Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Projbizzjoni tal-għoti tal-ormoni (u sustanzi oħra) lil annimali tar-razzett

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Projbizzjoni tal-għoti tal-ormoni (u sustanzi oħra) lil annimali tar-razzett

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 96/22/KE — il-projbizzjoni tal-użu fl-istockfarming ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika u tyrostatika u ta’ ß-agonists

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-direttiva tfittex li tipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi u żżomm il-kwalità tal-ikel billi toħloq qafas għall-użu ta’ ormoni intenzjonati għall-annimali.

PUNTI EWLENIN

Sustanzi

Id-direttiva tipprojbixxi l-għoti ta’ ċerti sustanzi lill-annimali tar-razzett għall-promozzjoni tat-tkabbir. Is-sustanzi, imniżżla fl-Anness II, huma:

  • sustanzi tirjostatiċi* ;
  • stilbeni, derivattivi tal-istilbeni, il-melħ u l-esteri tagħhom;
  • oestradiol 17ß u d-derivattivi tagħhom ta’ natura ta’ ester;
  • beta-agonisti* (ipprojbiti iżda huma possibbli derogi taħt ċerti ċirkostanzi).

Hemm ukoll lista ta’ sustanzi proviżorjament ipprojbiti fl-Anness III tad-direttiva: dawn jinkludu sustanzi b’azzjoni ostroġenika* (għajr l-oestradiol 17ß u d-derivattivi tiegħu ta’ natura ta’ ester), androġenika* jew ġestaġenika* (derogi possibbli).

Id-Direttiva 2003/74/KE emendat id-Direttiva 96/22/KE, fejn ikkonfermat il-projbizzjoni tal-ormoni għall-promozzjoni tat-tkabbir fl-annimali. Hija naqqset ukoll b’mod sostanzjali ċ-ċirkostanzi li fihom l-oestradiol 17ß seta’ jingħata għal skopijiet oħra lil annimali li jipproduċu l-ikel.

Id-Direttiva 2008/97/KE emendat id-Direttiva 96/22/KE u tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/22/KE biss għal annimali li jipproduċu l-ikel, fejn irtirat il-projbizzjonijiet għall-annimali domestiċi.

Peress li l-oestradiol 17β mhuwiex essenzjali fil-produzzjoni ta’ annimali li jipproduċu l-ikel (minħabba l-alternattivi disponibbli) u fid-dawl tar-riskji potenzjali tiegħu għas-saħħa tal-bniedem, huwa pprojbit għalkollox milli jintuża f’annimali li jipproduċu l-ikel. Għalhekk, l-eżenzjonijiet temporanji li kienu pprovduti għall-użu tal-oestradiol 17β ma ġewx imġedda.

Projbizzjoni

Id-direttiva tipprojbixxi:

  • it-tqegħid fis-suq tas-sustanzi elenkati hawn fuq li għandhom jingħataw lil annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem (li ma jinkludix l-eċċezzjonijiet terapewtiċi u żootekniċi* );
  • it-tqegħid fis-suq u l-iskarnar ta’ annimali li jkun fihom dawn is-sustanzi jew residwi ta’ dawn is-sustanzi;
  • it-tqegħid fis-suq tal-laħam jew prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkun fihom dawn is-sustanzi jew residwi ta’ dawn is-sustanzi;
  • iż-żamma ta’ dawn is-sustanzi f’razzett.

Eċċezzjonijiet

Is-sustanzi b’azzjoni ormonali jew tirostatika u sustanzi beta-agonisti ma jistgħux jingħataw lil annimali tar-razzett. Madankollu, sustanzi speċifiċi b’azzjoni ormonali u beta agonisti jistgħu jintużaw għal skopijiet terapewtiċi u żootekniċi, dment l-użu tagħhom ikun ikkontrollat.

Importazzjonijiet

L-UE tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ annimali, laħam u prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi mhux tal-UE li jawtorizzaw l-għoti ta’ dawn is-sustanzi għall-promozzjoni tat-tkabbir. Madankollu, il-projbizzjoni tal-UE ma tapplikax fejn dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu joffru garanzija ekwivalenti għal esportazzjonijiet bħal sistema ta’ tnissil segregata.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Hija bdiet tapplika mit-23 ta’ Mejju 1996. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali mill-1 ta’ Lulju 1997.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Tirjostatiċi: mediċini li jnaqqsu (jew jistabilizzaw) il-produzzjoni ta’ ormoni tat-tirojde.
Ostroġeniċi: ormoni li jistimulaw l-iżvilupp ta’ karatteristiċi sesswali sekondarji femminili (pereżempju, inqas muskoli u piż fil-baqar milli fil-barrin), jeżerċitaw effetti sistemiċi bħat-tkabbir u l-maturazzjoni ta’ għadam twil u jippromwovu l-estrus (jiġifieri perjodu ta’ riċezzjoni sesswali li jokkorri b’mod regolari) fil-mammiferi femminili.
Androġeniċi: ormoni li jikkontrollaw l-iżvilupp u ż-żamma ta’ karatteristiċi maskili.
Ġestaġeniċi: ormoni li jipproduċu effetti proġestazzjonali (jiġifieri li jiffavorixxu l-ġestazzjoni) fl-utru.
Żootekniċi: it-teknoloġija tat-trobbija tal-annimali (id-domestikazzjoni u t-tnissil selettiv tal-annimali).
Beta-agonisti: drogi li jirrilassaw il-muskoli (pereżempju, meta jkunu qed iwelldu) billi jistimulaw il-beta-adrenoċetturi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar il-projbizzjoni tal-użu fit-trobbija tal-bhejjem ta’ ċerti sustanzi li jkollhom effett ormonali u tireostatiku u ta’ ß-agonists, u li tħassar id-Direttivi 81/602/KEE, 88/146/KEE u 88/299/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, pp. 3-9)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 96/22/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, pp. 1-66)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.11.2017

Top