EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet: Linji gwida tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IL-LINJI GWIDA?

  • L-UE hija impenjata li tieħu azzjoni fit-tul favur id-drittijiet tan-nisa, b’enfasi fuq il-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa* u l-bniet.
  • Il-linji gwida stabbilew miri sabiex jinkoraġġixxu l-azzjoni u l-impenn mill-pajjiżi tal-UE u l-bqija tad-dinja.

PUNTI EWLENIN

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija fenomenu dinji, li għandu l-għeruq tiegħu fl-inugwaljanzi ekonomiċi u fil-poter bejn is-sessi, fi drawwiet, tradizzjonijiet, valuri reliġjużi, insabbiltà politika u kunflitti armati.

Din għandha konsegwenzi serji għas-saħħa fiżika u mentali tal-vittmi, kif ukoll għas-soċjetà inġenerali.

Il-linji gwida għandhom tliet għanijiet interkonnessi:

  • li jipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
  • li jħarsu u jappoġġaw lill-vittmi;
  • li jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li jwettqu vjolenza ta' dan it-tip.

Biex jiksbu dan, bil-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-UE, il-linji gwida jfittxu li:

  • jippromwovu l-ugwaljanza u jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, filwaqt li jirrikonoxxu li l-ostakoli għad-drittijiet soċjoekonomiċi u politiċi jżidu l-esponiment tan-nisa għall-vjolenza;
  • jiffukaw fuq il-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi li jiddiskriminaw kontra n-nisa u l-bniet, filwaqt li jiġġieldu d-diskriminazzjoni fil-ħajja privata u l-istereotipizzazzjoni tal-ġeneru;
  • itejbu l-ġbir tad-data, u jsibu modi aħjar kif jirrikonoxxu s-sinjali tal-vjolenza kontra n-nisa;
  • jiddisinjaw strateġiji kollaborattivi li tassew jaħdmu, li jinvolvu lil kull individwu u settur fis-soċjetà, inklużi l-politiċi u l-midja;
  • jisfidaw l-impunità * ta’ dawk li jwettqu l-vjolenza, u jiżguraw li jinżammu responsabbli;
  • jiżguraw li l-atti ta’ vjolenza jiġu investigati malajr u bis-serjetà, u li s-sistema tal-ġustizzja kriminali taħdem b’modi li jħeġġu lin-nisa jippreżentaw evidenza;
  • itejbu t-taħriġ dwar l-infurzar tal-liġi, l-għajnuna legali, il-protezzjoni tal-vittmi u x-xhieda, u joħolqu kundizzjonijiet fejn il-vittmi ma jibqgħux ekonomikament dipendenti fuq dawk li jwettqu l-vjolenza.

L-UE ser tqajjem il-kwistjoni b’mod regolari barra mill-UE, inkluż fin-Nazzjonijiet Uniti (NU). Ser issir ukoll referenza għad-drittijiet tan-nisa fil-mandati kollha tar-rappreżentanti u l-mibgħuta speċjali tal-UE. B’mod partikolari, l-UE se tħeġġeġ lill-pajjiżi jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW).

L-UE għandha l-għan li tipprevjeni l-vjolenza u tgħin lill-vittmi permezz ta’ appoġġ għal:

  • aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi tal-vjolenza;
  • ir-rwol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa f’sitwazzjonijiet fejn il-vjolenza hija mifruxa u ma tiġix ikkastigata;
  • miżuri kontra l-impunità permezz tal-monitoraġġ ta’ proċedimenti fil-qorti;
  • difensuri tad-drittijiet tan-nisa u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem nisa*;
  • għajnuna psikoloġika b’xejn, għajnuna legali, akkomodazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi ma’ uliedhom;
  • aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, b’mod partikolari b’rabta mas-saħħa sesswali u riproduttiva;
  • programmi li jippromwovu d-dritt għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’rabta mas-sesswalità, mingħajr ma dak li jkun jiġi soġġett għal koerċizzjoni, diskriminazzjoni jew vjolenza;
  • programmi mmirati lejn nisa li huma f’sitwazzjoni li żżid ir-riskju tagħhom li jisfaw vittmi tal-vjolenza;
  • edukazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali u l-għoti ta’ setgħa lin-nisa u l-bniet;
  • sensibilizzazzjoni, b’enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-istereotipizzazzjoni, b’mod partikolari mmirata lejn l-irġiel u s-subien;
  • programmi mmirati sabiex itejbu l-indipendenza ekonomika tan-nisa;
  • kampanji ffukati fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta’ attenzjoni sistematiku tal-bniet, b’mod partikolari b’rabta mar-reġistrazzjoni uffiċjali tat-twelid u l-iskola.

F’każijiet eċċezzjonalment serji, pereżempju fejn il-vjolenza titwettaq jew tiġi ttollerata minn pajjiż b’mod kuntrarju għall-impenji internazzjonali, l-UE tista’ tieħu miżuri speċifiċi.

SFOND

Il-linji gwida huma bbażati fuq firxa ta’ studji u inizjattivi, inkluż l-istudju fil-fond dwar il-vjolenza kontra n-nisa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU (2006), il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fuq il-Vjolenza kontra n-Nisa (2008), ir-riżoluzzjoni 61/143 tan-NU dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (2006) u r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008)tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà.

Huma bbażati wkoll fuq ir-Riżoluzzjoni 2005/2215 tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fil-kunflitti armati u l-irwol tagħhom fir-rikostruzzjoni.

Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:

* TERMINI EWLENIN

Vjolenza kontra n-nisa: kwalunkwe att ta’ vjolenza bbażat fuq il-ġeneru li jirriżulta jew x’aktarx li jirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali jew psikoloġika jew sofferenza għan-nisa, inkluż theddid ta’ tali atti, koerċizzjoni jew ċaħda arbitrarja tal-libertà. Din tista’ ssir fil-familja jew fil-komunità ġenerali, jew titwettaq jew tiġi ttollerata mill-pajjiż fl-intier tiegħu.
Impunità: eżenzjoni jew ħelsien minn kastig għal ħsara kkawżata.
Difensuri tad-drittijiet tal-bniedem: individwi jew gruppi li jippromwovu jew iħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bħal drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi d-drittijiet tan-nisa

DOKUMENT EWLIENI

Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2008

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2012/29/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 57–73)

Ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, pp. 62–72)

l-aħħar aġġornament 27.06.2016

Top