EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Extrastat: statistika relatata mal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 471/2009 — statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-produzzjoni ta’ statistika relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1172/95.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

L-istatistika kummerċjali tittratta l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija*. F’konformità mal-Kodiċi Doganali tal-UE, dan ir-regolament jistabbilixxi li:

  • merkanzija li titlaq mit-territorju statistiku tal-UE* hija meqjusa bħala esportazzjoni;
  • merkanzija li tidħol fit-territorju statistiku tal-UE hija meqjusa bħala importazzjoni.

Ċerti tipi ta’ merkanzija jew movimenti ta’ merkanzija (bħal ċertu tagħmir industrijali, l-ajruplani, l-oġġetti militari, il-prodotti tal-iskart jew l-enerġija elettrika jew il-gass) huma soġġetti għal regoli speċifiċi.

Sorsi ta’ data

Id-dikjarazzjoni doganali* għal merkanzija importata jew esportata hija meqjusa bħala s-sors ewlieni għar-reġistrazzjoni ta’ data statistika.

Madankollu, il-pajjiżi tal-UE huma liberi li jużaw sorsi oħra ta’ data biex jipproduċu l-istatistika nazzjonali tagħhom.

Data statistika

Għal kull perjodu referenzjarju ta’ xahar, il-pajjiżi tal-UE jipproduċu statistika relatata mal-kummerċ ta’ merkanzija barra mill-UE. Din l-istatistika tiġi espressa f’termini ta’ valur u ta’ kwantità, b’mod partikolari skont:

Kull sena, il-pajjiżi tal-UE jiġbru statistika dwar il-kummerċ barrani ta’ merkanzija u l-karatteristiċi tan-negozju, skont ir-Regolament (KE) Nru 177/2008, fir-rigward ta’:

  • l-attività ekonomika mwettqa mill-intrapriża, skont it-taqsima tal-klassifikazzjoni statistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fl-UE (NACE*);
  • l-għadd ta’ impjegati.

L-istatistika titħejja bl-użu ta’ data dwar il-karatteristiċi tan-negozju u data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

Kull sentejn, il-pajjiżi tal-UE jħejju statistika dwar il-kummerċ f’merkanzija importata jew esportata imqassma skont il-valuta tal-fattura. Din l-istatistika tinġabar permezz ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet minn dikjarazzjonijiet doganali. Jekk fuq id-dikjarazzjoni doganali ma jkunx hemm valuta tal-fattura disponibbli għall-esportazzjoni, għandu jsir stħarriġ biex tinġabar id-data meħtieġa.

F’każ li jkun hemm tali data disponibbli fuq id-dikjarazzjoni doganali l-pajjiżi tal-UE jistgħu jiġbru statistika addizzjonali għal skopijiet nazzjonali.

Skambju tad-data

Id-data minn rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet iddikjarati lill-awtoritajiet doganali għandha tintbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fi żmien xahar. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu ammont minimu ta’ data statistika.

Trażmissjoni ta’ statistika dwar il-kummerċ barrani lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat)

L-istatistika ta’ kull xahar dwar il-kummerċ barrani għandha tintbagħat lill-Eurostat fi żmien 40 jum wara t-tmiem ta’ kull xahar referenzjarju. Jekk l-istatistika tiġi riveduta, l-aġġornamenti għandhom jintbagħtu lill-Eurostat.

Evalwazzjoni tal-kwalità

L-istatistika li tintbagħat lill-Eurostat għandha tkun preċiża, aġġornata, rilevanti, ċara u aċċessibbli għall-utenti.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu lill-Eurostat b’rapport dwar il-kwalità tal-istatistika trażmessa sabiex il-Eurostat jivvaluta l-kwalità tagħhom.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

Dan ir-regolament huwa parti minn inizjattiva biex titjieb it-trasparenza tas-sistema tal-istatistika tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Merkanzija: il-proprjetà mobbli kollha, inkluża l-enerġija elettrika.
Territorju statistiku tal-UE: it-territorju doganali tal-UE kif definit fil-Kodiċi Doganali biż-żieda tal-gżira ta’ Helgoland fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Dikjarazzjoni doganali: id-dikjarazzjoni doganali kif definita fil-Kodiċi Doganali tal-UE.
NACE: l-akronimu ġej min-Nomenklatura Franċiża statistique des activités économiques dans la Communauté européenne. Mill-1970 ġew żviluppati bosta verżjonijiet.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU L 152, 16.6.2009, pp. 23-29)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 471/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, pp. 1-101)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 16.07.2018

Top