Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-politika kummerċjali tal-UE lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż l-Għajnuna għall-Kummerċ

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-politika kummerċjali tal-UE lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż l-“Għajnuna għall-Kummerċ”

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(2012) 22 final — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn

L-istrateġija tal-UE dwar l-“Għajnuna għall-Kummerċ”: it-titjib tal-appoġġ tal-UE għal bżonnijiet relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI U TAL-ISTRATEĠIJA?

  • Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi azzjonijiet biex jiġu megħjuna l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), u pajjiżi oħra li jinsabu l-aktar fil-bżonn, biex jinkisbu l-benefiċċji tal-kummerċ għat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli.
  • L-istrateġija dwar l-“Għajnuna għall-Kummerċ* (AfT) għandha l-għan li ttejjeb l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-LDCs fis-sistema kummerċjali dinjija.
  • L-istrateġija kienet imfassla biex tikkonforma mal-objettivi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li minn dakinhar ġew sostitwiti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-2030.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni tenfasizza r-rwol tal-istrumenti kummerċjali u ta’ żvilupp li ġejjin għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-LDCs:

  • l-iskema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SĠP), li tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw iħallsu inqas dazji jew l-ebda dazju fuq l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE. SĠP riveduta li b'enfasi akbar fuq il-pajjiżi l-anqas żviluppati daħlet fis-seħħ fl-2014;
  • l-għoti ta’ spinta lir-relazzjonijiet bilaterali u reġjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles ma’ pajjiżi fl-Asja, l-Amerika Latina, il-viċinat tal-Lvant tal-Ewropa u l-Mediterran tan-Nofsinhar;
  • il-promozzjoni tal-investiment dirett barrani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-LDCs;
  • l-għajnuna lill-kummerċjanti żgħar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-LDCs biex jiġu megħjuna jaċċessaw aħjar is-suq tal-Unjoni Ewropea (UE), pereżempju permezz tal-Helpdesk tal-Esportazzjoni;
  • l-enfasi fuq l-importanza tal-governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; din tfittex li
    • tistimola l-kummerċ u l-investiment
    • tiżgura li l-aktar nies foqra wkoll jibbenefikaw mit-tkabbir ekonomiku li jirriżulta mill-kummerċ u
    • tiżgura s-sostenibbiltà tal-iżvilupp tagħhom.

L-istrateġija tistabbilixxi serje ta’ prijoritajiet:

  • l-għoti ta’ spinta lill-AfT globali provduta mill-UE taħt l-impenji ta’ għajnuna għall-iżvilupp tagħha;
  • iż-żieda tal-impatt tar-riżorsi provduti mill-UE u l-pajjiżi tal-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-LDCs permezz tat-titjib tal-kollaborazzjoni u l-koordinament tagħhom;
  • il-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u azzjoni ffukata fuq it-tnaqqis tal-faqar;
  • it-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-progress. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport ta’ monitoraġġ annwali dwar l-AfT tal-UE.

Finanzjament:

Punti addizzjonali:

L-użu tal-kummerċ bħala għodda għat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli huwa enfasizzat ukoll fil-komunikazzjoni tal-2011 “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”; u jkompli jiġi enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-2012 “Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn”.

SFOND

  • Ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw varjetà wiesgħa ta’ ostakoli fil-kummerċ internazzjonali, bħal infrastruttura dgħajfa, ftit diversifikazzjoni fil-kummerċ, proċeduri doganali ineffiċjenti jew burokrazija eċċessiva. Hekk kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw issa jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-kummerċ globali, hemm ħafna x’jista’ jinkiseb jekk negħlbu dawn l-ostakoli: minn ambjenti tan-negozju mtejba għat-tnaqqis globali tal-faqar.
  • L-istrateġija taqa’ taħt il-qafas tal-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp, adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Għajnuna għall-Kummerċ (AfT): għajnuna li tgħin lill-pajjiżi sħab jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet maħluqa minn ftehimiet unilaterali, bilaterali jew multilaterali.

DOKUMENTI EWLENIN

Strateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ: It-titjib tal-appoġġ tal-UE għal ħtiġijiet relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw — Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, 29 ta’ Ottubru 2007

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżviluppIt-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn (COM(2012) 22 final, 27.1.2012)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla (COM(2011) 637 final, 13.10.2011)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Għajnuna għall-Kummerċ — Rapport tal-2015: Reviżjoni tal-progress li sar mill-UE u l-Istati Membri tagħha (SWD(2015) 128 final, 22.6.2015)

l-aħħar aġġornament 14.03.2017

Top