EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Obbligi Kuntrattwali fl-UE — id-determinazzjoni ta' liema liġi nazzjonali tapplika

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 593/2008 — dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali

SOMMARJU

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi regoli għall-UE kollha biex jiġi ddeterminat liema liġi nazzjonali għandha tapplika għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed.
  • Dan ir-regolament, magħruf bħala Ruma I, jaħdem flimkien ma' żewġ regolamenti oħra, Ruma II (obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali) u Ruma III (divorzju u separazzjoni legali) biex jiddetermina l-liġi applikabbli f'tipi differenti ta' kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-regolament ma japplikax għal kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi, jew għal kwistjonijiet ta' evidenza u proċedura waqt proċeduri legali. Ma japplikax għal obbligazzjonijiet inkluż dawk relatati ma':

  • l-istatus ta' persuna jew kapaċità legali,
  • relazzjonijiet familjari,
  • reġimi ta' proprjetà matrimonjali,
  • dokumenti li jiggarantixxu l-ħlas ta' ammont speċifiku ta' flus bħal kambjali, ċekkijiet, u ċedoli,
  • arranġamenti ta' arbitraġġ u dwar l-għażla tal-qorti,
  • liġi tal-kumpaniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati,
  • trusts,
  • trattativi li jseħħu qabel ma jiġi ffirmat kuntratt.

Ambitu tal-liġi applikabbli

Ir-regolament jiddetermina l-liġi nazzjonali applikabbli dwar aspetti differenti ta' kuntratti, inkluż:

  • kif kuntratt jiġi interpretat u x'għandu jsir biex jiġu ssodisfati t-termini tiegħu,
  • il-konsegwenzi tal-ksur ta' obbligazzjonijiet kuntrattwali, inkluż l-istima tad-danni,
  • id-diversi modi ta' twaqqif tal-obbligazzjonijiet kuntrattwali (eż ħlas, kumpens, nullità tal-kuntratt), il-preskrizzjoni* u l-iskadenzi biex tiddaħħal azzjoni legali,
  • il-konsegwenzi ta' kuntratt meta jkun legalment null.

Għażla tal-liġi

  • Il-partijiet f'kuntratt jistgħu jagħżlu l-liġi li tirregola.
  • Tista' tiġi applikata għal parti biss jew għat-totalità tal-kuntratt.
  • Il-liġi applikabbli tista' tinbidel f'kull ħin sakemm il-partijiet kollha jaqblu.

Liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla li qed issir

Meta l-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, it-tip ta' kuntratt jiddetermina r-regoli:

  • Għal kuntratti tal-bejgħ ta' oġġetti, għoti ta' servizzi, konċessjonijiet jew distribuzzjoni, tapplika l-liġi tal-pajjiż tar-residenza tal-bejjiegħ, fornitur tas-servizz jew tal-konċessjonarju.
  • Għal kuntratti dwar proprjetà immobbli, tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà, minbarra f'każijiet ta' kirja temporanja u privata (massimu ta' 6 xhur konsekuttivi). F'każijiet bħal dawn, il-liġi applikabbli hija dik tal-pajjiż fejn il-proprjetarju jkollu r-residenza tiegħu.
  • Fil-każ ta' bejgħ ta' oġġetti b'irkant, tapplika l-liġi tal-pajjiż tal-irkant.
  • Jekk l-ebda, jew aktar minn regola waħda ta' hawn fuq japplikaw għal kuntratt, il-liġi applikabbli tiġi ddeterminata abbażi tal-pajjiż tar-residenza tal-parti li twettaq il-parti prinċipali tal-kuntratt.

Jekk, madankollu, il-kuntratt huwa marbut aktar mill-qrib ma' pajjiż ieħor milli pprovdut b'dawn ir-regoli, tapplika l-liġi ta' dak il-pajjiż. L-istess japplika meta l-ebda liġi applikabbli ma tkun tista' tiġi ddeterminata.

Kuntratti speċifiċi

Għal ċerti tipi speċifiċi ta' kuntratt, ir-regolament jistabbilixxi wkoll l-għażliet għall-għażla tal-liġi u jiddetermina l-għażla applikabbli fejn ma tkun saret l-ebda għażla. Dawn jinkludu:

  • kuntratti dwar it-trasport ta' merkanzija,
  • kuntratti dwar it-trasport ta' passiġġieri,
  • kuntratti tal-konsumatur bejn il-konsumaturi u l-professjonisti,
  • kuntratti tal-assigurazzjoni,
  • kuntratti individwali ta' impjieg.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament japplika għal kuntratti konklużi wara s-17 ta' Diċembru 2009.

SFOND

Obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali

TERMINU EWLIENI

* Preskrizzjoni: l-irwol li l-mogħdija taż-żmien għandha dwar kif isiru u jintemmu d-drittijiet

ATT

Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6–16)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40–49)

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10–16)

l-aħħar aġġornament 11.01.2016

Top