EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Xogħol b’tagħmir li għandu display screen

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 90/270/KEE dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi tas-sigurtà u tas-saħħa għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen* fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva fiha regoli li jissupplimentaw ir-regoli ġenerali li jinsabu fid-Direttiva 89/391/KEE dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ara s-sommarju).

Madankollu, ta’ min jinnota li din id-direttiva ma tapplikax għal:

  • kabini tas-sewwieqa jew kabini tal-kontroll għall-vetturi jew għall-makkinarju;
  • sistemi kompjuterizzati abbord mezz tat-trasport;
  • sistemi kompjuterizzati prinċipalment maħsuba għall-użu pubbliku;
  • sistemi portabbli, ħlief għall-użu fit-tul fi stazzjon tax-xogħol*;
  • kalkolaturi, cash registers u kwalunkwe tagħmir li jkollu display tal-informazzjoni jew tal-kejl żgħir meħtieġ għall-użu dirett tat-tagħmir;
  • typewriters ta’ disinn tradizzjonali magħrufin bħala “typewriters with window”.

Obbligi ta’ min iħaddem

  • Sabiex jiġu ssalvagwardjati s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, min iħaddem huwa obbligat li:
    • iwettaq analiżi tal-istazzjonijiet tax-xogħol sabiex jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tas-sigurtà u tas-saħħa, u jieħu miżuri xierqa biex jirrimedja għar-riskji misjuba u jġibhom f’konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva;
    • jinforma lill-ħaddiema dwar it-taħriġ u jipprovdi taħriġ dwar il-miżuri kollha konnessi mas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, u relatati mal-istazzjon tax-xogħol tagħhom.
  • Barra minn hekk, irid jippjana l-attivitajiet tal-ħaddiema b’tali mod li x-xogħol ta’ kuljum fuq it-tagħmir li għandu display screen jiġi interrott perjodikament permezz ta’ pawżi jew bidliet fl-attività.
  • Irid jipprovdi lill-ħaddiema b’taħriġ rigward l-użu tal-istazzjon tax-xogħol qabel ma jibdew dan it-tip ta’ xogħol, u kull meta jkun hemm bidla sostanzjali li ssir fl-organizzazzjoni tal-istazzjon tax-xogħol.

Protezzjoni tal-għajnejn u tal-vista tal-ħaddiema

  • Il-ħaddiema huma intitolati għal test tal-għajnejn u tal-vista qabel ma jibdew ix-xogħol tagħhom fuq display screen, u mill-ġdid f’intervalli regolari matul l-attivitajiet tagħhom u jekk jesperjenzaw diffikultajiet fil-vista.
  • Jekk ikun meħtieġ u jekk ma jkunx jista’ jintuża apparat korrettiv normali, il-ħaddiema jridu jiġu pprovduti b’tagħmir korrettiv speċjali xieraq għax-xogħol ikkonċernat, mingħajr ħlas.

Atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 10a tar-Regolament (UE) 2019/1243, sabiex tagħmel emendi strettament tekniċi għall-Anness, ħalli jittieħed kont tal-progress tekniku, l-iżviluppi fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet internazzjonali u l-għarfien fil-qasam tat-tagħmir li għandu display screen.

Rieżami tal-leġiżlazzjoni

Bħala parti mill-qafas strateġiku tagħha dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027, ippubblikat f’Ġunju 2021, il-Kummissjoni qed tippjana li tirrieżamina d-Direttiva 90/270/KEE fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni minn meta ġiet adottata għall-ewwel darba d-direttiva.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 90/270/KEE ilha tapplika mill-11 ta’ Ġunju 1990 u kellha ssir liġi (traspożizzjoni) fl-Istati Membri tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Tagħmir li għandu display screen. Display screen alfanumeriku jew grafiku, ikun xi jkun il-proċess ta’ display impjegat.
Stazzjon tax-xogħol. Assemblaġġ li jinkludi tagħmir li għandu display screen, li jista’ jiġi pprovdut b’tastiera jew b’apparat tal-input u/jew b’software li jiddetermina l-interfaċċja bejn l-operatur u l-makkinarju, aċċessorji fakoltattivi, tagħmir periferali li jinkludi drive tad-diskette, telefon, modem, printer, għodda li żżomm id-dokumenti, siġġu tax-xogħol u bank jew wiċċ tax-xogħol, u l-ambjent immedjat tal-post tax-xogħol.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad-29 ta’ Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà għax-xogħol b’tagħmir li għandu display screen (il-ħames Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 156, 21.6.1990, pp. 14–18).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 90/270/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 – is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel (COM(2021) 323 final, 28.6.2021).

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1–8).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 10.11.2021

Top