EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-awtorità tal-ġenituri u l-protezzjoni tat-tfal (Konvenzjoni tal-Aja)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni 2003/93/KE dwar il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 rigward l-aspetti legali internazzjonali tal-awtorità tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI?

  • Hija tawtorizza lill-pajjiżi tal-UE jiffirmaw il-Konvenzjoni tal-Aja.
  • Il-konvenzjoni tistabbilixxi regoli biex tittejjeb il-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet internazzjonali u jiġu evitati l-kunflitti bejn id-diversi sistemi legali nazzjonali.

Il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja. Dan ifisser li jistgħu jinvokaw regoli legali komuni meta jittrattaw ma’ pajjiżi barra l-UE li huma parti għall-Konvenzjoni, sabiex jipproteġu lit-tfal involuti f’tilwim internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

X’inhu kopert?

Il-konvenzjoni tara li tagħti protezzjoni internazzjonali lit-tfal sa 18-il sena, billi tistabbilixxi:

  • liema pajjiż għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu l-miżuri biex jipproteġi minuri jew il-proprjetà tiegħu;
  • liema liġi tapplika għall-eżerċitar ta’ din il-ġurisdizzjoni;
  • liema liġi tapplika għall-awtorità tal-ġenituri;
  • li l-miżuri ta’ protezzjoni huma rikonoxxuti u infurzati fil-pajjiżi firmatarji kollha;
  • kooperazzjoni bejn il-pajjiżi firmatarji.

Il-miżuri għall-protezzjoni ta’ minuri jirrigwardaw:

  • ir-responsabbiltà tal-ġenituri;
  • il-jeddijiet ta’ kustodja;
  • it-tutela;
  • kif huwa rappreżentat il-minuri;
  • it-tqegħid tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew taħt kura oħra;
  • is-sorveljanza ta’ dik il-kura;
  • kif inhi ġestita l-proprjetà tal-minuri.

Liema pajjiż huwa responsabbli?

Il-pajjiżi bil-ġurisdizzjoni li jipprovdi miżuri ta’ protezzjoni ġeneralment huwa l-pajjiż fejn il-minuri huwa normalment residenti.

Huwa l-pajjiż li fih il-minuri huwa preżenti:

  • għar-refuġjati jew għat-tfal spustati b’mod internazzjonali;
  • għat-tfal li l-pajjiż ta’ residenza normali tagħhom ma jistax ikun stabbilit;
  • f’emerġenza (fakultattiva).

Eċċezzjoni

F’każ partikolari, jekk pajjiż ieħor jidher li huwa f’qagħda aħjar li jivvaluta l-aħjar interessi tal-minuri, jista’ jitħalla jieħu l-ġurisdizzjoni.

Liema liġi tapplika?

  • Il-pajjiż li jeżerċita l-ġurisdizzjoni jagħmel dan taħt il-liġi tiegħu stess.
  • B’mod eċċezzjonali, jista’ japplika jew jieħu inkunsiderazzjoni l-liġi ta’ pajjiż ieħor li huwa involut mill-qrib fis-sitwazzjoni – jekk dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.
  • Pajjiż jista’ biss jirrifjuta li japplika l-liġi magħżula mill-konvenzjoni għal raġunijiet iġġustifikati ta’ politika pubblika u fl-aħjar interess tal-minuri.

Rikonoxximent u infurzar

  • Il-miżuri li jieħu pajjiż firmatarju taħt din il-konvenzjoni sabiex jipproteġi minuri jew il-proprjetà tiegħu għandhom ikunu rikonoxxuti fil-pajjiżi firmatarji kollha.
  • Kif speċifikat fil-konvenzjoni, pajjiż jista’ jirrifjuta r-rikonoxximent f’numru limitat ta’ każijiet biss.
  • Meta l-miżuri ta’ protezzjoni jiġu ddikjarati infurzabbli f’pajjiż ieħor, dak il-pajjiż irid jinfurzahom daqs li kieku ħadhom huwa stess, u jagħmel dan skont il-liġi tiegħu stess.

Il-kooperazzjoni

  • Kull pajjiż firmatarju għandu jagħżel awtorità jew awtoritajiet ċentrali li jwettqu l-obbligi imposti fuqu mill-konvenzjoni.
  • Dawn l-awtoritajiet iridu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bejniethom, kif ukoll jippromwovu l-kooperazzjoni f’każijiet bħal dawn fost l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

SFOND

Il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal – informazzjoni tal-UE

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/93/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jiffirmaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (ĠU L 48, 21.2.2003, pp. 1–2)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/431/KE tal-5 ta’ Ġunju 2008 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja - Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (ĠU L 151, 11.6.2008, pp. 36–48)

l-aħħar aġġornament 26.07.2016

Top