EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iċċekkjar veterinarju u żootekniku tal-annimali u tal-prodotti li jiġu nnegozjati fi ħdan l-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 90/425/KEE dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistipula regoli li huma relatati mal-iċċekkjar veterinarju* u żootekniku* li għandu jiġi applikat għall-annimali ħajjin u ċerti prodotti li jiġu nnegozjati fi ħdan l-UE.

Din tabolixxi l-iċċekkjar veterinarju (u dak żootekniku) fil-fruntieri interni tal-UE, u minflok tissostitwixxihom b’iċċekkjar li jitwettaq fil-post ta’ oriġini, waqt it-tranżitu u fil-post tad-destinazzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2016/1012 biddel it-titlu tad-direttiva u neħħa r-referenzi għall-iċċekkjar żootekniku. Dan se jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Novembru 2018.

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jirrevoka d-Direttiva 90/425/KEE, b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

PUNTI EWLENIN

Annimali ħajjin, bajd li jfaqqas, prodotti ġerminali, prodotti ta’ oriġini tal-annimali

Id-direttiva u l-emendi sussegwenti tagħha jindirizzaw l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-UE fl-annimali ħajjin u l-prodotti (bajd li jfaqqas, prodotti ġerminali*, prodotti mill-annimali) koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Din ma tapplikax għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi akkumpanjati minn individwi.

Iċċekkjar fil-lok ta’ oriġini

Fil-pajjiż ta’ oriġini tal-UE, l-awtorità kompetenti jeħtiġilha tiżgura, fost affarijiet oħra, li l-annimali u l-prodotti għall-kummerċ:

  • jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-direttivi rilevanti elenkati fl-Anness A tad-direttiva (għall-annimali u prodotti fl-Anness A, eż. id-Direttiva 88/407/KEE) u jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE (għall-annimali u l-prodotti fl-Anness B, eż. tjur ħaj);
  • ikunu ġejjin minn azjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet li huma soġġetti għall-iċċekkjar veterinarju uffiċjali regolari;
  • jiġu identifikati u rreġistrati skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni;
  • ikunu akkumpanjati minn ċertifikati tas-saħħa u dokumenti oħra xierqa waqt it-trasport;
  • ma joriġinawx minn azjendi jew reġjuni li huma soġġetti għal restrizzjonijiet li japplikaw għal dawk l-annimali jew il-prodotti minħabba suspett jew eżistenza ta’ ċertu mard;
  • ikunu ġejjin minn pajjiż jew reġjun li joffri biżżejjed garanziji tas-saħħa mil-lat tal-pajjiż tad-destinazzjoni;
  • jiġu ttrasportati skont ir-regoli tal-iġjene fis-seħħ.

Barra minn hekk, fl-UE, l-awtorità kompetenti jeħtiġilha twettaq iċċekkjar fl-azjendi, fis-swieq u fiċ-ċentri ta’ ġbir sabiex tivverifika li l-annimali ħajjin u l-prodotti jissodisfaw l-istandards tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni. Il-fornituri tal-annimali jew tal-prodotti jew il-konsenjaturi (dawk responsabbli biex iħejju t-trasport tal-annimali u tal-prodotti) li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-regoli jiffaċċjaw sanzjonijiet.

Iċċekkjar mal-wasla fid-destinazzjoni

Mezzi mhux diskriminatorji ta’ ċċekkjar veterinarju fuq il-lok jistgħu jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet tad-destinazzjoni. L-għan ta’ dak l-iċċekkjar huwa li jivverifika li l-annimali u l-prodotti intiżi biex jiġu nnegozjati jikkonformaw mar-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati mill-post ta’ oriġini (ara hawn fuq). Jekk jiġi ssuspettat ksur, jista’ jitwettaq iċċekkjar waqt it-trasport.

Id-destinatarji tal-annimali u tal-prodotti mibgħuta minn pajjiż ieħor tal-UE huma responsabbli għal dawk l-annimali u l-prodotti mal-wasla tagħhom fid-destinazzjoni u wara dan, ladarba titlesta l-operazzjoni tat-trasport. Dan japplika, pereżempju għall-annimali maħsuba biex jitqiegħdu fis-swieq. Id-destinatarji jistgħu jintalbu jirrapportaw minn qabel il-wasla ta’ annimali jew prodotti minn pajjiż ieħor tal-UE, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE.

Meta mitlub mill-UE jew, f’żoni li għadhom ma ġewx armonizzati, ir-regoli nazzjonali li jikkonformaw mat-Trattat tal-UE jirrikjedu li l-annimali ħajjin jitpoġġew fi kwarantina, din il-kwarantina normalment trid isseħħ fl-azjenda tad-destinazzjoni.

L-iċċekkjar fil-portijiet, fl-ajruporti u f’postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri ma’ pajjiżi mhux tal-UE

L-iċċekkjar jista’ jitwettaq fil-postijiet fejn l-annimali ħajjin u l-prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE jistgħu jinġiebu fit-territorju tal-UE, bħal portijiet, ajruporti u postijiet fil-fruntieri ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Waqt l-iċċekkjar, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

  • iċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jakkumpanjaw l-annimali jew il-prodotti jiġu vverifikati;
  • L-annimali jew il-prodotti tal-UE huma soġġetti għall-mezzi mhux diskriminatorji ta’ ċċekkjar veterinarju fuq il-lok fil-post tad-destinazzjoni;
  • l-annimali minn pajjiżi mhux tal-UE huma soġġetti għar-regoli previsti fid-Direttiva 91/496/KEE u fid-Direttiva 97/78/KE.

Meta, waqt l-iċċekkjar, l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu:

  • il-preżenza ta’ aġenti responsabbli għal marda notifikabbli, żoonożi* jew marda, jew kull kawża li x’aktarx tikkostitwixxi perikolu serju għall-annimali jew lill-bniedem, jew li l-prodotti jiġu minn kull reġjun ikkontaminat b’kull mard epiżootiku*, huma jeħtiġilhom jordnaw li l-annimal jew il-konsenja tal-annimali titpoġġa fi kwarantina fl-eqreb stazzjon tal-kwarantina jew jiġi maqtul u/jew meqrud.
  • li l-annimali jew il-prodotti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati bid-Direttivi tal-UE jew b’regoli nazzjonali dwar is-saħħa tal-annimali, jistgħu jittieħdu diversi miżuri, fosthom iż-żamma tal-annimali jew tal-prodotti taħt superviżjoni, ritorn tal-konsenja, qtil jew qerda.

Dispożizzjonijiet komuni

Jekk ikun hemm tifqigħa ta’ żoonożi, marda tal-annimali jew kwalunkwe riskju ieħor għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem, il-pajjiż tad-dispaċċ tal-UE jeħtieġlu jieħu l-miżuri preventivi u ta’ kontroll xierqa, inklużi restrizzjonijiet fuq il-moviment jekk ir-riskju jkun serju. Il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE jew ta’ tranżitu jista’ jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni bħall-kwarantini. Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha teżamina s-sitwazzjoni mal-ewwel opportunità u mbagħad tiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li n-negozjanti li jinvolvu ruħhom f’kummerċ ġewwa l-UE fl-annimali u/jew il-prodotti kkonċernati jżommu rekord tat-tqassim u tad-destinazzjoni sussegwenti tal-annimali u tal-prodotti.

Fl-2004, il-Kummissjoni stabbiliet netwerk kompjuterizzat biex jgħaqqad l-awtoritajiet veterinarji, is-sistema TRACES.

Fl-1 ta’ Lulju 1992, l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku fil-fruntieri interni tal-UE fuq l-annimali ħajjin u l-prodotti tagħhom kollha ġie abolit, fid-dawl tal-progress li sar b’rabta mal-iċċekkjar fuq l-annimali minn pajjiżi mhux tal-UE u l-miżuri meħuda biex tiġi kkontrollata l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-marda tal-infafet vesikolari tal-ħnieżer.

ID-DIRETTIVA META DAĦLET FIS-SEĦĦ?

Din ilha tapplika mis-26 ta’ Lulju 1990. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Lulju 1992, ħlief għar-regoli fl-Artikoli 10 (dwar it-tifqigħa tal-mard) li kellhom jiġu inkorporati sas-26 ta’ Settembru 1990.

TERMINI EWLENIN

Ċekkjar veterinarju: kwalunkwe ċekkjar fiżiku (u/jew formalità amministrattiva) ta’ annimali jew prodotti li hu intiż għall-ħarsien, dirett jew mod ieħor, tas-saħħa pubblika jew tal-annimali.
Ċekkjar żootekniku: kwalunkwe formalità fiżika u/jew amministrattiva li tapplika għall-annimali koperti mil-leġiżlazzjoni żooteknika u li hi intiża għat-titjib dirett jew indirett tat-tnissil.
Prodotti ġerminali: semen, ooċiti u embrijuni intiżi għal riproduzzjoni artifiċjali.
Żoonożi: marda li tista’ tiġi trażmessa lill-bnedmin mill-annimali.
Mard epiżootiku: mard li jaffettwa għadd kbir ta’ annimali f’perjodu qasir ta’ żmien.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, pp. 29-41)

Fid-dokument oriġinali ġew inkorporati emendi suċċessivi għad-Direttiva 90/425/KEE. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (ir-“Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, pp. 66-143)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/623/KE tad-19 ta’ Awwissu 2003 dwar l-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata integrata magħrufa bħala Traces (ĠU L 216, 28.8.2003, pp. 58-59)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, pp. 9-30)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, pp. 56-68)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.02.2018

Top