EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iżgurar tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1220 dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-regolament finanzjarju tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Hija tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura għall-panel interistituzzjonali stabbilit bl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ara s-sommarju dwir-regolament finanzjarju).
  • Il-panel huwa l-punt ċentrali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jevalwa jekk il-parteċipanti u r-riċevituri u persuni u entitajiet oħra li japplikaw għal fondi tal-UE għandhomx jiġu esklużi mill-fondi tal-UE jew ikunu suġġetti għal penali finanzjarji, u jekk dawn is-sanzjonijiet għandhomx jiġu ppubblikati.
  • Filwaqt li jiżgura d-dritt li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jinstemgħu, jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq fatti u sejbiet minn diversi sorsi, inklużi investigazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) adottati mill-awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Huwa wkoll kompetenti (skont l-Artikolu 93 tar-regolament finanzjarju) li joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar irregolaritajiet finanzjarji li jirriżultaw minn att jew ommissjoni ta’ membru tal-persunal tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-Kummissjoni Ewropea taħtar President indipendenti ta’ livell għoli tal-bord għal terminu ta’ 5 snin li ma jiġġeddidx. Il-persuna għandha tkun eks-membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew tal-Qorti tal-Awdituri, jew eks-Direttur-Ġenerali ta’ Istituzzjoni tal-UE għajr il-Kummissjoni. Il-President huwa sostitut minn Viċi President.

Il-President:

  • jirrappreżenta l-bord, jippresjedi u jippjana l-laqgħat tiegħu u jorganizza l-ħidma tiegħu;
  • huwa assistit minn segretarjat permanenti;
  • ilaqqa’ l-bord meta jintalab jagħti rakkomandazzjoni dwar każ.

Il-President jiġi sostitu minn Viċi President li jinħatar taħt l-istess kundizzjonijiet u jissostitwixxi lill-President f’każ li ma jkunx jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu/tagħha.

Il-panel jinkludi wkoll:

  • żewġ membri permanenti: id-direttur tas-servizz finanzjarju ċentrali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u persuna oħra maħtura mid-Direttur Ġenerali għall-Baġit;
  • l-uffiċjal awtorizzanti mitlub;
  • osservaturi fosthom:
    • is-servizz legali tal-Kummissjoni li jattendi għal-laqgħat kollha tal-panel;
    • mill-OLAF u/jew l-UPPE, fejn il-każ jikkonċerna informazzjoni li pprovdew;
    • uffiċjali tal-awtorizzazzjoni skont liema istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE l-każ ikun jikkonċerna;
    • osservaturi oħra mistiedna mill-President.

Is-segretarjat permanenti huwa taħt l-awtorità tal-President u:

  • għandu persunal ta’ uffiċjali mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit;
  • jorganizza l-ħidma tal-bord;
  • ifassal dokumenti għall-panel;
  • jivverifika d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni sottomessa;
  • jidentifika individwi li huma potenzjalment involuti f’każ;
  • iżomm reġistru tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-panel;

Kull membru tal-panel jew tas-segretarjat li jqis li jista’ jkollu kunflitt ta’ interess f’każ ma jipparteċipax fil-proċedimenti.

Parteċipazzjoni tal-OLAF:

  • L-OLAF jikkoopera mill-qrib mal-panel biex jiġu rrispettati d-drittijiet proċedurali u dawk fundamentali u biex jiġu protetti l-informaturi;
  • L-OLAF jiġi kkonsultat qabel mal-bord jinnotifika persuna jew entità kkonċernata, fejn każ ikun ibbażat fuq informazzjoni trażmessa mill-OLAF — dan isir biex jiġi evitat li ssir ħsara lill-kunfidenzjalità tal-proċeduri legali jew investigazzjonijiet li għadhom għaddejin.

Parteċipazzjoni tal-UPPE:

  • L-UPPE jikkoopera mal-panel skont l-arranġamenti għall-kooperazzjoni stipulati fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 103(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939;
  • L-UPPE jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-Panel fejn it-talba tal-awtorità tar-rinviju hija bbażata, kollha kemm hi jew parzjalment, fuq informazzjoni trażmessa mill-UPPE.

Riferiment ta’ każijiet lill-panel. Kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni f’istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-UE:

  • jista’ jirreferi każ lill-bord għar-rakkomandazzjoni tiegħu, billi juża indirizz tal-email kunfidenzjali;
  • għandu jinforma lill-panel hekk kif isir jaf b’xi informazzjoni li tista’ teskludi persuna jew entità minn fondi tal-UE;
  • jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja li jkun skopra.

Dritt li jinstema’. L-operaturi ekonomiċi*:

  • jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-każ, ħlief meta jkun hemm raġunijiet leġittimi konvinċenti biex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew ta’ proċedimenti ġudizzjarji;
  • jirċievu ittra u dokumentazzjoni li jippreżentaw il-fatti tal-każ;
  • jibagħtu l-kummenti tagħhom permezz ta’ email, ta’ mhux aktar minn 10 paġni u fi żmien 3 ġimgħat (dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu aktar flessibbli f’każijiet kumplessi).

Il-panel:

  • jagħmel ħiltu biex jilħaq kunsens meta jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar każ li jinvolvi persuna jew entità;
  • jiddeċiedi b’vot ta’ maġġoranza fin-nuqqas ta’ kunsens, b’vot wieħed għall-President, vot wieħed bejn iż-żewġ membri permanenti (vot maqsum) u vot wieħed għall-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni involut;
  • jinnotifika r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-osservaturi u lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-aġenzija li tkun irreferiet il-każ;
  • jagħmel rakkomandazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi każ sakemm il-President ma jiddeċidix li jestendi dan it-terminu, speċjalment sabiex jiżgura d-dritt ta’ smigħ tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati;
  • il-membri, il-persunal tas-segretarjat u l-persuna kollha l-oħra involuti fil-proċedimenti u fit-tħejjija tagħhom għandhom jirrispettaw l-aktar kunfidenzjalità stretta.

Membri tal-persunal tal-UE. Il-panel:

  • jista’ jagħti opinjoni dwar jekk membru tal-persunal tal-UE wettaqx irregolarità finanzjarja;
  • f’ċirkostanzi bħal dawn, jinkludi tliet membri addizzjonali (wieħed mill-korp dixxiplinarju tal-istituzzjoni kkonċernata, wieħed mill-kumitat tal-persunal tagħha, u wieħed mis-servizz legali tagħha);

Il-proċedura kontradittorja ssir mill-awtorità tar-rinviju qabel il-każ jiġi eżaminat mill-bord.

Id-deċiżjoni tħassar iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2011) 6109 final u (UE) 2015/2463 li kienu stabbilixxew regoli ta’ proċedura għal bordijiet preċedenti.

Id-deċiżjoni ġiet emendata fit-3 ta’ Lulju 2021 bid-Deċiżjoni (UE) 2021/1081, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-panel u biex tinkludi s-semmija tal-arranġamenti bejn l-UPPE u l-Kummissjoni.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Dan ilu japplika mit-2 ta’ Awwissu 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Operatur Ekonomiku: persuna, entità, negozju jew organizzazzjoni oħra li tipprovdi merkanzija, xogħlijiet jew servizzi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220 tas-6 ta’ Settembru 2018 dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 7.9.2018, pp. 7-16)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.07.2021

Top