Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Karta Blu tal-UE — dħul u residenza ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2009/50/KE — Kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza għal dawk bi kwalifi għoljin* ċittadini mhux tal-UE li jixtiequ jaħdmu f'impjieg bi kwalifiki għoljin f'pajjiż tal-UE (minbarra d-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit), u għall-familji tagħhom.
  • Hija toħloq sistema ta' Karta Blu tal-UE* .

PUNTI EWLENIN

  • Applikanti għal Karta Blu tal-UE jridu jippreżentaw:

    • kuntratt tax-xogħol validu jew offerta vinkolanti ta’ impjieg ta' mill-anqas sena, b'salarju ta’ mill-anqas 1.5 darbiet is-salarju annwali gross medju fil-pajjiż tal-UE kkonċernat;
    • prova dokumentarja li huma għandhom il-kwalifiki meħtieġa;
    • dokument validu tal-ivvjaġġar u, jekk meħtieġ, viża;
    • prova tal-assigurazzjoni tas-saħħa.
  • Pajjiżi tal-UE jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jiġux issodisfati jew id-dokumenti jkunu nkisbu illegalment, ġew iffalsifikati jew ikunu ġew imbagħbsa.
  • L-applikant ma għandux ikun ta’ theddida għall-politika, is-sigurtà jew is-saħħa pubblika.
  • Pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeterminaw in-numru ta’ impjegati bi kwalifiki għoljin li jdaħħlu.
  • L-applikanti li jintgħażlu jirċievu Karta Blu tal-UE valida għal perjodu standard ta’ 1-4 snin, skont il-pajjiż tal-UE inkwistjoni, jew għat-terminu tal-kuntratt tax-xogħol, jekk dan ikun iqsar mill-perjodu ta' validità standard, b’żieda ta’ tliet xhur.
  • L-applikazzjoni tista’ ssir mill-individwu u/jew min iħaddimhom skont il-pajjiż tal-UE.
  • Għall-ewwel sentejn, id-detenturi tal-Karta Blue tal-UE huma ristretti għal impjiegi bi kwalifiki għoljin li jissodisfaw il-kriterji għad-dħul. Wara dan, huma jistgħu japplikaw fuq termini ugwali għal dawk taċ-ċittadini tal-pajjiż, għal impjieg ieħor bi kwalifiki għoljin, skont il-pajjiż tal-UE ikkonċernat.
  • Detenturi tal-Karta Blu tal-UE u l-familji tagħhom jistgħu jidħlu, jerġgħu jidħlu u joqogħdu fil-pajjiż tal-UE li joħroġ il-kard u jgħaddu minn pajjiżi oħra tal-UE.
  • Detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-pajjiż f’termini tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg, l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki, is-sigurtà soċjali u l-libertà ta’ assoċjazzjoni. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jillimitaw uħud minn dawn, b'mod partikolari għotjiet għall-edukazzjoni u self.
  • Awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirtiraw Karta Blu tal-UE, jew ma jġedduhiex, jekk id-detentur ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet oriġinali, ikun ilu qiegħed għal aktar minn 3 xhur jew huwa kkunsidrat theddida pubblika.
  • Wara 18-il xahar ta’ residenza legali, detentur ta’ Karta Blu tal-UE jibbenefika minn ftit ta' faċilitazzjoni biex jikseb il-viża meħtieġa biex imur f'pajjiż ieħor tal-UE. Diment li dawn jissodisfaw mill-ġdid il-kriterji ta' ammissjoni, huma jistgħu jingħataw il-permess li jibdew jaħdmu qabel ma tittieħed deċiżjoni li tingħata l-viża, u l-membri tal-familja jistgħu jingħaqdu magħhom immedjatament.
  • Kull 3 snin, il-Kummissjoni tirrapporta dwar kif qed tiġi applikata l-leġiżlazzjoni. L-ewwel rapport ġie ppubblikat f’Ġunju 2014.

Reviżjoni u proposta

  • Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta biex tirrevoka d-Direttiva 2009/50/KE. Din tnisslet minn reviżjoni tad-Direttiva, ippubblikata b'mod parallel, li kkonkludiet li d-direttiva attwali għandha bosta dgħufijiet intrinsiċi u li mhux qed tiġi applikata b'mod konsistenti madwar l-UE. Barra minn hekk, bosta pajjiżi tal-UE għandhom regoli u proċeduri paralleli għall-istess kategorija ta' ħaddiema b'ħiliet għolja. Din il-frammentazzjoni mhijiex effiċjenti, peress li toħloq piż għal min iħaddem u għall-applikanti. Lanqas ma hija effettiva, peress li n-numru ta' permessi maħruġa lil ħaddiema b'ħiliet għolja għadu limitat. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-UE biex tattira u żżomm it-talent li teħtieġ.
  • Il-proposta tfittex kemm li tindirizza n-nuqqasijiet tad-direttiva preċedenti kif ukoll li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha sabiex tinkludi benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u membri tal-familja mhux mill-UE taċ-ċittadini tal-UE. L-iskema proposta tissostitwixxi wkoll skemi nazzjonali paralleli li għandhom fil-mira l-istess grupp bħall-Karta Blu.
  • Il-proposta tinkludi wkoll dan li ġej:

    • kondizzjonijiet ta' dħul aktar flessibbli (soll tas-salarju aktar baxx; terminu minimu iqsar ta' 6 xhur għall-kuntratt inizjali; regoli aktar sempliċi għall-gradwati reċenti u ħaddiema f'okkupazzjonijiet li hemm nuqqas tagħhom; u ekwivalenza bejn l-esperjenza professjonali u l-kwalifiki formali);
    • proċeduri aktar sempliċi (proċeduri aktar mgħaġġla u aktar flessibbli; proċedura rapida fakultattiva għal min iħaddem ta' fiduċja);
    • drittijiet usa' (aċċess aktar flessibbli għas-suq tax-xogħol, inkluża attività għal rashom fl-istess waqt, riunifikazzjoni immedjata tal-familja, aċċess aktar faċli għal status ta' residenza fl-UE fit-tul);
    • vjaġġar aktar faċli fl-UE (eż. għal vjaġġi tan-negozju fuq terminu qasir madwar l-UE, aċċess għal Karta Blu tal-UE fit-tieni pajjiż tal-UE).

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva ilha tapplika mid-19 ta' Ġunju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-19 ta' Ġunju 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “Migrazzjonigali u Integrazzjoni Legali” (Kummissjoni Ewropea).

TERMINI EWLENIN

Impjegat bi kwalifiki għoljin: xi ħadd f'impjieg bi ħlas li għandu sett ta' ħiliet speċifiku ċċertifikat bi kwalifiki professjonali avvanzati.
Karta Blu tal-UE: permess ta’ xogħol u residenza bil-kliem “Karta Blu tal-UE”, li tawtorizza lid-detentur jgħix u jaħdem fil-pajjiż tal-UE li ħariġha.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17-29)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77-123).

Rettifika tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004) (ĠU L 229, 29.6.2004, pp. 35–48)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/38/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60–95).

Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 21–57)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/50/KE dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg b’livell għoli ta’ kwalifiki (“Il-Karta Blu tal-UE”) (COM(2014) 287 final, 22.5.2014)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja (COM(2016) 378 final, 7.6.2016)

Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Valutazzjoni tal-Impatt — Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjoni għad-dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għal fini ta’ impjieg b’ħiliet għolja u li jħassar id-Direttiva 2009/50/KE (SWD(2016) 193 final, 7.6.2016)

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Sommarju eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt - Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kundizzjoni għal dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz għal fini ta' impjieg b'ħiliet għolja (SWD(2016) 194 final, 7.6.2016)

l-aħħar aġġornament 14.09.2017

Top