Help Print this page 
Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI li jikkonċerna l-Istraġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju

/* COM/2014/0357 final */
Multilingual display
Text

52014DC0357

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI li jikkonċerna l-Istraġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju /* COM/2014/0357 final */


Werrej

1............ Introduzzjoni 3

2............ L-isfidi u l-opportunitajiet. 4

2.1......... Sfidi 4

2.2......... L-opportunitajiet. 5

3............ Rispons: Pjan ta’ Azzjoni 6

3.1......... Tkabbir Blu. 7

3.2......... Nikkolegaw ir-Reġjun. 8

3.3......... Kwalità ambjentali 9

3.4......... Turiżmu sostenibbli 10

4............ Tmexxija u implimentazzjoni 10

5............ Rabtiet ma' politiki tal-UE.. 12

6............ Rabtiet usa’ 12

7............ Konklużjoni 13

Anness Mappa ta' strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju. 14

1. Introduzzjoni

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-ħtiġijiet u l-potenzjal għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fir-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju. Hija tipprovdi qafas għal strateġija makroreġjonali koerenti u Pjan ta’ Azzjoni, sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u l-opportunitajiet, permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti.

Ir-Reġjun huwa żona funzjonali primarjament definita mill-baċir tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Jonju. Filwaqt li jkopri wkoll l-erja tas-superfiċje terrestri importanti, jittratta ż-żoni tal-baħar, tal-kosta u dawk terrestri bħala sistemi interkonnessi. B'intensifikazzjoni fil-movimenti ta’ merkanzija, servizzi u persuni minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE u bil-prospett ta’ adeżjoni mal-UE għal pajjiżi oħra fir-reġjun, l-artijiet interni tal-portijiet għandhom rwol prominenti. L-attenzjoni ta’ konnessjonijiet bejn l-art u l-baħar tenfasizza wkoll attivitajiet fuq l-art b'impatti mhux sostenibbli fuq iż-żoni kostali u l-ekosistemi tal-baħar.

Ir-Reġjun fejn jgħixu aktar minn 70 miljun persuna, għandu rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kontinwità ġeografika fl-Ewropa. L-istrateġija tibni fuq l-Inizjattiva Adrijatiku-Jonju[1], li tirrigwarda tmien pajjiżi. Il-mappa tinsab mehmuża. L-Istrateġija tibqa' miftuħa għal imsieħba oħrajn fir-Reġjun.

Il-prosperità, permezz tal-kummerċ u l-intrapriża, se tippermetti lir-Reġjun biex itemm darba għal dejjem il-kriżi ekonomika. Il-popli tar-reġjun jistħoqqilhom prospetti mtejba ta’ impjieg, mobilità aħjar, provvisti tal-enerġija b'aktar sigurtà u integrati, u titjib fil-kwalità ambjentali.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2012 talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Adrijatiku u tal-Jonju (EUSAIR) sa tmiem l-2014. L-għan ġenerali ta’ din l-Istrateġija huwa li tippromwovi l-prosperità ekonomika u soċjali sostenibbli fir-reġjun permezz tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi, u billi ttejjeb l-attrattività, il-kompetittività u l-konnettività tar-reġjun, filwaqt li tħares l-ambjent u tiżgura ekosistemi tal-baħar u tal-kosta sani u bilanċjati. Dan se jinkiseb permezz ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi bi storja u ġeografija ferm komuni. Billi ssaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ politiki eżistenti tal-UE fir-reġjun, l-Istrateġija ġġib magħha valur miżjud ċar għall-UE, filwaqt li toffri opportunità tad-deheb lill-pajjiżi parteċipanti kollha li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-viżjoni globali tal-UE-2020. B’hekk hija se tikkontribwixxi wkoll biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jitqarrbu lejn l-UE billi toffrilhom opportunitajiet biex jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet speċifiċi għar-Reġjun.

L-Istrateġija tibbenefika minn:

- esperjenza ta' aktar minn għaxar snin ta’ Inizjattiva intergovernattiva Adrijatika-Jonju . Kooperazzjoni ta’ suċċess diġà ħolqot rabtiet b’saħħithom bejn il-pajjiżi parteċipanti, u rriżultat f'kooperazzjoni reġjonali bejn il-bliet, kmamar tal-kummerċ u universitajiet;

- l-Istrateġija Marittima tal-Ibħra Adrijatiku-Jonju, adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2012[2], li tindirizza l-opportunitajiet ta’ tkabbir blu tal-baċir tal-baħar;

- iż-żmien koinċidentali li fih ġiet imnedija u l-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Din tippermetti li tiġi sistematikament integrata fi programmi nazzjonali u reġjonali tal-UE, u biex timmobilizza l-politiki kollha u l-programmi li jappoġġaw l-approċċ;

- il-lezzjonijiet li l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti[3], jiġifieri l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. It-tagħlimiet jippuntaw, pereżempju, lejn il-ħtieġa li jsir fokus fuq in-numru limitat ta’ sfidi komuni u/jew opportunitajiet, u biex tiġi żgurata s-sjieda, l-impenn u t-tmexxija mill-pajjiżi parteċipanti. Huma jsemmu wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva.

2. L-isfidi u l-opportunitajiet

2.1 Sfidi

Ir-reġjun Adrijatiku-Jonju qed jiffaċċja sensiela ta’ sfidi komuni. Storikament, parti sostanzjali kienet affettwata minn ċirkostanzi politiċi u ekonomiċi diffiċli kif ukoll minn kunflitt. Madankollu, l-adeżjoni tas-Slovenja u l-Kroazja, u l-perspettiva tal-UE ta’ pajjiżi oħra, jipprovdu opportunità biex jissaħħu r-rabtiet u biex jingħeleb il-wirt tal-passat. Sfidi prinċipali huma: 

− Inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi: Kemm fit-termini ta’ PDG għal kull ras kif ukoll fir-rati tal-qgħad, hemm kuntrasti qawwija bejn il-pajjiżi. Filwaqt li ċerti reġjuni għandhom PDG per capita 20% ogħla mill-medja tal-UE u rata ta’ qgħad ta’ 4%, oħrajn għandhom PDG per capita li huwa 70% taħt din il-medja, u rata ta’ qgħad ta’ 30%. Minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità, in-negozji ma jisfruttawx biżżejjed id-dimensjoni transnazzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-innovazzjoni jew ir-riċerka, b’mod partikolari fl-ekonomija Blu. Gruppi li jinvolvu n-negozji, r-riċerka u s-settur pubbliku huma skarsi;

− Trasport: Ir-Reġjun għandu defiċits sinifikanti fl-infrastruttura, speċjalment bejn Stati Membri tal-UE li ilhom stabbiliti u pajjiżi oħra, li tirriżulta f'diffikultà ta' aċċessibbiltà. In-netwerk tat-triq u l-baħar tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari teħtieġ riabilitazzjoni urġenti, it-tneħħija ta' punti fejn jinġabar it-traffiku u nuqqas ta' konnessjonijiet, konnessjonijiet intermodali, sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku u aġġornament tal-kapaċità. Il-konġestjoni tat-traffiku marittimu qiegħda tiżdied, filwaqt li l-kapaċità ta' sorveljanza u koordinazzjoni jeħtieġ tiġi aġġornata. Il-ħinijiet u proċeduri ta’ stennija eċċessivi fil-fruntieri aktar ifixklu l-moviment. It-trasport multimodali ftit li xejn huwa żviluppat;

 

− L-Enerġija: L-interkonnessjoni ta’ netwerks tal-elettriku għadu inadegwat, li tipprevjeni l-iżvilupp ta’ suq integrat tal-enerġija, tillimita l-kapaċità ta’ profitt u xxekkel l-isfruttar bi profitt ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-investimenti f’netwerks tal-gass, inklużi l-faċilitajiet tal-LNG (gass naturali likwifikat), huma essenzjali biex tiġi żgurata provvista effiċjenti u diversifikata;

− L-ambjent: Użu akbar mill-bnedmin tal-ispazju tal-baħar u kostali jhedded l-ekosistemi. Attivitajiet turistiċi mhux sostenibbli jitfgħu pressjoni fuq l-ilma, l-art u l-bijodiversità. Minħabba n-natura tiegħu li hu baxx u nofsu magħluq[4] il-Baħar Adrijatiku huwa vulnerabbli għat-tniġġis. Sajd żejjed, tagħmir tas-sajd mormi, u akkwakultura li mhix ekoloġikament tajba jheddu l-bijodiversità tal-baħar, kif ukoll is-saħħa tal-bniedem. L-ilma mormi mhux trattat u skart solidu minn sorsi bbażati fuq l-art, fertilizzant li jċarċar minn attivitajiet agrikoli li jikkawżaw l-ewtrofikazzjoni, speċijiet invażivi mill-ilmijiet tas-saborra, u t-tniġġis mill-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass jiddeterjoraw aktar is-sitwazzjoni. Il-kwalità tal-arja, li ħafna drabi hija aggravata minħabba kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi lokali, hija milquta mill-emissjonijiet mit-trasport marittimu u l-attivitajiet li jsiru fuq l-art (portijiet, l-industrija). Il-kaċċa illegali tal-għasafar migratorji għandha impatti għall-UE kollha kemm hi. Netwerks ta’ żoni protetti, bħal NATURA 2000 u Emerald, għadhom mhumiex lesti;

− Il-perikli naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u r-riskji li ġġib magħha l-bidla fil-klima: Barra minn attività sismika maġġuri, ir-Reġjun huwa espost u vulnerabbli għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima. Nuqqas ta’ valutazzjoni komuni tar-riskju, nuqqas ta' ġestjoni tar-riskju, u ta’ strateġiji ta’ mitigazzjoni u adattament integrati huwa sfida kbira. B’livelli żbilanċjati ta’ esperjenza, riżorsi u għarfien, il-pajjiżi ma jistgħux ikampaw waħedhom b’livelli tal-ilma li qegħdin dejjem jogħlew, għargħar, nixfa, l-erożjoni tal-ħamrija u n-nirien tal-foresti;

− Kwistjonijiet amministrattivi u istituzzjonali: Kapaċitajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għandhom jissaħħu biex jiġi żgurat li l-istrutturi huma tajbin għal ħidma mal-kontropartijiet transkonfinali, kif ukoll għal koordinazzjoni ta’ politika trażversali. Meta jallinjaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE u jkollhom aċċess għal strumenti finanzjarji, il-pajjiżi jirriskjaw li jaħdmu b'ritmi differenti, u b’hekk ixekklu l-implimentazzjoni ta’ strateġija makroreġjonali. Jeżistu wkoll problemi fir-rigward ta’ korruzzjoni, li ddgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku u l-iżvilupp. Il-pressjoni tal-migrazzjoni u l-kriminalità transkonfinali organizzata jitolbu  politiki ta’ sigurtà koordinata fil-fruntieri.

2.2 L-opportunitajiet

Ir-reġjun joffri wkoll ħafna opportunitajiet, b’ħafna potenzjal għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv:

− L-Ekonomija Blu tista’ tkun ta’ kontribut kbir għat-tkabbir. Din tvarja mill-iżviluppa ta' teknoloġiji blu għall-produzzjoni tal-frott tal-baħar u l-konsum sostenibbli. Hija tinkludi swieq speċjalizzati, pereżempju, attivitajiet ta' divertiment u rikreazzjoni u kruċieri fuq skala żgħira. L-innovazzjoni tista' tgħin biex is-settur vulnerabbli tal-bini tal-bastimenti jaqleb għal bastimenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet u li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija[5], u biex jikkoopera ma’ setturi relatati, inkluż it-tagħmir marittimu u r-robotika;

− Il-konnettività: Ir-reġjun jinsab f’salib it-toroq Ewropej ewlenin. Il-baċir tal-baħar Adrijatiku-Jonju huwa passaġġ tal-ilma naturali li jippenetra fil-fond tal-UE. Dan jipprovdi l-orħos rotta tal-baħar mill-Lvant Imbiegħed bir-rotta tas-Suez, u b'hekk id-distanza ta’ vjaġġar għas-swieq tal-Ewropa Ċentrali hija 3,000 km iqsar milli bir-rotta tal-portijiet tat-tramuntana. Hemm potenzjal għal titjib fil-konnettività bejn l-art u l-baħar u trasport intermodali, biex tiżdied il-kompetittività tal-ekonomiji li mhumiex mal-kosta;

− Wirt kulturali u naturali u l-bijodiversità: Flimkien mas-sbuħija naturali straordinarja, il-wirt kulturali, storiku u arkeoloġiku tar-reġjun huwa wieħed mill-assi maġġuri. Huwa jinkludi bliet ta' fama internazzjonali (Venezja, Dubrovnik, Mostar, Ateni) u siti naturali (il-lagi ta' Plitvice u Skadar). Huwa għandu wkoll bijodiversità kbira: huwa rikk fil-flora, l-aktar l-eko-reġjun ta' Dinardi Ark;

− It-turiżmu: It-turiżmu diġà qed jikber b’rata mgħaġġla, u huwa kontributur ewlieni għall-PGD, u jista' jibbenefika aktar minn kooperazzjoni akbar u sostenibbli biex il-pajjiżi tar-reġjun jespandu s-suq u l-istaġun tagħhom. Ir-Reġjun jista’ jkun ta' eżempju għal prodotti u servizzi tat-turiżmu sostenibbli, responsabbli u diversifikati. L-opportunitajiet kummerċjali eżistenti jistgħu jiġu sfruttati aktar b’mod dinamiku, eż. permezz ta’ kruċieri li jibbenefikaw lill-ekonomiji lokali, u permezz ta’ sajd rikreattiv. Il-ġestjoni tat-turiżmu sostenibbli tista' tnaqqas il-burokrazija żejda, toħloq ambjent tan-negozju/klima għall-SMEs aħjar, tistabbilixxi standards, regoli u statistika komuni, u tippromwovi sħubiji pubbliċi-privati.

3. Rispons: Pjan ta’ Azzjoni

Fir-rapport tagħha[6] dwar il-valur miżjud ta’ strateġiji makroreġjonali, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-istrateġiji makroreġjonali ġodda jiġu kkonċentrati fuq għadd limitat ta’ għanijiet definiti tajjeb, li jqabblu bżonnijiet partikolari ma' kooperazzjoni mtejba u ta’ livell għoli. Bl-użu tal-approċċ minn isfel għal fuq, kienu għalhekk imwettqa konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati biex jiġu identifikati objettivi ċari speċifiċi għar-reġjun.

Pjan ta’ Azzjoni[7] rikorrenti, li jakkumpanja l-Istrateġija u l-espansjoni tad-dimensjoni marittima biex tinkludi l-art interna, se jiġi implimentat għal dan l-għan. Strutturat madwar erba’ pilastri interdipendenti ta’ rilevanza strateġika, huwa jippreżenta lista ta’ azzjonijiet possibbli, indikattivi. Dawn il-pilastri huma:

Tkabbir Blu Nikkolegaw ir-Reġjun (trasport u netwerks tal-enerġija) Kwalità ambjentali Turiżmu sostenibbli

Żewġ aspetti trasversali ġew identifikati wkoll:

- bini tal-kapaċitajiet, inkluż il-komunikazzjoni, għall-implimentazzjoni effiċjenti u biex titqajjem kuxjenza u appoġġ;

- ir-riċerka u l-innovazzjoni biex tingħata spinta lill-impjegar ta’ ħiliet għoljin, it-tkabbir u l-kompetittività. Kooperazzjoni fi ħdan netwerks transnazzjonali jistgħu jġibu ideat għas-swieq, u jgħinu biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda.

Barra minn hekk, il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri huma prinċipji orizzontali għall-erba’ pilastri.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni identifika wkoll, fi ħdan kull pilastru, numru limitat ta’ suġġetti għall-pjan ta’ azzjoni bħal dawk li jeħtieġu attenzjoni urġenti filwaqt li jiksbu l-aktar mill-azzjoni konġunta. Dawn is-suġġetti huma rilevanti wkoll għall-politika tal-UE u, b’mod partikolari, dawk b’dimensjoni territorjali. Is-suġġetti magħżula taħt kull pilastru huma ppreżentati hawn taħt.

3.1. Tkabbir Blu

L-għan ta’ dan il-pilastru, koordinat mill-Greċja u l-Montenegro[8], huwa li jmexxi tkabbir marittimu innovattiv fir-Reġjun bil-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli u ta’ impjiegi u opportunitajiet kummerċjali fl-ekonomija Blu, inkluż is-sajd u l-akkwakultura. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġu promossi gruppi li jinvolvu ċentri ta' riċerka, aġenziji pubbliċi u kumpaniji privati. Il-ġestjoni tas-sajd koordinat se ttejjeb il-ġbir, il-monitoraġġ u l-kontroll tad-dejta. Sforzi ta' pjanar konġunt u żieda fil-kapaċità amministrattiva u ta' kooperazzjoni se ttejjeb l-użu tar-riżorsi eżistenti u l-governanza marittima fil-livell tal-baċir tal-baħar.

Teknoloġiji Blu Biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi li jirrikjedu livell għoli ta’ ħiliet, billi jsir fokus fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ raggruppamenti u t-trasferiment tal-għarfien relatat ma’ teknoloġiji blu speċifiċi għar-reġjun, u marbuta ma’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali u nazzjonali (eż. bini ta' bastimenti ekoloġiċi, jottijiet, bijoteknoloġiji, ir-robotika taħt l-ilma). Is-sajd u l-akkwakultura Biex titjieb il-profittabbiltà tas-sajd u tal-akkwakultura u s-sostenibbiltà billi jitjieb il-ġbir tad-dejta, il-monitoraġġ u l-kontroll, l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali għas-sajd fil-livell tal-baċir tal-baħar, l-armonizzazzjoni tal-istandards, it-titjib tal-ħiliet u l-kapaċità ta' konformità mar-regoli u l-istandards tal-UE u żieda fil-valur miżjud ta’ katini ta’ valur tal-frott tal-baħar lokali, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka speċjali u pjattaformi ta’ innovazzjoni, żvilupp konġunt ta’ informazzjoni dwar is-suq u kummerċjalizzazzjoni u proċessar aktar trasparenti. Governanza u servizzi marittimi u tal-baħar Biex jitjiebu l-kapaċitajiet amministrattivi u istituzzjonali, servizzi marittimi u governanza aħjar, inkluż il-qsim tad-dejta, l-ippjanar konġunt u l-ġestjoni kkoordinata tar-riżorsi eżistenti (eż. l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta).

Eżempji ta’ miri sal-2020 jistgħu jinkludu:

· żieda ta' 20% — kif imqabbel mas-sitwazzjoni ta’ xenarju bażi — fl-investiment u fir-riċerka f’teknoloġiji blu;

· Pjanijiet ta’ ġestjoni multiannwali għas-sajd biex jiġu adottati u implimentati fil-livell tal-baċir tal-baħar;

· 100% tal-ilma taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ippjanar Spazjali Marittimu u 100% tal-linji kostali koperti mill-Ġestjoni Kostali Integrata, u l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tagħhom kompletament fis-seħħ.

3.2. Nikkolegaw ir-Reġjun

L-għan ta’ dan il-pilastru, ikkoordinat mill-Italja u s-Serbja[9], huwa li jtejjeb il-konnettività tat-trasport u tal-enerġija fir-Reġjun u mal-bqija tal-Ewropa. Netwerks tat-trasport u l-enerġija inter-relatati u sostenibbli huma meħtieġa biex jiġi żviluppat ir-reġjun. Il-kooperazzjoni hija meħtieġa biex titnaqqas il-konġestjoni, u tiżviluppa netwerks tal-infrastruttura u oqfsa regolatorji. Monitoraġġ koordinat tat-traffiku marittimu u trasport multimodali se jżidu l-kompetittività.

Trasport marittimu Traffiku marittimu sikur jiddependi fuq sistemi ta’ sorveljanza armonizzati u l-ħolqien ta’ portijiet intermodali moderni, li jaħdmu fi gruppi. Il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi u l-portijiet hija meħtieġa sabiex tittejjeb il-ġestjoni tat-traffiku fid-dawl tal-konġestjoni u biex ikun hemm kompetizzjoni globali, speċjalment ma’ portijiet fl-Ewropa ta’ Fuq. Konnessjonijiet intermodali għaż-żoni interni tal-pajjiż Biex jiżdied l-appoġġ fit-trasport marittimu tal-merkanzija, il-konnessjonijiet intermodali taż-żoni interni jridu jiġu aġġornati. L-iżvilupp ta’ konġunzjonijiet u ċentri li jikkombinaw toroq, trasport bl-ajru, bil-baħar u passaġġi interni tal-ilma għandhom jibnu fuq skemi ta’ trasport sostenibbli lokali u reġjonali marbuta ma’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja. Miżuri konġunti, kemm dawk fiżiċi kif ukoll dawk mhux fiżiċi, għandhom inaqqsu l-ostakoli fil-fruntieri. In-netwerks tal-enerġija It-tliet għanijiet ta' politika tal-UE – il-kompetittività, is-sigurtà tal-fornimenti u s-sostenibbiltà – jinkisbu permezz ta' suq tal-enerġija konness tajjeb.  L-investimenti huma meħtieġa biex jiġu konnessi l-grids tal-elettriku u jitlestew in-netwerks tal-gass. Miżuri regolatorji se jiġu infurzati biex jitneħħew l-ostakli għal investiment transkonfinali. ||

Eżempji ta’ miri sal-2020 jistgħu jinkludu:

· Li jirdoppja s-sehem tas-suq attwali tal-Adrijatiku-Jonju tat-traffiku tal-kontejners, filwaqt li jiġu limitati l-impatti ambjentali;

· Jitnaqqas il-ħin tal-qsim tal-fruntieri reġjonali b’50 %.

3.3. Kwalità ambjentali

L-għan ta’ dan il-pilastru, ikkoordinat mis-Slovenja u l-Bożnja Ħerżegovina[10], huwa li tiġi indirizzata l-kwalità ambjentali permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell tar-Reġjun. Huma se jikkontribwixxu għal status ambjentali tajjeb tal-ekosistemi kostali u tal-baħar, biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar, jillimitaw, inaqqsu u jikkumpensaw l-issiġillar tal-ħamrija[11], inaqqsu t-tniġġis tal-arja[12] u jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi. Azzjoni konġunta għall-preservazzjoni tal-ekoreġjuni li tinkludi diversi pajjiżi hija ta' benefiċċju għall-wirt naturali Ewropew: hija tiżgura wkoll li l-investimenti fl-infrastruttura la jgħarrqu l-ambjent u l-pajsaġġ u lanqas iżidu t-tniġġis.

L-ambjent marittimu - It-theddid għall-bijodiversità kostali u tal-baħar: Pressjoni fuq l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta huwa mnaqqas permezz ta’ għarfien aħjar tal-bijodiversità, u l-implimentazzjoni kkoordinata tal-Ippjanar Spazjali Marittimu/Ġestjoni Integrata tal-Kosta, leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti[13] u l-Politika Komuni tas-Sajd. It-titjib fin-netwerks ta’ żoni protetti tal-baħar ta' ilmijiet miftuħa transkonfinali, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom ikomplu jippreservaw il-bijodiversità. - It-tniġġis tal-baħar: Investimenti koordinati f’impjanti tat-trattament tal-iskart solidu u tal-ilma, sforzi konġunti biex jindirizzaw iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta’ skart tal-baħar, il-kapaċità komuni għall-prevenzjoni u reazzjoni f'każ ta' tixrid taż-żejt u tniġġis fuq skala kbira ieħor, limitazzjoni ta’ storbju ta’ taħt il-baħar, kif ukoll biex titqajjem kuxjenza fost il-bdiewa dwar l-impatti negattivi tal-użu eċċessiv tan-nitrati, jitnaqqsu b’mod sinifikanti t-theddid tal-annimali selvaġġi tal-baħar u s-saħħa tal-bniedem. Ħabitats terrestri transnazzjonali u l-bijodiversità Ġestjoni konġunta ta’ eko-reġjuni bejn il-fruntieri se jiġu mħeġġa, kif ukoll  ta’ popolazzjonijiet b’saħħithom ta’ karnivori kbar, u miżuri biex tiżdied il-konformità mar-regoli tal-kaċċa għall-għasafar tal-passa.

Eżempji ta’ miri jistgħu jinkludu:

· Stabbiliment ta’ pjattaforma komuni għall-pajjiżi kollha għall-ġbir ta’ dejta, riċerka u analiżi sa tmiem l-2015;

· It-titjib ta’ NATURA 2000 u n-netwerks Emerald u l-istabbiliment ta’ netwerk koerenti ta’ Żoni Marittimi Protetti taħt id-Direttiva Qafas għal Strateġija Marittima sal-2020;

10% kopertura tal-wiċċ tal-Baħar Adrijatiku u dak Jonju sal-2020 minn żoni protetti tal-baħar, f’konformità mal-impenji internazzjonali.

3.4. Turiżmu sostenibbli

L-għan ta’ dan il-pilastru, ikkoordinat mill-Kroazja u l-Albanija[14], huwa li jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tar-reġjun f’termini ta’ turiżmu ta' kwalità innovattiv, sostenibbli u responsabbli. Id-diversifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi turistiċi, flimkien mal-indirizzar tal-istaġjonalità, ser isaħħaħ in-negozju u toħloq l-impjiegi.  Kummerċjalizzazzjoni madwar id-dinja ta' prodotti u servizzi tat-turiżmu bil-marka Adrijatiku-Jonju, iżżid id-domanda.

Turiżmu diversifikat joffri (prodotti u servizzi) Il-potenzjal tal-wirt għani tar-reġjun għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed. Jista’ jittieħed vantaġġ tal-klima u s-suq biex jinħoloq kummerċ qawwi dinamiku bbażat fuq l-aħjar prattiki. Turiżmu alternattiv, u tas-sena kollha, jista' jiġi promoss fl-iżvilupp territorjali tal-pjanijiet ta’ azzjoni. Id-diversifikazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-offerta tat-turiżmu huma prodotti u servizzi importanti għat-turiżmu sostenibbli. Ġestjoni tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli (innovazzjoni u kwalità) Huma meħtieġa aktar miżuri għall-iżvilupp sostenibbli u responsabbli fost il-partijiet interessati tat-turiżmu. Dawn jinkludu standards u regoli komuni, li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-turiżmu tal-massa, it-titjib tal-ħiliet u li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha (pubbliċi, privati, viżitaturi) fil-promozzjoni tal-kunċett tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli.

Eżempji ta’ miri sal-2020 jistgħu jinkludu:

· Żieda ta’ 50 % fil-wasla tat-turisti barra mill-istaġun;

Jinħolqu 5 rotot turistiċi makroreġjonali ġodda.

4. Tmexxija u implimentazzjoni

L-esperjenza bl-istrateġiji makroreġjonali eżistenti turi li mekkaniżmi ta’ governanza tajba u stabbli huma kruċjali għal implimentazzjoni effettiva. Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-governanza ta' Mejju 2014[15] jidentifika tliet bżonnijiet ewlenin: tmexxija politika aktar qawwija, teħid ta' deċiżjonijiet b'mod effettiv u organizzazzjoni tajba. 

Governanza aħjar ma tfissirx fondi jew burokrazija ġodda, iżda kif u minn min jiġu implimentati l-istrateġija u l-azzjonijiet konġunti mibdija u ffinanzjati. Il-governanza għandu jkollha kemm dimensjoni politika kif ukoll operazzjonali, mal-ministeri kkonċernati u l-korpi ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-għanijiet strateġiċi, u mbagħad għandu jiġi żgurat li x-xogħol jiġi strettament segwit. Dan se jagħti riżultati aktar ċari u impatt akbar.

Koordinazzjoni

Il-koordinazzjoni hija meħtieġa bejn il-pajjiżi parteċipanti, u bejn id-diversi ministeri u fuq il-livelli tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan kull pajjiż. Għal kull pilastru, żewġ koordinaturi mill-ministeri rilevanti li jirrappreżentaw żewġ pajjiżi differenti se jaħdmu mill-qrib ma’ kontropartijiet transkonfinali biex jiżviluppaw u jimplimentaw Pjan ta’ Azzjoni.

Il-Kummissjoni ser taġixxi bħala faċilitatur indipendenti, u tipprovdi perspettiva tal-UE, appoġġjata minn Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-istrateġiji makroreġjonali b’rappreżentanti mill-UE-28, kif ukoll pajjiżi li mhumiex fl-UE li jieħdu sehem fl-istrateġiji.

Implimentazzjoni

Kundizzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni tajba jinkludu:

- li l-pajjiżi jirrikonoxxu l-Istrateġija bħala li tkopri politiki f'setturi differenti, u ta’ interess għal kull livell ta’ gvern;

- l-involviment sħiħ u effettiv ta’ pajjiżi terzi fil-livelli kollha;

- appoġġ politiku f’livell għoli, fejn il-Ministri jiddeterminaw id-direzzjoni ġenerali tal-Istrateġija, filwaqt li jieħdu s-sjieda u r-responsabbiltà, jallinjaw il-politiki u l-fondi, u jipprovdu r-riżorsi u l-istatus u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-livelli tekniċi;

- bħala garanti tad-dimensjoni tal-UE, il-Kummissjoni tiżgura approċċ strateġiku fil-livell tal-UE;

- il-pajjiżi jissorveljaw u jevalwaw il-progress, u jipprovdu gwida għall-implimentazzjoni;

- isir użu tajjeb tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti;

- appoġġ affidabbli jingħata lill-Koordinaturi tal-pilastru, speċjalment dawk li jużaw l-assistenza istituzzjonali u tal-bini tal-kapaċità mill-programm ta’ kooperazzjoni transnazzjonali Adrijatiku-Jonju 2014-2020;

- involviment tal-partijiet interessati ewlenin: awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, membri tal-parlamenti (reġjonali, nazzjonali u Ewropej), atturi ekonomiċi u soċjali, is-soċjetà ċivili, l-akkademja u l-NGOs.

Biex l-istrateġija tibda fuq bażi soda, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet minn kmieni.

Finanzjament

L-Istrateġija hija implimentata, inter alia, bil-mobilizzazzjoni u l-allinjament ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali eżistenti ta’ rilevanza għall-erba’ pilastri u temi. Billi japprovaw l-istrateġija, il-Gvernijiet tal-pajjiżi parteċipanti jimpenjaw ruħhom li jagħmlu użu minn dan il-finanzjament sabiex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni. B’mod partikolari, il-Fond Strutturali u ta’ Investiment Ewropew u l-Istrument ta’ Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-2014-2020 jipprovdi riżorsi sinifikanti u firxa wiesgħa ta’ għodod u għażliet tekniċi.

Fondi u strumenti rilevanti oħra għall-pilastri huma disponibbli, b’mod partikolari Orizzont 2020 għall-pilastri kollha, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Pilastru 2, il-programm LIFE għall-Pilastru 3, kif ukoll għall-mitigazzjoni u l-adattament għal-bidla fil-klima, u, għal Pilastru 4, il-programm COSME għall-SMEs. Mezzi oħra huma disponibbli, b’mod partikolari, il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent, il-Bank Ewropew tal-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn.

Dawn il-fondi u l-istrumenti għandhom joħolqu ingranaġġ sinifikanti u jattiraw finanzjament minn investituri privati. L-Istrateġija se tisfrutta x-xogħol magħmul permezz taż-żewġ strateġiji makroreġjonali l-oħra f’finanzjament innovattiv.

Rapportar u evalwazzjoni

L-evalwazzjoni se tkun ibbażata fuq ix-xogħol tal-Koordinaturi tal-pilastru, li se jirrapportaw il-progress lejn il-miri.

Sabiex jingħeleb in-nuqqas ta’ bażi tad-dejta disponibbli meħtieġa sabiex jistabbilixxu sitwazzjonijiet, b’mod partikolari f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, il-ġbir tad-dejta se jiġi promoss bħala kwistjoni ta’ kapaċità  trasversali permezz ta’ programm ta’ kooperazzjoni transnazzjonali Adrijatiku-Jonju. Filwaqt li l-indikatur ewlieni tas-suċċess hija l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, bħala l-ewwel pass għandhom jiġu żviluppati indikaturi rfinati.

Il-pajjiżi parteċipanti se jorganizzaw Forum Annwali biex jevalwaw ir-riżultati, jikkonsultaw fuq azzjonijiet riveduti, u jiżviluppaw approċċi ġodda.

5. Rabtiet ma' politiki tal-UE

Din l-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-politiki tal-UE rilevanti għar-reġjuni[16] u ma teħtieġ l-ebda bidla fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Hija tappoġġja wkoll aktar osservanza tal-obbligi legali tal-UE, u tindirizza l-lakuni u diffikultajiet prattiċi li jwasslu għal dewmien, speċjalment fir-rigward tas-Suq Uniku u l-ambjent.[17] L-enfasi qiegħda fuq approċċ integrat, li jorbot flimkien oqsma differenti ta’ politika għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE li tkun koerenti territorjalment. Dan jenfasizza r-rabtiet bejn il-politiki u l-programmi tal-UE, inkluż l-istrateġiji tal-UE dwar il-Bijodiversità[18], l-Adattament għall-Bidla fil-Klima[19] u l-programmi qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

6. Rabtiet usa’

Koordinazzjoni mal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, kif ukoll l-istrateġija futura tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, għandha tiġi żgurata. Il-programm INTERACT jista’ jkollhom rwol ċentrali f’dan ir-rigward.

Is-sinerġiji għandhom jiġu mfittxija ma’ korpi intergovernattivi oħra, it-tqabbil tal-ġeografija tal-Istrateġija bħall-inizjattiva Adrijatika-Jonju (AII), jew ma’ ambitu differenti/usa’, bħall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) jew l-Inizjattiva Ewropea Ċentrali (CEI).

Koordinazzjoni ma’ programmi u inizjattivi għall-Mediterran[20] u konsistenza ma’ oqfsa legali eżistenti[21], huma importanti.

7. Konklużjoni

Wara snin ta' ċirkostanzi politiċi u ekonomiċi diffiċli, ir-Reġjun Adrijatiku-Jonju għandu prospetti aktar tajbin. Billi tipprovdi qafas kumplessiv għall-koordinazzjoni politika u kooperazzjoni territorjali, l-Istrateġija se tagħmel ir-Reġjun post aħjar fejn wieħed jgħix, jaħdem u jgawdi.  Din tista’ sservi bħala vetrina għat-tkabbir, l-impjiegi u l-ideat u bħala portal għal partijiet oħra tad-dinja. Sforzi konġunti jistgħu jippreparaw ir-Reġjun ukoll għall-opportunitajiet u l-isfidi tas-seklu 21.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova din il-Komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma mistiedna jeżaminaw ukoll dan id-dokument.

Anness                              Mappa ta' strateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju

[1]               L-Inizjattiva intergovernattiva Adrijatiku-Jonju bdiet fl-2000 bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, għall-promozzjoni tal-istabilità politika u ekonomika u b’hekk tinħoloq bażi soda għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

[2]               COM(2012)713

[3]               COM(2011)381; SEC(2011)1071; COM(2012)128, COM(2013)181; COM(2013)468; SWD(2013)233

[4]               L-Adrijatiku tat-Tramuntana għandu fond medju ta’ madwar 50 metru. L-ibħra tal-Baħar Adrijatiku jiġu skambjati biss darba kull 3 jew 4 snin ma’ dawk tal-Mediterran.

[5]               F’termini ta’ SO2, NO2 u materja f’forma ta’ partikuli.

[6]               COM (2013) 468 tas-27.6.2013

[7]               Il-Pjan ta’ Azzjoni se jkun perjodikament rivedut u aġġornat kif jitfaċċaw ħtiġijiet ġodda

[8]               Żewġ pajjiżi flimkien - pajjiż tal-UE u pajjiż mhux tal-UE – koordinaw l-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni f'dak li kellu x'jaqsam mal-pilastru tal-għażla tagħhom.

[9]               Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna numru 8.

[10]             Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna numru 8.

[11]             WD(2012) 101 – Linji gwida dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat, imnaqqas jew kumpensat l-issiġillar tal-ħamrija.

[12]             F’termini ta’ SO2, NO2, materja partikulata u l-ożonu.

[13]             Notevolment id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u d-Direttivi tal-UE dwar il-Ħabitats u l-Għasafar.

[14]             Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna numru 8.

[15]             Rapport mill-Kummissjoni dwar il-governanza ta' strateġiji makro-reġjonali, COM(2014)284 tal-20 ta' Mejju 2014.

[16]             Bħalma huma d-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, il-Politika Komuni tas-Sajd, il-Politika għall-Ġestjoni tar-Riskju tad-Diżastri tal-UE, in-Netwerks trans-Ewropej (trasport u enerġija), il-Komunitajiet tat-Trasport futuri, eċċ.

[17]             B’mod partikolari l-Għasafar u l-ħabitats, il-Qafas dwar l-Ilma,il-Qafas Strateġiku tal-Baħar, in-Nitrati, il-kwalità tal-Arja fl-Ambjent, il-limiti Massimi Nazzjonali tal-emissjonijiet u d-Direttivi ta’ Qafas dwar l-Iskart.

[18]             COM(2011) 244

[19]             COM(2013) 216

[20]             B’mod partikolari l-Unjoni għall-Mediterran u l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran.

[21]             Speċjalment "Il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran".

Top