EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tilwim legali transkonfinali — regoli ġodda mill-2017 taħt il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) 2015/2421 li jistabbilixxi proċedura Ewropea għal talbiet żgħar u proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

  • Huwa jissimplifika u jswessa’ l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar (ESCP).
  • Huwa jagħmel il-proċedura disponibbli f’aktar każijiet, inaqqas it-tariffi tal-qorti u jippromwovi l-użu ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħall-vidjokonferenzjar, u forom ta’ ħlas mill-bogħod.

PUNTI EWLENIN

Ambitu

  • L-ESCP tista’ tintuża għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, fi kwalunkwe qorti jew tribunal u meta jkun involut aktar minn pajjiż wieħed tal-UE. Il-valur massimu ta’ kwalunkwe talba huwa ta' €5,000.
  • Il-possibilità ta' żieda kemm fl-ambitu tat-talbiet (eż. l-inklużjoni ta' remunerazzjoni) u fil-valur massimu ta’ talba tkun eżaminata waqt l-ewwel 5 snin tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda.

Seduti

  • Il-proċedura hija maħsuba li tkun proċedura bil-miktub. Seduti orali jsiru biss meta ma jkunx possibbli li tingħata sentenza bbażata fuq evidenza bil-miktub jew fejn qorti jew tribunal jaqbel fuq talba ta' parti.
  • Parti msejħa biex tattendi seduta orali tista’ titlob l-użu tat-teknoloġija ta’ vidjokonferenzjar fejn dawn il-faċilitajiet huma disponibbli u fejn l-attendenza personali hija għalja b’mod sproporzjonali għat-talba.

Formoli

  • Il-formola standard tat-talba għandha tkun disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha fejn tista’ titnieda l-ESCP, kif ukoll permezz ta’ websajts nazzjonali.
  • Dokumenti u sentenzi pprovduti mill-qorti għandhom jintbagħtu bil-posta jew permezz ta’ mezzi elettroniċi (fejn dan is-servizz huwa disponibbli) u fejn il-parti li għandha tiġi nnotifikata tkun tat il-kunsens tagħha.
  • Biex tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni, meta qorti għandha toħroġ ċertifikat għall-infurzar ta' sentenza mogħtija jew soluzzjoni bil-qorti f'lingwa differenti minn tagħha, għandha tuża l-formola standard għaċ-ċertifikat bil-lingwa relevanti.

Assistenza

Il-partijiet huma intitolati jirċievu assistenza prattika fil-mili tal-formoli kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-ESCP u l-qorti kompetenti. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bla ħlas.

Tariffi u pagamenti tal-qorti

  • Tariffi tal-qorti m’għandhomx ikunu sproporzjonati u m’għandhomx jaqbżu dawk għall-proċeduri ekwivalenti tal-qorti nazzjonali simplifikati.
  • Pajjiżi tal-UE għandhom jiżgurarw li l-miżati tal-qorti jistgħu jitħallsu permezz ta’ mill-inqas metodu wieħed ta’ pagament mill-bogħod, bħal:
    • trasferiment bankarju;
    • karta ta' kreditu jew ta' debitu;
    • debitu dirett mill-kont bankarju tar-rikorrent.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-14 ta’ Lulju 2017, minbarra għall-punt (16) tal-Artikolu 1, li jemenda l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007. Dan ikopri informazzjoni li għandha tingħata lill-Kummissjoni Ewropea mill-pajjiżi tal-UE, u japplika mill-14 ta’ Jannar 2017).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, pp. 1–13)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, pp. 1–22)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 861/2007 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 25.10.2016

Top