EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1982 dwar l-Armonizzazzjoni tal-Kontroll tal-Fruntieri tal-Merkanzija

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

Konvenzjoni internazzjonali dwar l-armonizzazzjoni tal-kontroll tal-fruntieri tal-merkanzija

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT U TAL-KONVENZJONI?

Ir-regolament japprova f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea (issa l-UE) il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Kontroll tal-Fruntieri tal-Merkanzija.

Il-konvenzjoni:

  • tfittex li tissemplifika l-proċeduri amministrattivi u tneħħi l-ostakoli tekniċi transkonfini;
  • tapplika għall-merkanzija kollha li tkun qed tiġi importata jew esportata jew li tkun fi tranżitu, meta din tkun trasportata b’mod li taqsam fruntiera waħda, jew aktar, tal-baħar, tal-ajru jew tal-art;
  • hija parti mill-politika tal-kummerċ estern, qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-partijiet għall-konvenzjoni huma impenjati li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi fuq il-fruntieri u jnaqqsu n-numru u t-tul tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet tad-dwana. Dan l-impenn għandu jkun rifless fi:

  • kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn id-dwana u servizzi oħrajn għall-monitoraġġ tal-merkanzija;
  • il-provvediment ta’ persunal ikkwalifikat bit-tagħmir meħtieġ fil-post fejn għandhom isiru l-kontrolli; struzzjonijiet uffiċjali lill-uffiċjali biex jaġixxu skont ftehimiet internazzjonali;
  • kooperazzjoni mal-korpi internazzjonali kompetenti, sabiex jiġu ffaċilitati ftehimiet multilaterali jew bilaterali ġodda;
  • arranġamenti għall-kontroll konġunt ta’ merkanzija u dokumenti minn pajjiżi ġirien li jaqsmu fruntiera bejniethom; il-ħinijiet tal-ftuħ tal-postazzjonijiet fuq il-fruntiera, kategoriji ta’ merkanzija, modi ta’ trasport u proċeduri ta’ tranżitu doganali internazzjonali għandhom jikkorrispondu;
  • qsim tal-informazzjoni meħtieġa biex ill-kontrolli jkunu effettivi;
  • dokumenti allinjati mal-Gwida għall-Preżentazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-partijiet għall-konvenzjoni jaqblu li:

  • merkanzija fi tranżitu tirċievi trattament sempliċi u mgħaġġel meta tkun qed tiġi ttrasportata f’kondizzjonijiet li jipprovdu sigurtà adegwata. Iżda, jekk hemm theddida għas-sigurtà pubblika*, huma jistgħu jwettqu kontrolli;
  • billi jkunu estiżi s-sigħat u l-kompetenza tal-postijiet doganali eżistenti, huma għandhom jiffaċilitaw l-iżdoganar ta’ merkanzija koperta minn proċedura ta’ tranżitu doganali internazzjonali.

Il-merkanzija hija soġġetta għal kontrolli doganali kif deskritt fl-Anness 1. Dawn il-kontrolli għandhom jiżguraw il-konformità mal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-fruntieri. Jistgħu jsiru wkoll tipi oħrajn ta’ kontrolli, anke f’postazzjonijiet fi ħdan il-pajjiż.

Is-servizzi doganali huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ servizzi oħrajn ta’ kontroll tal-merkanzija sabiex iħaffu l-passaġġ tal-merkanzija.

Informazzjoni dwar dawn il-kontrolli tinsab fl-annessi elenkati hawn taħt:

  • spezzjonijiet mediko-sanitarji mwettqa għall-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-persuni (Anness II);
  • spezzjonijiet veterinarji, applikati għall-annimali u prodotti tal-annimali u l-kundizzjonijiet biex jinġarru (Anness III);
  • spezzjonijiet fitosanitarji maħsuba sabiex jipprevjenu l-firxa u l-introduzzjoni fil-fruntieri nazzjonali ta’ pesti tal-pjanti u prodotti tal-pjanti (Anness IV);
  • kontroll ta’ konformità tal-merkanzija ma’ liġijiet u regolamenti nazzjonali u internazzjonali (Anness V);
  • kontroll tal-kwalità tal-merkanzija biex jiżgura li l-merkanzija tikkorrispondi mat-tifsiriet minimi internazzjonali jew nazzjonali ta’ kwalità (Anness VI);
  • regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Ammistrattiv għall-Konvenzjoni dwar l-Armonizzazzjoni dwar il-proċedura ta’ emenda għall-konvenzjoni (Anness VII);
  • l-iffaċċilitar ta’ proċeduri għall-qsim tal-fruntieri għal trasport internazzjonali bit-triq, inkluż billi jingħataw viżi lil sewwieqa professjonali, it-tħaffif ta’ proċeduri għall-qsim tal-fruntiera għal merkanzija, b’mod partikolari għal kunsinni urġenti, bħal annimali ħajjin u merkanzija li titħassar malajr u kontroll tekniku ta’ vetturi tat-triq (introdott b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/161/KE) (Anness VIII).

Projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet relatati mal-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu jibqgħu applikabbli meta jiġu imposti għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Miżuri ta’ emerġenza jistgħu wkoll jiġu introdotti jekk meħtieġ.

Il-konvenzjoni ma tipprekludix id-dritt ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika (bħall-UE) li japplikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess fil-fruntieri interni tagħhom. Din tippermetti li jinżammu l-preferenzi u l-faċilitajiet finanzjarji, bil-kundizzjoni li ma jnaqqsux b’xi mod il-faċilitajiet li joħorġu minn din il-konvenzjoni.

It-tilwim bejn il-partijiet għandu jiġi solvut permezz ta’ negozjati jew permezz ta’ rikors volontarju għall-arbitraġġ.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENT U L-KONVENZJONI?

Ir-Regolament ilu japplika mill-1 ta’ Ġunju 1984. Il-Konvenzjoni ilha tapplika mit-12 ta’ Settembru 1987.

TERMINI EWLENIN

Sigurtà pubblika: id-difiża tas-sikurezza pubblika timplika d-difiża tas-sikurezza u s-sigurtà tal-pubbliku, il-moralità, is-saħħa, l-ambjent, il-patrimonju kulturali u proprjetà industrijali, kummerċjali u intellettwali.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 tal-10 ta’ April 1984 li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (ĠU L 126, 12.5.1984, pp. 1-2)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-armonizzazzjoni tal-kontroll tal-fruntieri tal-merkanzija (ĠU L 126, 12.5.1984, pp. 3-19)

Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Kontrolli tal-Oġġetti fil-Fruntieri (Konvenzjoni tal-Armonizzazzjoni), ta’ Ġinevra, 21 ta’ Octtubru 1982 (ĠU L 317, 30.11.2011, pp. 13-15)

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/161/KE tal-25 ta’ Settembru 2008 li f’isem il-Komunità tapprova l-Anness 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Kontroll tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (ĠU L 55, 27.2.2009, pp. 21-39)

Regolament (KE) Nru 882/2004 Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare ta’ l-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, pp. 1-141)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 882/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 25.10.2018

Top