EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Programm Copernicus (2014-2020): l-osservazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjaneta

Din il-liġi tal-Unjoni Ewropea (UE) tistabbilixxi l-programm Copernicus, programm ċivili indirizzat għall-utent li jibni fuq il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja preċedenti, GMES (Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà), kif ukoll fuq kapaċitajiet nazzjonali u Ewropej eżistenti relatati.

ATT

Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010.

SOMMARJU

Copernicus huwa programm tal-UE li għandu l-għan li jiżviluppa Servizzi ta’ Informazzjoni Ewropej abbażi tal-Osservazzjoni tad-Dinja bis-satellita u analiżi tad-dejta in situ (mhux fl-ispazju). Din l-inizjattiva hija mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea bi sħubija mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

Permezz tal-iżvilupp ta’ industrija Ewropea kompetittiva tal-ispazju u s-servizzi, Copernicus għandu l-għan li jiżviluppa sistemi u servizzi innovattivi ta’ osservazzjoni tad-dinja u li jiżgura l-aċċess awtonomu tal-Ewropa għall-għarfien ambjentali u t-teknoloġiji ewlenin ta’ osservazzjoni u tal-ġbir tal-ġeoinformazzjoni. Is-servizzi ta’ informazzjoni pprovduti se jkunu aċċessibbli bla ħlas u pubblikament għall-utenti.

Copernicus jinkludi tliet komponenti:

1.

Komponent ta’ servizzi : is-sistema Copernicus tipprovdi dejta u informazzjoni standardizzati lill-utenti tagħha, fornuti fuq terminu twil u fuq bażi sostenibbli permezz ta’ sett ta’ servizzi, li huwa pprovdut minn kumpaniji jew entitajiet pubbliċi ffinanzjati mill-Kummissjoni. L-informazzjoni tista’ tintuża mill-utenti finali għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet f'varjetà ta’ oqsma bħall-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tan-natura, l-ippjanar reġjonali u lokali, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, is-saħħa, il-protezzjoni ċivili, l-infrastruttura, it-trasport u t-turiżmu.

2.

Komponent spazjali : dan jiżgura osservazzjonijiet sostenibbli bbażati fl-ispazju għall-komponenti ta’ servizzi. L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) tikkoordina dan il-komponent u topera missjonijiet iddedikati, u l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) għandha tibda topera missjonijiet iddedikati.

3.

Komponentin situ : Copernicus jiġbor informazzjoni minn sistemi in situ bħal stazzjonijiet fuq l-art, li jibagħtu d-dejta miksuba minn għadd kbir ta’ sensuri fuq l-art, fil-baħar jew fl-arja. Din id-dejta tasal minn organizzazzjonijiet Ewropej u mhux Ewropej u mill-pajjiżi tal-UE.

Utenti

L-utenti ewlenin huma dawk li jfasslu l-politika u awtoritajiet pubbliċi li jużaw l-informazzjoni bħala bażi biex jiżviluppaw politiki u leġiżlazzjoni, bħal fil-qasam ambjentali jew tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ diżastru naturali jew kriżi umanitarja. Utenti oħrajn jinkludu utenti kummerċjali u privati, is-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka, u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ.

L-użu tad-dejta ta’ Copernicus

Id-dejta u l-informazzjoni ta’ Copernicus huma disponibbli fuq bażi sħiħa, miftuħa u mingħajr ħlas, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet. Dan isir biex jippromwovi l-użu u l-kondiviżjoni tagħhom, kif ukoll biex tingħata spinta lis-swieq Ewropej tal-osservazzjoni tad-dinja, b'mod partikolari l-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti ta' valur miżjud. Tali servizzi downstream jistgħu jkunu disponibbli mingħajr ħlas jew le, skont il-mudell tan-negozju tal-fornitur.

Baġit u programm ta’ ħidma

Hemm disponibbli baġit ta’ EUR 4.3 miljun (fi prezzijiet attwali) għall-iżvilupp tat-tliet komponenti matul il-perjodu 2014-2020.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Regolament (UE) Nru 377/2014

1.1.2014

31.12.2017

ĠU L 122 tal-24.4.2014

l-aħħar aġġornament 28.07.2014

Top