EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2011/16/UE dwar il-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/514

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 2011/16/UE (direttiva dwar il-koperazzjoni amministrattiva - DAC) tistabbilixxi sistema għall-koperazzjoni amministrattiva sikura bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni għal raġunijiet ta’ taxxa.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/514 (komunement magħrufa bħala “DAC7”) tintroduċi regoli ġodda biex ittejjeb dawn il-proċeduri ta’ koperazzjoni u tinkludi r-rappurtar ta’ bejgħ u servizzi li twettqu permezz ta’ pjattaformi diġitali.

PUNTI EWLENIN

Id-DAC tapplika għat-taxxi kollha, ħlief dawn li ġejjin:

  • it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji doganali;
  • dazji tas-sisa koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri;
  • kontribuzzjonijiet mandatorji tas-sigurtà soċjali li jridu jitħallsu lil Stat Membru, lil suddiviżjoni ta’ Stat Membru jew lil istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti taħt il-liġi pubblika.

Din ġiet emendata fid-DAC7 biex jiġi ċċarat li l-informazzjoni skambjata taħt id-direttiva DAC7 tista’ tintuża għall-amministrazzjoni, għall-valutazzjoni u għall-infurzar tal-VAT u taxxi oħra indiretti.

L-awtorità nazzjonali rilevanti teħtieġ li tistabbilixxi uffiċċju ċentrali ta’ kollegament li r-rwol tiegħu jkun biex:

  • iżomm kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea u ma’ korpi simili fi Stati Membri oħra, direttament jew permezz ta’ dipartimenti u uffiċjali maħtura;
  • jipproċessa t-talbiet għal informazzjoni.

Talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu ttrattati kif ġej.

  • Għandhom jiġu kkonfermati fi żmien sebat ijiem ta’ xogħol, jekk possibbli elettronikament.
  • Għandhom jitwieġbu mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievu t-talba. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista’ tagħmel dan fil-ħin, jeħtieġ li tinforma lill-awtorità applikanti immedjatament u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur minn meta ssir it-talba. Il-perjodu ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data meta saret it-talba.

Skambju ta’ informazzjoni awtomatiku mandatorju

Mill-2015, l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li mill-inqas darba fis-sena u fejn disponibbli, jipprovdu awtomatikament informazzjoni lil Stati Membri rilevanti dwar il-kategoriji sussegwenti ta’ introjtu u kapital għal residenti fi Stati Membri oħrajn:

  • l-introjtu mill-impjieg
  • il-ħlasijiet tad-diretturi
  • skemi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja
  • pensjonijiet
  • sjieda ta’ u dħul minn proprjetà ta’ beni immobbli.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/514 iżżid kategorija ġdida ta’ introjtu li ġej minn royalties mal-lista ta’ hawn fuq. Qabel l-1 ta’ Jannaru 2024, l-Istati Membri jeħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar mill-inqas erba’ kategoriji dwar xiex l-awtoritajiet kompetenti ser jikkomunikaw, permezz ta’ skambju awtomatiku, lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni dwar residenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Din l-informazzjoni ser tirrelata mal-perjodi taxxabli li jibdew mann jew wara l-1 ta’ Jannar 2025. Sa mill-2017, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom awtomatikament jipprovdu informazzjoni lill-Istati Membri rilevanti dwar kontijiet finanzjarji li għandhom residenti fi Stat Membru ieħor u fuq deċiżjonijiet transfruntiera avvanzati u arranġamenti avvanzati ta’ prezzijiet ta’ trasferiment.

Mill-2017wkoll, taħt id-Direttiva 2016/881/EU, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom awtomatikament jipprovdu informazzjoni dwar rapport pajjiż b’pajjiż — rapporti ppreżentati minn gruppi multinazzjonali b’operazzjonijiet fl-UE lill-Istati Membri rilevanti. Dawn jinkludu informazzjoni dwar l-ammont ta’ dħul, il-profitt qabel it-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa li tħallset u li hija dovuta fuq id-dħul, in-numru ta’ impjegati, il-kapital iddikjarat, il-profitti mfaddla u l-assi tanġibbli għal kull ġurisdizzjoni tat-taxxa fejn il-grupp jagħmel in-negozju.

Mill-2018, l-awtoritajiet jeħtieġu wkoll li jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miġbura skont id-Direttiva (UE) 2015/849, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (ara s-sommarju).

Mill-2020, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom awtomatikament jipprovdu l-informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-Istati Membri. Id-Direttiva (UE) 2020/876 tipprovdi għal-estensjoni volontarja massima ta’ sitt xhur għal skadenza ta’ rappurtar għal rekwiżiti mandatorji ta’ żvelar għal intermedjarji u kontribwenti rilevanti tat-taxxa taħt id-DAC6 — id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/822.

Obbligazzjonijiet ġodda ta’ rappurtar għall-pjattaformi diġitali

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/514 tintroduċi wkoll obbligazzjonijiet ġodda ta’ rappurtar dwar operaturi tal-UE u pjattaformi diġitali mhux tal-UE li jħallu ċertu bejjiegħa jingħaqdu ma’ utenti oħrajn sabiex jagħmlu l-attivitajiet transfruntiera jew domestiċi li ġejjin:

  • kirjiet ta’ propjetajiet
  • servizzi personali
  • bejgħ ta’ prodotti
  • kiri ta’ kwalunkwe mod ta’ trasport.

Pjattaformi diġitali tal-UE li jissodisfaw ċertu kundizzjonijiet f’iktar minn Stat Membru wieħed jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligazzjonijiet ta’ rappurtar f’wieħed minn tali Stat Membru. Operaturi ta’ pjattaformi diġitali mhux tal-UE li għandhom obbligazzjoni ta’ rappurtar taħt id-DAC7 jeħtieġ li jirreġistraw fi Stat Membru.

Operaturi ta’ pjattaformi diġitali mhux tal-UE jistgħu jiġu eżenti mill-obbligazzjonijiet ta’ rappurtar tagħhom tad-DAC7 jekk ikollhom iwettqu obbligazzjonijiet ekwivalenti ta’ rappurtar f’ġurisdizzjoni kwalifikata mhux fl-UE — u dik il-ġurisidizzjoni tiskambja din l-informazzjoni ekwivalenti mal-Istati Membri tal-UE rilevanti kollha, skont ftehim speċifiku.

Anness V ġdid fih proċeduri ta’ diliġenza dovuta, ħtiġijiet ta’ rappurtar u regoli oħra għall-operaturi ta’ pjattaformi.

Informazzjoni spontanja

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdu b’mod spontanju informazzjoni lill-kontropartijiet tagħhom li jinsabu xi mkien ieħor fl-UE mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn xahar minn mindu ssir disponibbli, jekk:

  • jaħsbu li jista’ jkun hemm telf ta’ taxxa fi Stat Membru ieħor tal-UE;
  • persuna f’pajjiż tikseb tnaqqis fit-taxxa jew eżenzjoni minnha li twassal għal żieda fl-obbligazzjoni ta’ taxxa tagħha f’pajjiż ieħor;
  • negozjati kummerċjali bejn żewġ persuni f’pajjiżi differenti jista’ jkun li jwasslu għal iffrankar fit-taxxa fil-każ ta’ wieħed minnhom jew it-tnejn li huma;
  • trasferimenti artifiċjali ta’ profitti fi gruppi ta’ intrapriżi jista’ jkun li jwasslu għal iffrankar fit-taxxa;
  • jirċievu informazzjoni mingħand awtorità oħra li tista’ tkun rilevanti għall-valutazzjoni tal-obbligazzjoni tat-taxxa tagħhom.

Awtoritajiet nazzjonali:

  • jistgħu jaqblu, f’żewġ Stati Membri tal-UE jew aktar, li jwettqu kontrolli simultanji tal-kontribwenti ta’ interess komuni għalihom;
  • li ntalbu jipprovdu l-informazzjoni jew li pprovdew l-informazzjoni b’mod spontanju jistgħu jitolbu feedback mingħand dawk li jużawha — u dan għandu jiġi pprovdut fi żmien tliet xhur;
  • li jirċievu informazzjoni mingħand pajjiż mhux tal-UE jistgħu jikkondividu din mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE jekk iqisuha utli — sakemm dawn ikunu taw parir lil tali pajjiż dwar l-intenzjoni tagħhom li jikkondividuha (u dak il-pajjiż għandu d-dritt li jiċħad).

L-informazzjoni kollha kondiviża bejn l-awtoritajiet nazzjonali hija soġġetta għas-segretezza uffiċjali.

Kull sena, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’data dwar il-volum ta’ skambji awtomatiċi ta’ informazzjoni u, fejn ikun possibbli, jivvalutaw l-kostijiet u l-benefiċċji relatati.

Awditu konġunt

Id-Direttiva Emendatorju (UE) 2021/514 tinkludi sezzjoni ġdida dedikata biex tiċċara l-qafas legali u l-prinċipji li japplikaw għall-kondotta ta’ awditi konġunti bejn żewġ Stati Membri jew iktar. L-Istati Membri jeħtieġ li jadottaw u jippubblikaw dawn ir-regoli sal-31 ta’ Diċembru 2023, u japplikawhom sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva 2011/16/UE ilha tapplika mill-11 ta’ Marzu 2011 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri fl-1 ta’ Jannar 2013.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2021/514 għandha ssir liġi fl-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2022 u r-regoli tagħha japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023.

SFOND

  • Affaċċati b’mobilità dejjem tiżdied ta’ kontributuri tat-taxxa, iktar tranżazzjonijiet transfruntiera u l-wasla ta’ strumenti ta’ finanzjament ġodda, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali jeħtieġ li jżidu l-koperazzjoni amministrattiva biex jassiguraw konformità mar-regoli tat-taxxa u jnaqqsu l-evażjoni, l-evitar u l-frodi tagħha.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, pp. 1–12).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/16/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2021/514 tat-22 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 104, 25.3.2021, pp. 1–26).

l-aħħar aġġornament 06.12.2021

Top