EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2008/94/KE dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija għandha l-għan li tiggarantixxi l-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-impjegati jekk min iħaddimhom ikun fi stat ta’ insolvenza.
  • Hija teħtieġ lill-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija u tistabbilixxi proċeduri li japplikaw meta jsiru insolventi impjegaturi transkonfinali.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tipproteġi lill-impjegati li għandhom pretensjoni għal rimunerazzjoni mhux imħallsa kontra persuna li tħaddem fi stat ta’ insolvenza.

L-istat ta’ insolvenza jsegwi talba magħmula taħt proċeduri ġudizzjarji li jinvolvu l-iżvestiment parzjali jew totali tal-assi ta’ min iħaddem u l-ħatra ta’ likwidatur meta l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun:

  • iddeċidiet li tiftaħ proċedura; jew
  • stabbilixxiet li l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem ingħalqu b’mod definittiv u li l-assi disponibbli ma humiex suffiċjenti.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati jekk forom ta’ garanzija oħrajn joffrulhom protezzjoni ekwivalenti. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu s-servi domestiċi impjegati minn persuna fiżika.

Madankollu, apparti dawn l-eċċezzjonijiet, l-impjegati kollha jistgħu jibbenefikaw minn din id-direttiva irrispettivament mill-perijodu ta’ żmien tal-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ impjieg. B’hekk din tapplika għal impjegati part-time, kuntratti għal żmien fiss u kuntratti temporanji.

Istituzzjonijiet ta’ garanzija

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-ħlas tal-pretensjonijiet tal-impjegati u, fejn xieraq, il-ħlas tat-terminazzjoni ladarba jintemmu r-relazzjonijiet ta’ impjieg. Dawn jistgħu jistabbilixxu limiti fuq il-ħlas magħmul mill-istituzzjoni, li jridu jkunu għoljin biżżejjed sabiex jikkontribwixxu għall-għan soċjali tad-direttiva.

Il-perijodu minimu tar-rimunerazzjoni mill-istituzzjoni tal-garanzija jrid ikun ikkalkolat fuq il-bażi ta’:

  • perijodu ta’ referenza minimu ta’ sitt xhur, li jagħti lok għall-ħlas ta’ pretensjonijiet għal mill-inqas tliet xhur;
  • perijodu ta’ referenza minimu ta’ 18-il xahar, li jagħti lok għall-ħlas ta’ pretensjonijiet għal mill-inqas tmien ġimgħat. F’dan il-każ, għandhom jintużaw għall-kalkolu dawk il-perijodi li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat.

Min iħaddem irid jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ dawn l-istituzzjonijiet, sakemm dan ma jkunx kompletament kopert mill-awtoritajiet pubbliċi.

Sigurtà soċjali

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jistipulaw li l-garanzija tal-ħlas ma tapplikax għal:

  • kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;
  • kontribuzzjonijiet taħt skemi tal-pensjoni tal-kumpannija supplimentari jew fi ħdan il-kumpannija, lil hinn mill-iskemi ta’ sigurtà soċjali statutorji.

Barra minn hekk, jekk min iħaddem ma jkunx ħallas il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali iżda dawn ikunu tnaqqsu mir-rimunerazzjoni mħallsa, l-impjegati għandhom igawdu mill-intitolament għall-benefiċċju sħiħ tagħhom fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni.

L-interessi tal-impjegati huma protetti fir-rigward tal-benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari. Din il-protezzjoni tapplika wkoll għal impjegati li jkunu telqu min-negozju qabel seħħet l-insolvenza.

Sitwazzjonijiet transkonfinali

Jekk il-persuna li tħaddem li tkun saret insolventi kienet topera fit-territorji ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE, l-awtorità responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet hija dik fil-pajjiż fejn l-impjegat kien jaħdem normalment.

B’mod simili, il-limitu tad-drittijiet tal-impjegati fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija huwa ddeterminat mid-dritt nazzjonali li japplika għall-istituzzjoni ta’ garanzija.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-17 ta’ Novembru 2008. Id-Direttiva 2008/94/KE kkodifikat u ssostitwiet id-Direttiva 80/987/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha. Id-Direttiva 80/987/KEE oriġinali kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1983.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 36-42)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/94/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94/KE dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (COM(2011) 84 final, 28.2.2011)

l-aħħar aġġornament 27.11.2020

Top