EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 377/2004 li joħloq netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jistabbilixxi kooperazzjoni formali billi jistabbilixxi netwerks bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ILOs)*.

PUNTI EWLENIN

Ħafna pajjiżi tal-UE jibgħatu l-ILOs lill-awtoritajiet konsulari tagħhom f’pajjiżi mhux tal-UE. Ir-rwol tal-ILOs jinkludi ż-żamma ta’ kuntatti diretti mal-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti biex jiffaċilitaw l-iskambji ta’ informazzjoni dwar:

  • flussi ta’ migranti irregolari* joriġinaw minn jew jgħaddu mill-pajjiż ospitanti;
  • ir-rotot segwiti minn dawk il-flussi ta’ migranti;
  • l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet kriminali involuti fil-kuntrabandu ta’ migranti u l-metodi ta’ operazzjoni tagħhom;
  • fatturi possibbli li jistgħu jinfluwenzaw żviluppi u tendenzi ġodda fir-rigward ta’ dawn il-flussi irregolari ta’ migranti;
  • il-metodi użati biex jiġu ffalsifikati d-dokumenti tal-identità u d-dokumenti tal-ivvjaġġar;
  • l-identifikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-għajnuna lill-awtoritajiet f’pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-prevenzjoni ta’ dawn il-flussi ta’ migrazzjoni irregolari;
  • kif tista’ tittejjeb il-faċilitazzjoni tar-ritorn ta’ migranti irregolari lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lil xulxin, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea bis-sekondar tagħhom ta’ uffiċjali tal-kollegament għall-immigrazzjoni.

L-ILOs skjerati fl-istess pajjiż jiffurmaw netwerks lokali li fihom huma, b’mod partikolari:

  • jiskambjaw informazzjoni u esperjenza prattika, speċifikament permezz ta’ laqgħat regolari;
  • jikkoordinaw il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’kuntatti ma’ trasportaturi kummerċjali;
  • jattendu korsijiet konġunti speċjalizzati ta’ taħriġ u jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ għal uffiċjali konsulari ta’ pajjiżi tal-UE stazzjonati fil-pajjiż ospitanti;
  • jadottaw approċċi komuni dwar metodi ta’ ġbir ta’ informazzjoni;
  • jistabbilixxu kuntatt ma’ netwerks simili stabbiliti fil-pajjiż ospitanti u fil-pajjiżi ġirien.

Il-laqgħat isiru jew fuq l-inizjattiva tal-pajjiż tal-UE li jkollu l-presidenza tal-Kunsill jew fuq inizjattiva ta’ pajjiżi oħra tal-UE. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jipparteċipaw fihom sakemm il-kunsiderazzjonijiet operattivi ma jkunux jirrikjedu li jsiru laqgħat fin-nuqqas tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu b’mod bilaterali jew multilaterali jaqblu li l-ILOs stazzjonati minn pajjiż tal-UE jieħdu ħsieb ukoll l-interessi ta’ pajjiż ieħor wieħed jew aktar tal-UE. Jistgħu jiddeċiedu wkoll li jaqsmu ċerti kompiti bejniethom.

Fl-aħħar ta’ kull semestru, il-pajjiż tal-UE li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE jħejji rapport għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-ILOs fil-pajjiżi u r-reġjuni ta’ interess partikolari għall-UE dwar l-immigrazzjoni. Dan ir-rapport huwa mfassal skont mudell ipprovdut fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/687/KE. Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni mbagħad tabbozza sommarju annwali tal-iżvilupp tan-netwerks tal-ILO.

Valutazzjoni u riformulazzjoni proposta tar-regolament

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2017 dwar it-Twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni kkonfermat il-ħtieġa li r-regolament jiġi rivedut. Din segwiet evalwazzjoni mwettqa minn konsulenti esterni li pproduċiet ir-rapport finali tagħha f’Awissu 2017. L-evalwazzjoni kkonkludiet li:

  • L-ILOs jibqgħu rilevanti ħafna fil-kuntest estern fir-rigward tal-approċċ tal-UE biex tittratta l-impatt tal-migrazzjoni irregolari; iżda
  • r-regolament kellu impatt limitat u l-aktar, impatt indirett f’termini ta’ titjib fin-netwerking fost l-ILOs tal-pajjiżi tal-UE skjerati fl-istess post u ta’ titjib fil-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi ospitanti.

Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-valur miżjud fil-livell Ewropew tal-ILOs skjerati f’pajjiżi mhux tal-UE ma kienx intlaħaq bis-sħiħ.

Il-Kummissjoni, għalhekk, ħarġet proposta biex ir-regolament jiġi riformulat f’Mejju 2018.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mil-5 ta’ Jannar 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Uffiċjal ta’ kollegament dwar l-immigrazzjoni (ILO): rappreżentant ta’ pajjiż tal-UE stazzjonat barra mill-pajjiż minn awtorità kompetenti rilevanti sabiex jistabbilixxi u jżomm kuntatti mal-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti bil-ħsieb li jikkontribwixxi għal miżuri ta’ migrazzjoni inkluża l-prevenzjoni ta’ immigrazzjoni irregolari.
Migranti irregolari: il-moviment ta’ persuni lejn post ġdid ta’ residenza jew tranżitu li jseħħ barra n-normi regolatorji tal-pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u riċevituri.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 ddwar il-ħolqien ta’ network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1-4)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 377/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2018) 303 final, 16.5.2018)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Twettiq tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM (2017) 558 final, 27.9.2017)

Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1-76)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/687/KE tad-29 ta’ Settembru 2005 dwar il-format għar-rendikont dwar l-attivitajiet tan-netwerks tal-uffiċjali tal-kollegamenti tal-immigrazzjoni u dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ospitant fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-immigrazzjoni illegali (ĠU L 264, 8.10.2005, p. 8-15)

l-aħħar aġġornament 16.01.2019

Top