EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 89/656/KEE — rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali minn ħaddiema

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-valutazzjoni, għażla u użu tajjeb ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE)* fuq il-post tax-xogħol. Għandha tingħata prijorità lil miżuri ta’ sigurtà kollettivi.

PUNTI EWLENIN

Obbligi ta’ min iħaddem

Il-PPE għandu jikkonforma ma’ regoli tal-UE rilevanti dwar id-disinn u manifattura fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà (ara r-Regolament (UE) 2016/425 — L-iżgurar ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali sikur għall-utenti) u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-direttiva. Min iħaddem għandu jipprovdi t-tagħmir xieraq bla ħlas u għandu jiżgura li jkun f’kundizzjoni tajba u f’kundizzjoni iġjenika.

Valutazzjoni tal-PPE

Qabel ma jintgħażel PPE, min iħaddem għandu jivvaluta kemm dan jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-direttiva. Dan jinkludi analiżi ta’ riskji li ma jistgħux ikunu evitati b’mezzi oħrajn kif ukoll definizzjoni u tqabbil tal-karatteristiċi meħtieġa tat-tagħmir.

Regoli għall-użu

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintorduċu regoli ġenerali għall-użu ta’ PPE u/jew ikopru każijiet u sitwazzjonijiet fejn min iħaddem għandu jipprovdi tali tagħmir. Għandu jkun hemm konsultazzjoni minn qabel ma’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. L-annessi mad-direttiva fihom informazzjoni għat-tfassil ta’ dawn ir-regoli:

  • tabella ta’ stħarriġ ta’ kampjun tar-riskju (Anness I),
  • lista mhux eżawrjenti ta’ elementi ta’ PPE (Anness II),
  • lista mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet li jistgħu jkunu jeħtieġu l-provvista ta’ PPE (Anness III).

Informazzjoni tal-ħaddiema, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-ħaddiema għandhom ikunu informati bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu. Għandha ssir konsultazzjoni kif ukoll parteċipazzjoni dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-direttiva.

Kif meħtieġ mid-Direttiva 89/391/KEE, għandhom jiġu adottati aġġustamenti tekniċi fl-annessi mill-Kummissjoni Ewropea, li hija assistita minn kumitat li jinkludi rappreżentanti mill-pajjiżi tal-UE.

Rapport ta’ evalwazzjoni

Evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tad-direttiva ġie ppubblikat fl-2017.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-12 ta’ Diċembru 1989 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE): tagħmir iddisinjat u manifatturat biex jintlibes jew jinżamm minn persuna għall-protezzjoni kontra riskju wieħed jew aktar minn wieħed għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom. Numru ta’ elementi huma esklużi mid-definizzjoni, bħal tagħmir użat minn servizzi tal-emerġenza u salvataġġ, tagħmir ta’ difiża personali jew ta’ deterrent. Tali tagħmir għandu jintuża meta r-riskji eżistenti ma jistgħux ikunu limitati biżżejjed b’mezzi tekniċi ta’ protezzjoni kollettiva jew bi proċeduri ta’ organizzazzjoni tax-xogħol.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali minn ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet direttiva individwali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 393, 30.12.1989, pp. 18-28)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 89/656/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1-8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.11.2018

Top