Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-liġi tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-liġi tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2008/99/KE - il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

  • Hi tiddefinixxi numru ta' reati serji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.
  • Hi teħtieġ li l-pajjiżi kollha tal-UE jintroduċu pieni effettivi u proporzjonati li jikkostitiwixxu deterrent għal tali reati, irrispettivament minn jekk jitwettqux b'mod intenzjonali jew permezz ta' negliġenza serja.

PUNTI EWLENIN

Tipi ta' illegalitajiet*imġiba li tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent li hi soġġetta għal pieni tinkludi:

  • ir-rimi, l-emissjoni jew inkella r-rilaxx ta' materjali perikolużi fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma;
  • il-ġbir, it-trasport, l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart perikoluż;
  • il-vjeġġi ta' kwantitajiet notevoli ta' skart;
  • it-tħaddim ta' impjant industrijali li jwettaq attivitajiet perikolużi jew li jaħżen sustanzi perikolużi (eż. fabbriki li jipproduċu żebgħa jew sustanzi kimiċi);
  • il-manifattura, it-trattament, il-ħżin, l-użu, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-rimi ta' materjal nukleari u materjali radjuattivi perikolużi;
  • il-qtil, il-pussess jew it-traffikar ta' ammonti notevoli ta' speċijiet protetti ta' annimali u ta' pjanti;
  • il-ħsara lil ħabitats protetti;
  • il-produzzjoni, il-kummerċ jew l-użu ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (eż. sustanzi kimiċi f'apparati tat-tifi tan-nar jew f'solventi sgrassanti).

Pieni:

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li r-reati jew it-tipi ta' mġiba illegali mniżżla fl-Artikolu 3 tad-Direttiva jkunu punibbli minn penali kriminali effettivi u proporzjonati li jikkostitwixxu deterrent u li japplikaw għall-individwi.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu li l-persuni ġuridiċi* tista' tinżamm responsabbli għal reati li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħha minn persuni li jaġixxu f'pożizzjoni ta' tmexxija abbażi ta' poter ta' rappreżentazzjoni, fuq awtorità biex tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika jew biex teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika. Il-persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli wkoll jekk in-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll minn tali persuna f'pożizzjoni ta' tmexxija għamilha possibbli li jitwettaq ir-reat.
  • Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi ma teskludix proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu awturi, xewwiexa jew aċċessorji fir-reat imsemmi fid-Direttiva. Skont is-sistema legali applikabbli fil-pajjiż tal-UE kkonċernat, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista' tkun jew kriminali jew mhux kriminali.
  • Din id-direttiva tibni fuq id-Direttiva 2004/35/KE, li tistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-prosekuzzjoni ta' reati ambjentali. Peress li l-ordinamenti ġuridiċi jvarjaw fost il-pajjiżi tal-UE, il-kriminali jistgħu jisfruttaw kwalunkwe nuqqas ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. In-netwerks ta' professjonisti ambjentali, bħan-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), il-Forum tal-UE tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE) u n-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), għandhom rwol importanti fil-qsim tal-aqwa prattika u fl-iżvilupp ta' metodoloġiji għal infurzar effettiv.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Bdiet tapplika mis-26 ta' Diċembru 2008. Il-pajjiżi tal-UE kienu meħtieġa li jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sas-26 ta' Diċembru 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara

TERMINI EWLENIN

Illegalitajiet: f'dan il-kuntest, tirreferi għal ksur tal-liġijiet tal-UE jew nazzjonali li jdaħħal fis-seħħ il-leiġiżlazzjoni tal-UE msemmija fl-Annessi tad-Direttiva 2008/99/KE.
Persuna ġuridika: entità mhux umana, bħal kumpaniji, li tiġi ttrattata bħala persuna għal skopijiet legali limitati. Persuna ġuridika tista' tħarrek, titħarrek, tirbaħ il-proprjetà u tidħol f'kuntratti.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, pp. 28-37)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta'April 2005 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, pp. 56-75)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/35/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 04.08.2017

Top