EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2017/164A/01

Avviż ta’ post battal ECA/2017/7 — Post ta’ Avukat speċjalizzat fid-Dritt Ewropew, b’esperjenza — Presidenza — Servizz Legali (Grupp tal-funzjoni AD, Gradi 7–9)

OJ C 164A, 24.5.2017, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 164/1


AVVIŻ TA’ POST BATTAL ECA/2017/7

Post ta’ Avukat speċjalizzat fid-Dritt Ewropew, b’esperjenza

Presidenza — Servizz Legali

(Grupp tal-funzjoni AD, Gradi 7–9)

(2017/C 164 A/01)

 

MIN AĦNA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Qorti”) stabbilita bit-Trattat biex twettaq l-awditjar tal-finanzi tal-Unjoni. Bħala l-awditur estern tal-UE, hija tikkontribwixxi għat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Il-Qorti tipprovdi servizzi tal-awditjar li permezz tagħhom hija tevalwa kif il-fondi tal-UE jkunu ġew riċevuti u użati. Hija teżamina jekk it-tranżazzjonijiet finanzjarji jkunux ġew irreġistrati u ppreżentati b’mod korrett, jekk ikunux ġew implimentati b’mod legali u regolari, u jekk ikunux ġew immaniġġjati b’mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv.

Il-Qorti tippubblika r-riżultati tal-awditi tagħha f’rapporti ċari, rilevanti u oġġettivi. Hija tfassal ukoll opinjonijiet dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni finanzjarja.

Il-Qorti taħdem biex jissaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont, tħeġġeġ it-trasparenza u tassisti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari matul il-proċedura ta’ kwittanza. Il-Qorti hija impenjata li tkun organizzazzjoni effiċjenti fuq il-quddiem nett tal-progress fil-qasam tal-awditjar u fl-amministrazzjoni tas-settur pubbliku.

Il-Qorti tal-Awdituri hija bbażata fil-Lussemburgu.

Is-Servizz Legali jagħti pariri legali u jipprovdi appoġġ legali lill-Qorti fil-qafas tat-totalità tal-attivitajiet tagħha, inklużi pariri relatati mal-kompetenzi u l-prerogattivi tal-istituzzjoni, ma’ kwistjonijiet legali li jitqajmu fil-qafas tal-attivitajiet tal-awditjar tagħha, kif ukoll ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-persunal u l-amministrazzjoni. Is-Servizz Legali jirrappreżenta l-istituzzjoni fi proċedimenti legali, b’mod partikolari quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea.

X’QEGĦDIN NOFFRU

Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal post ta’ avukat (gradi AD7 sa AD9) fi ħdan is-Servizz Legali (Presidenza), u li tistabbilixxi lista ta’ riżerva, abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”), bil-ħsieb li jimtela l-post jew jimtlew il-postijiet li jisfaw battala matul il-perjodu ta’ validità tal-lista ta’ riżerva. Din il-proċedura speċjali, li għandha l-għan li jimtela post fejn jinħtieġu kwalifiki speċjali, se ssir b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ, abbażi tal-Artikolu 29(1)(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li żżid il-possibbiltajiet tal-għażla għall-Awtorità tal-Ħatra.

Taħt l-awtorità tal-Kap tas-Servizz Legali, l-avukat ikollu r-responsabbiltà li jaqdi l-funzjoni ta’ konsulent legali intern u li jiddefendi l-interessi tal-Qorti fi proċeduri ta’ litigazzjoni, iwettaq kompiti legali li jinkludu b’mod partikolari t-tfassil tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet u ta’ opinjonijiet legali dwar id-dritt tal-Unjoni, l-għoti ta’ assistenza lill-Membri u lill-awli tal-awditjar fit-trattament ta’ kwistjonijiet legali, l-għoti ta’ parir legali intern fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali relatati mad-dritt istituzzjonali, amministrattiv u tal-persunal kif ukoll jirrappreżenta l-Qorti tal-Awdituri quddiem il-Qrati u, fil-qafas tal-kooperazzjoni interna, jassisti lis-servizzi amministrattivi fir-rigward ta’ kuntratti u tal-akkwist pubbliku.

Ir-reklutaġġ, mil-lista ta’ riżerva, ikollu l-objettiv ewlieni li jimtela post battal, u jsir skont il-ħtiġijet tas-servizz u d-disponibbiltà tal-postijiet.

Is-salarju bażiku għall-gradi AD 7, AD 8 u AD 9 (fl-ewwel skala) huwa rispettivament ta’ EUR 5 937,01, EUR 6 717,35 u EUR 7 600,25 fix-xahar. Skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, u skont xi tkun is-sitwazzjoni personali kif ukoll il-kompożizzjoni tal-unità domestika, ċerti allowances u benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa interna tal-Unjoni Ewropea u eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Jinħtieġu 8 snin ta’ esperjenza professjonali għall-grad AD 7, 10 snin ta’ esperjenza professjonali għall-grad AD 8, u 12-il sena ta’ esperjenza professjonali għall-grad AD 9.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom is-sistemi proprji tagħhom ta’ pensjonijiet u ta’ sigurtà soċjali, li huma bbażati fuq kontribuzzjonijiet imnaqqsa minn ras il-għajn. It-tfal tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn reġistrazzjoni mingħajr ħlas fl-Iskola Ewropea.

X’QEGĦDIN INFITTXU

Qegħdin infittxu avukati dinamiċi speċjalizzati fid-Dritt Ewropew u b’esperjenza.

I.   Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà:

Din il-proċedura tal-għażla hija miftuħa għall-kandidati li, fid-data ta’ għeluq stabbilita għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li ġejjin:

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

ikunu intitolati għad-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini

ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru xierqa li juru li huma tajbin biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal, ikunu kisbu

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikati b’lawrja fil-liġi meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja hija ta’ erba’ snin jew aktar, jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikati b’lawrja fil-liġi, u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja hija ta’ mill-anqas tliet snin jew aktar, jew

fejn iġġustifikat fl-interessi tas-servizz, taħriġ professjonali rilevanti ta’ livell ekwivalenti;

Ikollhom esperjenza professjonali bħala avukat, ta’ mill-inqas tmien snin, miksuba wara l-akkwist tal-lawrja msemmija hawn fuq, li jinkludu mill-inqas sitt snin esperjenza direttament relatata man-natura tal-funzjonijiet legali li għandhom jitwettqu; l-esperjenza trid tkun inkisbet sal-jum tal-għeluq finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet;

Ikollhom għarfien approfondit ta’ lingwa uffiċjali tal-UE (il-livell C1 kemm orali kif ukoll bil-miktub) u għarfien sodisfaċenti (bħala minimu, il-livell B2 kemm orali kif ukoll bil-miktub) ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Għal raġunijiet tas-servizz, il-kandidati jrid ikollhom għarfien tajjeb ħafna tal-Franċiż u tal-Ingliż (bħala minimu, il-livell C1 kemm orali kif ukoll bil-miktub), billi dawn iż-żewġ lingwi huma l-lingwi ta’ ħidma tal-Qorti tal-Awdituri.

Biex tiddetermina l-livell tal-kompetenza tiegħek fil-lingwi, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web:

http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

II.   Kwalifiki speċjali

Il-kandidati li jiġu ammessi biex jidhru fuq il-lista ta’ reklutaġġ ikunu dawk magħżula mill-Kumitat tal-Għażla, minn fost il-kandidati eliġibbli li, fl-applikazzjoni tagħhom u/jew waqt it-testijiet, ikunu ddimostraw bl-aħjar mod li għandhom:

għarfien approfondit tad-dritt tal-UE u tal-proċeduri tagħha f’każijiet ta’ litigazzjoni;

għarfien tal-qafas legali applikabbli għall-Qorti tal-Awdituri;

għarfien sod fl-oqsma tad-dritt li jkunu rilevanti għax-xogħol tal-Qorti, jiġifieri, b’mod partikolari, fid-dritt relatat mal-qasam bankarju tal-Unjoni, il-finanzi pubbliċi, is-servizz pubbliku Ewropew, il-kuntratti, is-sussidji u l-akkwist pubbliku, il-ġlieda kontra l-frodi, …

esperjenza dokumentata bħala avukat, b’mod partikolari fi ħdan istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea, organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, amministrazzjonijiet pubbliċi, uffiċċji tal-avukati;

ħiliet eċċellenti fil-livell interpersonali, kif ukoll f’dak relatat ma’ argumentazzjoni, negozjar u riżoluzzjoni ta’ kunflitti;

sens tal-“kultura ta’ servizz”, (għas-servizz tal-klijent u għat-tfittix ta’ soluzzjoni), abbiltà kkonfermata fl-osservazzjoni ta’ skadenzi/istruzzjonijiet, u ta’ ħidma f’tim;

abbiltà eċċellenti ta’ komunikazzjoni bil-fomm u ta’ tfassil ta’ dokumenti legali bil-lingwi ta’ ħidma tal-Qorti, jiġifieri bl-Ingliż u bil-Franċiż (mil-livell C1 ‘il fuq, orali jew bil-miktub);

għarfien tajjeb ta’ lingwi oħra tal-Unjoni (ta’ mill-inqas il-livell B2, orali jew bil-miktub);

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

POLITIKA TA’ OPPORTUNITAJIET INDAQS

Il-Qorti tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u b’mod partikolari tiżgura li jsir reklutaġġ bilanċjat bejn irġiel u nisa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Qorti tuża strumenti li jippermettu r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja personali.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Il-Kumitat tal-Għażla jipproċedi għal preselezzjoni, fuq il-bażi tal-merti, minn fost il-kandidati eliġibbli, fuq il-bażi ta’ kwalifiki speċjali (imsemmijin fil-Punt II ta’ hawn fuq). Wara din il-preselezzjoni, l-aħjar 12-il kandidat (*1)(massimu), li minnhom 6 jkunu rġiel u 6 nisa, jiġu mistiedna jħejju studju ta’ każ bil-miktub li mbagħad huma jippreżentaw f’intervista. Dawn iż-żewġ testijiet jiġu evalwati mill-Kumitat tal-Għażla, fid-dawl tal-kwalifiki speċjali (imsemmijin fil-Punt II ta’ hawn fuq).

Wara din il-proċedura, il-Kumitat tal-Għażla jistabbilixxi lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ li tkun magħmula minn tmien kandidati (massimu) li jissodisfaw bl-aħjar mod il-kwalifiki speċjali ddefiniti mis-sejħa (imsemmijin fil-Punt II ta’ hawn fuq). Dment li jkun hemm biżżejjed kandidati taż-żewġ sessi li jissodisfaw bl-aħjar mod il-kwalifiki msemmija, il-lista ta’ dawn il-kandidati tkun magħmula minn erba’ nisa u erbat irġiel. Il-kandidati magħżula jiġu ppreżentati f’ordni alfabetiku.

Il-fatt li kandidat ikun jidher fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ma jikkostitwixxix id-dritt li dan jiġi rreklutat. Ir-reklutaġġi li eventwalment isiru jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Qorti tal-Awdituri. Il-lista tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2018 u tista’ tiġġedded.

PREŻENTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjonijiet, miktuba bl-Ingliż jew bil-Franċiż, iridu jiġu ppreżentati biss permezz tal-formola online li hija disponibbli fl-avviż ta’ post battal ippubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/JobOpportunities.aspx#page-search/index/lang/en_US

L-applikazzjoni trid tinkludi r-referenza ta’ dan l-avviż ta’ post battal fil-linja tas-suġġett u trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

ittra ta’ motivazzjoni ( mhux itwal minn paġna waħda );

curriculum vitae aġġornat ( mhux itwal minn tliet paġni ), fil-format “Europass” , fejn jiġu indikati d-dati b’mod preċiż

(jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit li ġej: http://europass.cedefop.europa.eu);

id-dikjarazzjoni formali (mehmuża) ikkompletata, datata u ffirmata.

L-applikazzjonijiet li ma jkunux strettament skont l-istruzzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jiġu rrifjutati.

Id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija s- 16 ta’ Ġunju 2017, f’12:00 (nofsinhar) .

Fuq talba, il-kandidati jridu jippreżentaw id-dokumenti ġustifikattivi relatati mal-istudji, l-esperjenza professjonali u l-funzjonijiet attwali tagħhom.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (1), ir-riċevitur għandu jipproċessa d-data personali biss għall-għanijiet li għalihom tkun ġiet trasmessa.

TALBA GĦAL REVIŻJONI — ILMENT U APPELL — ILMENT LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

F’kull stadju tal-proċedura tal-għażla, jekk inti tqis li deċiżjoni tkun affettwatek ħażin, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

I.   Talba għal reviżjoni tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Kumitat tal-Għażla

Fi żmien 10 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Kumitat tal-Għażla, inti tista’ tippreżenta bil-miktub, talba motivata għal reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:

ECA-Recours@eca.europa.eu.

II.   Ilment u appell

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inti tista’ tippreżenta lment kontra deċiżjoni ta’ rifjut tal-applikazzjoni tiegħek, li tkun ittieħdet mill-Awtorità tal-Ħatra, fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:

Cour des comptes européenne

Monsieur le Secrétaire général

12, rue Alcide De Gasperi

L-1615 Luxembourg

LUXEMBOURG

Imbagħad, skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inti jkollok il-possibbiltà li tagħmel appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment tiegħek, sakemm din tkun taffettwak ħażin, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jiġi ppreżentat minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

III.   Ilment lill-Ombudsman Ewropew

Jekk inti tqis li l-ġestjoni tal-fajl tiegħek tkun wasslet għal amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, inti għandek id-dritt li tippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-Qorti tal-Awdituri bil-għan li ssolvi t-tilwima. Dan l-ilment għandu jingħadda bil-miktub lill-Ombudsman Ewropew fi żmien sentejn mid-data meta inti tkun sirt taf bil-fatti li jikkonċernaw l-ilment tiegħek. Formola ta’ lment online hija disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Ombudsman Ewropew. Il-preżentazzjoni ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew ma jirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ meta jiskadi l-perjodu li fih jista’ jsir appell, kif indikati hawn fuq.


(*1)  Dment li jkun hemm biżżejjed kandidati.

(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Image

Image


Top