EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Pjan ta' azzjoni tal-UE ta' tnax-il punt b'appoġġ għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju – COM(2010) 159 finali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Fl-2010, biex tgħin tħaffef il-progress sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) sal-2015, il-Kummissjoni Ewropea ippreżentat pjan ta' azzjoni ta' 12-il punt għal perjodu ta' żmien medju.

PUNTI EWLENIN

Ilħuq tal-impenji tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp

Sabiex tirrispetta l-impenn biex tiżdied l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE (ODA) għal 0.7% tad-dħul nazzjonali gross (DNG) sal-2015, il-Kummissjoni pproponiet:

li jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni annwali biex tiġi ottimizzata l-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp;

li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' responsabbiltà tal-UE, abbażi ta' valutazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp;

Il-pajjiżi tal-UE daħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiġu stabbiliti miri tal-għajnuna għall-iżvilupp.

Hija talbet ukoll lil donaturi internazzjonali oħrajn biex iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom f'konformità mal-ODA tal-UE.

Titjib fl-effettività tal-għajnuna

Biex issaħħaħ l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-atturi varji involuti, il-Kummissjoni ipproponiet b'mod partikolari li:

b'mod progressiv tuża qafas ta' programmar konġunt u ċiklu ta' programmar individwali għall-UE u għall-pajjiżi tal-UE sal-2013;

tintroduċi Qafas Operattiv dwar l-effikaċja tal-għajnuna, it-tqassim tax-xogħol, it-trasparenza tal-finanzjament, ir-responsabbiltà reċiproka tal-UE u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

tinkoraġixxi donaturi oħrajn biex isegwu l-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna.

Pjan ta' Azzjoni biex jitħaffef il-progress lejn l-MDGs

Sabiex jitħaffef il-progress lejn l-MDGs, il-Kummissjoni ipproponiet li l-UE u il-pajjiżi tal-UE:

ipoġġu fil-mira l-pajjiżi u l-popolazzjonijiet li huma l-aktar lura;

ipoġġu fil-mira l-MDGs li huma l-aktar lura u jtejbu l-impatt tal-politiki settorjali Ewropej (e.ż is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u l-ugwaljanza bejn is-sessi);

irawmu sens ta' sjieda tal-MDGs minn pajjiżi imsieħba (eż. bl-integrazzjoni tal-MDGs fl-istrateġiji għall-iżvilupp tagħhom u bit-titjib tal-kwalità tal-istatistika);

jadottaw Programm ta' Ħidma sabiex jiżguraw li hemm konsistenza bejn il-politiki tal-UE li probabbli jaffettwaw il-pajjiżi imsieħba (eż. fl-oqsma ċentrali tal-kummerċ u l-finanzi, tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni u s-sigurtà);

jippromwovu l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi, b'mod partikolari permezz ta' governanza nazzjonali u internazzjonali aħjar fil-qasam tat-taxxa u t-tisħiħ tas-sistemi fiskali tal-pajjiżi imsieħba;

jippromwovu l-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali, li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi;

jidentifikaw u jippromwovu sorsi innovattivi tal-finanzjament, inkluż permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati, biex jiżguraw introjtu stabbli għall-iżvilupp sostenibbli;

jappoġġjaw l-adattament għat-tibdil fil-klima u strateġiji ta' mitigazzjoni f'pajjiżi msieħba (eż. bil-promozzjoni tal-kooperazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għat-teknoloġija li tirrispetta l-ambjent);

joħolqu kundizzjonijiet ta' sigurtà fit-tul (ħafna pajjiżi wara l-kisba tal-MDGs huma fraġli minħabba l-kunflitti armati);

jagħtu impuls ġdid lill-riforma tal-arkitettura tal-governanza internazzjonali (jiġifieri t-titjib fl-effettività u fil-leġittimità tal-proċess permezz ta' inklużjoni aħjar tal-pajjiżi l-aktar foqra, li l-interessi tagħhom huma ta' spiss marġinalizzati).

Kisbiet

Azzjonijiet mill-UE u pajjżi tal-UE taw riżultati pożittivi. Madanakollu, f'ċertu każijiet, ir-riżultati tagħhom naqsu milli jilħqu l-mira tagħhom.

Faqar u ġuħ estrem

Globalment, il-faqar estrem tnaqqas bin-nofs sal-2010, 5 snin qabel minn kif kien skedat; u minn dak iż-żmien baqa' dejjem jonqos. Madanakollu, 836 miljun persuna għadhom jgħixu f'faqar estrem. 72 minn 129 pajjiż naqqsu bin-nofs il-proporzjoni tan-nies isofru mill-ġuħ. 795 miljun persuna għadhom isofru mill-ġuħ, 2 biljun persuna minn nutriment ħażin u kwart tat-tfal minn waqfien fl-iżvilupp.

Edukazzjoni primarja universali

Meta mqabbel mas-sena 2000, in-numru ta' tfal barra mill-iskola kważi naqas bin-nofs. Ir-rati tal-litteriżmu għaż-żgħażagħ ta' bejn 15 sa 24 żdiedu minn 83 % fl-1990 għal 91% mistennija fl-2015. L-appoġġ tal-UE kkontribwixxa għal dan, kif ukoll għal titjib fil-livelli l-oħrajn kollha tal-edukazzjoni.

Ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa

Sar ċertu progress fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u fl-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa. Madanakollu, hemm ksur tad-drittijiet tan-nisa persisteni, u f'ċertu każijiet mingħajr preċedent. Id-disparità bejn is-sessi hija saħansitra akbar meta l-inugwaljanza bejn il-ġeneri hija kkombinata ma' forom ta' esklużjoni oħrajn bħad-diżabbiltà, l-età, il-kasta, l-etniċità, l-orjentazzjoni sesswali, it-tbegħid ġeografiku jew ir-reliġjon.

Il-mortalità tat-tfal

Għad hemm 16,000 mewta stmata kuljum. Rati ta' mortalità għal tfal taħt il-5 snin tnaqqsu bin-nofs sa mill-1990, minn 90 għal 43 mewta mistennija għal kull 1000 tarbija mwielda ħajja fl-2015. Inkiseb tnaqqis akbar fost l-aktar unitajiet domestiċi foqra milli fost dawk l-aktar sinjuri fir-reġjuni kollha. Madankollu, il-progress ma kienx biżżejjed biex tinkiseb il-mira tat- tnaqqis b'żewġ terzi tal-imwiet sal-2015.

Saħħa materna

Fl-2015, il-proporzjon tal-mortalità kien kważi nofs taċ-ċifra tal-1990. Madankollu, il-kisbiet xorta għadhom lura milli jilħqu l-mira tal-MDG, dik li l-proporzjon jitnaqqas bi tliet kwarti sal-2015.

HIV/AIDS, malarja u tuberkulożi (TB)

In-numru ta' mwiet ikkaġunati mill-HIV/AIDS, tuberkulożi u malarja naqas b'40% sa mill-2000.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-miri dwar l-aċċess għal provvista tal-ilma mtejba u numri mnaqqsin ta' persuni li jgħixu fi kwartieri foqra intlaħqu qabel l-iskadenza. Madankollu, it-telf ta' riżorsi ambjentali u tal-bijodiversità għadu ma twaqqafx.

Żviluppa sħubija globali għall-iżvilupp

Il-progress sa mill-1990 kien tajjeb. Fl-2014, il-livelli tal-għajnuna għall-iżvilupp żdiedu b'66% meta mqabbla mal-2000. Matul l-istess perjodu, l-aċċess għas-swieq tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp żdied.

SFOND

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsil, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta' Azzjoni tal-UE ta' tnax-il punt b'sostenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (COM(2010) 159 finali tal-21.4.2010)

l-aħħar aġġornament 13.01.2016

Top