiti

  • Din id-direttiva tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti pestiċidi fi prodotti agrikoli maħsuba għall-ikel tat-trabi (lista fl-Anness VII).
  • Għall-pestiċidi jew metaboliti tal-pestiċidi f’din il-lista, il-livell massimu ta’ 0.01 mg/kg jista’ jkun eċċessiv għat-trabi u t-tfal żgħar. Dan huwa l-każ għall-pestiċidi jew għall-metaboliti tal-pestiċidi b’doża aċċettabbli ta’ kuljum ta’ inqas minn 0.0005 mg/kg ta’ piż tal-ġisem.
  • Il-limitu ta’ kwantifikazzjoni tal-metodi analitiċi huwa ta’ 0.003 mg/kg. F’dan il-livell, il-pestiċidi jitqiesu li ma ntużawx. Dan il-limitu jista’ jinbidel fid-dawl tal-progress tekniku jew tad-data dwar il-kontaminazzjoni ambjentali.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-26 ta’ Diċembru 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Trabi: tfal taħt l-età ta’ 12-il xahar.
Tfal żgħar: tfal bejn 1 u 3 snin.
Ir-residwi tal-pestiċidi: ir-residwi ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u f’ikel tat-trabi, inkluż il-metaboliti tiegħu (prodotti intermedji maħluqa matul il-metaboliżmu taċ-ċelloli) u prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/EC tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (Verżjoni kkodifikata) (ĠU L 339, 6.12.2006, pp. 16-35)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut għad-dieta kollha u għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009, (ĠU L 181, 29.6.2013, pp. 35-56)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 609/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, pp. 5-24)

Ara l-verżjoni kkonsolidata

Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, pp. 1-16)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.06.2020

Top