EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro

Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi

X’INHU L-GĦAN TA' DAWN IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 jispjega fid-dettall il-proċedura għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Dan ir-regolament japplika għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 jistipula mekkaniżmu ta’ infurzar. Dan il-mekkaniżmu jilħaq il-qofol tiegħu bis-sanzjonijiet finanzjarji għall-pajjiżi taż-żona euro li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi (MIP) magħmula fil-livell tal-UE sabiex jiġi rrimedjat l-iżbilanċ eċċessiv tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Minbarra li tissorvelja mill-qrib il-politiki baġitarji tal-pajjiżi tal-UE, l-UE tivverifika wkoll l-iżviluppi makrofinanzjarji* sabiex tidentifika, tipprevjeni u tikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi potenzjalment ta’ ħsara* u r-riskji li jfixklu l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija

  • Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tħejji r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR), li jikkostitwixxi l-punt tat-tluq taċ-ċiklu annwali tal-MIP. L-AMR huwa bbażat fuq il-qari ekonomiku ta’ tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi, iżda jiġi bbażat ukoll fuq analiżi finanzjarji u ekonomiċi rilevanti oħrajn. Huwa jivvaluta s-sitwazzjoni tal-pajjiżi tal-UE sabiex jiġu identifikati l-iżviluppi li jistgħu jirriflettu l-iżbilanċi possibbli.
  • Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tidentifika dawk il-pajjiżi tal-UE li jistgħu jiġu affettwati minn żbilanċ u li għalihom hija meħtieġa analiżi ulterjuri. Il-Kunsill jiddiskuti r-rapport u jadotta konklużjonijiet.

Analiżi fil-fond

Għal kull wieħed mill-pajjiżi identifikati fl-AMR, il-Kummissjoni twettaq Analiżi fil-Fond (IDR). Din tiddetermina jekk jeżistux xi żbilanċi, tivvaluta n-natura u l-gravità tagħhom u tenfasizza kwistjonijiet ta’ aġġustament u l-isfidi politiċi. Ir-regolament jippermetti 3 eżiti possibbli minn IDR:

  • Il-pajjiż ikkonċernat mhuwiex affettwat minn żbilanċ. Pajjiż f’din is-sitwazzjoni idaħħal mill-ġdid l-iskrining tal-iżbilanċi makroekonomiċi kull sessjoni sussegwenti tal-MIP, li fl-istess ħin ikompli jkun soġġett għal sorveljanza multilaterali taħt is-Semestru Ewropew.
  • Il-pajjiż ikkonċernat huwa affettwat minn żbilanċ. Meta dan ikun il-każ, il-Kunsill, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ joħroġ serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) sabiex il-pajjiż ikkonċernat ikun jista’ jniedi miżuri ta’ prevenzjoni.
  • Il-pajjiż ikkonċernat huwa affettwat minn żbilanċ eċċessiv. Il-Kunsill, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ joħroġ ukoll serje ta’ CSRs għall-pajjiż ikkonċernat. Fil-każ ta’ żbilanċi eċċessivi, il-Kunsill jista’ jieħu azzjoni korrettiva fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. L-azzjoni korrettiva tinbidel fi proċedura separata, jiġifieri l-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv (EIP).

L-analiżi fil-fond jeżaminaw diversi xejriet fl-ekonomiji tal-pajjiżi tal-UE, speċjalment l-iżviluppi fir-rigward ta’ żbilanċi esterni (bħall-kontijiet esterni tagħhom, bidliet fl-ishma tal-esportazzjoni u l-bilanċi tal-investiment nett) u żbilanċi interni (bħad-dejn pubbliku u privat, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, il-flussi tal-krediti u r-rata tal-qgħad).

Ir-riżultati tal-IDRs jittieħdu f’kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill billi joħorġu CSRs fil-kuntest tas-semestru Ewropew kull rebbiegħa.

Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv

  • Il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jattiva l-EIP għal pajjiż tal-UE bi żbilanċi eċċessivi. Il-Kunsill jadotta sett ta’ rakkomandazzjonijiet politiċi li jridu jiġu segwiti u jindika data ta’ skadenza sa meta l-pajjiż tal-UE kkonċernat għandu jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva.
  • Jekk il-miżuri u l-iskeda ta’ żmien imressqa mill-pajjiżi tal-UE jkunu sodisfaċenti, huma jiġu approvati minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi skeda ta’ monitoraġġ.
  • Jekk il-pjan sottomess jitqies bħala insuffiċjenti, il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni li titlob lill-pajjiż sabiex jippreżenta pjan ġdid ta’ azzjoni korrettiva fi żmien xahrejn.
  • Il-Kummissjoni ssegwi fuq ir-rakkomandazzjoni. Dan is-segwitu jkun ibbażat fuq ir-rapporti tal-progress regolari sottomessi mill-pajjiż u fuq ir-riżultati tal-missjonijiet ta’ monitoraġġ. Abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni mbagħad jiġu vvalutati mill-Kunsill.
  • Il-parti korrettiva tista’ tiġi attivata fi kwalunkwe ħin għall-pajjiż tal-UE fejn jiġu identifikati żbilanċi eċċessivi.

Sanzjonijiet u multi skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv

  • Il-pajjiżi taż-żona euro jistgħu jkunu soġġetti għal penali finanzjarji meta dawn jissottomettu ripetutament pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva insuffiċjenti jew f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni korrettiva. F’każ li tittieħed azzjoni korrettiva insuffiċjenti, il-Kunsill jista’ jimponi depożitu bl-imgħax fuq il-pajjiż. Jekk il-pajjiż xorta jonqos milli jimplimenta miżuri korrettivi, dan id-depożitu jista’ jinbidel f’multa. Id-depożitu jew il-multa bl-imgħax jammontaw għal 0.1% tal-PDG tal-pajjiż fis-sena ta’ qabel.
  • Dawn is-sanzjonijiet jippenalizzaw nuqqas ripetut ta’ teħid ta’ azzjoni, mhux l-iżbilanċi nfushom. Huma jitqiesu bħala approvati sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kkwalifikata taż-żona euro li toġġezzjona.
  • In-nuqqas ta’ konformità mal-EIP jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESI), irrispettivament mis-sħubija tagħhom fiż-żona euro.

Semestru Ewropew 2016

L-analiżi fil-fond ġew ippubblikati fis-26 ta' Frar 2016 u ġew integrati fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-analiżi fil-fond huma miġbura fil-qosor f'komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

META JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

It-tnejn li huma ilhom japplikaw mit-13 ta' Diċembru 2011.

SFOND

Is-6-pack, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2011, introduċa sistema ta’ sorveljanza tal-politika ekonomika għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE. Din is-sorveljanza hija parti mis-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Żviluppi makrofinanzjarji: l-iżviluppi monetarji, fiskali u finanzjarji fil-livell makroekonomiku (jiġifieri fl-ekonomija ta’ pajjiż).

Żbilanċi makroekonomiċi: fejn ċerti aspetti tal-ekonomija ta’ pajjiż ma jkunux f’bilanċ, pereżempju, livelli għoljin ta’ dejn pubbliku jew privat, qgħad għoli, prestazzjoni ħażina tal-esportazzjoni, eċċ.

DOKUMENTI EWLENIN

Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 8–11)

Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, pp. 25–32)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Grupp tal-Euro — Semestru Ewropew 2016: Valutazzjoni tal-progress fuq ir-riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u r-riżultati tar-rieżamijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2016) 095 final/2, 7.4.2016)

l-aħħar aġġornament 30.08.2016

Top