EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2017/080/03

Sejħa għal Proposti EACEA/07/2017 taħt il-Programm Erasmus+ — Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika — Inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żagħżagħ

OJ C 80, 15.3.2017, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/3


SEJĦA GĦAL PROPOSTI EACEA/07/2017

taħt il-Programm Erasmus+

Azzjoni Ewlenija 3: Appoġġ għar-riforma politika

Inklużjoni soċjali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żagħżagħ

(2017/C 80/03)

1.   Objettivi

Din is-sejħa għal proposti se tappoġġa proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Din is-sejħa fiha żewġ lottijiet, wieħed għall-edukazzjoni u t-taħriġ (Lott 1) u wieħed għaż-żgħażagħ (Lott 2).

Objettivi ġenerali

Il-proġetti sottomessi taħt din is-sejħa taħt iż-żewġ lottijiet jenħtieġ li jkollhom l-għan li:

1.

Ixerrdu u/jew iżidu prattiki tajbin dwar it-tagħlim inklużiv li b’mod partikolari jibda fil-livell lokali. Fil-kuntest ta’ din is-sejħa, iż-żieda tfisser ir-replikazzjoni ta’ prattika tajba fuq skala usa’/li tiġi ttrasferita għal kuntest differenti jew li tiġi implimentata f’livell ogħla/sistemiku;

jew

2.

Jiżviluppaw u jimplimentaw metodi u prattiki innovattivi għat-trawwim tal-edukazzjoni inklużiva u/jew ambjenti taż-żgħażagħ f’kuntesti speċifiċi.

Kull applikazzjoni trid tindirizza objettiv ġenerali wieħed u wieħed mill-objettivi speċifiċi, li huma elenkati separatament għal Lott 1 u għal Lott 2. Kemm l-objettivi ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi tas-sejħa huma eżawrjenti: proposti li ma jindirizzawhomx mhumiex se jitqiesu.

Lott 1 — Edukazzjoni u taħriġ

Din is-sejħa għandha l-għan li tfassal it-triq għal alleanza futura tal-iskejjel għall-inklużjoni billi toħloq/tiżviluppa komunitajiet ta’ tagħlim fost atturi differenti (istituzzjonijiet edukattivi u fornituri tat-tagħlim, awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u tas-soċjetà ċivili, negozji, eċċ.) fil-qasam tat-tagħlim inklużiv.

Għalkemm il-benefiċjarji fil-mira ewlenin ta’ komunitajiet ta’ tagħlim bħal dawn huma mistennija li jkunu skejjel, il-proġetti sottomessi taħt din is-sejħa huma mħeġġa sew li jinvolvu setturi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ oħrajn formali u mhux formali — minn edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), edukazzjoni għolja u tagħlim tal-adulti — kif ukoll partijiet ikkonċernati f’livelli differenti (awtoritajiet, istituzzjonijiet, fornituri, għalliema u studenti, NGOs, komunitajiet lokali, negozji, familji, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, eċċ.) u ambjenti ta’ tagħlim informali.

Objettivi speċifiċi:

1.

It-titjib tal-akkwist ta’ kompetenzi soċjali u ċiviċi, it-trawwim tal-għarfien, il-fehim u s-sjieda ta’ valuri fundamentali, il-promozzjoni ta’ rispett reċiproku u ta’ djalogu interkulturali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-raġunijiet kollha;

2.

Il-promozzjoni ta’ edukazzjoni inklużiva u taħriġ inklużiv u t-trawwim tal-edukazzjoni ta’ studenti żvantaġġati, inkluż permezz tal-appoġġ tal-għalliema, l-edukaturi u l-mexxejja ta’ istituzzjonijiet edukattivi fl-indirizzar tad-diversità u r-rinfurzar tat-taħlit soċjoekonomiku fl-ambjent tat-tagħlim;

3.

It-titjib tal-ħsieb kritiku u tal-litteriżmu fil-midja fost l-istudenti, il-ġenituri u l-persunal fl-edukazzjoni;

4.

L-appoġġ tal-inklużjoni ta’ migranti li jkunu għadhom kif jaslu f’edukazzjoni ta’ kwalità tajba, inkuż billi jiġi vvalutat l-għarfien u jiġi vvalidat it-tagħlim ta' qabel.

Lott 2 — Żgħażagħ

Objettivi speċifiċi:

1.

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika taż-żgħażagħ billi jiġi żviluppat ir-rwol tal-volontarjat għall-inklużjoni soċjali;

2.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti taż-żgħażagħ billi jiġu indirizzati dawk li jinsabu f’riskju ta’ emarġinazzjoni jew esklużjoni soċjali.

2.   Applikanti eliġibbli

L-applikanti eliġibbli huma organizzazzjonijiet pubbliċi u privati attivi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ jew organizzazzjonijiet oħrajn fis-setturi soċjoekomoniċi li jwettqu attivitajiet transsettorjali (eż. ċentri ta’ rikonoxximent, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet tal-kummerċ, soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet tal-isport u tal-kultura eċċ.) fl-oqsma koperti mid-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (Dikjarazzjoni ta’ Pariġi).

L-applikanti meqjusa eliġibbli li jwieġbu għal din is-sejħa jistgħu jkunu (lista mhux eżawrjenti):

istituzzjonijiet edukattivi u fornituri oħrajn tat-tagħlim;

awtoritajiet pubbliċi fil-livell nazzjonali/reġjonali/lokali responsabbli mill-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;

organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ (NGOs);

istituzzjonijiet tar-riċerka;

organizzazzjonijiet tal-kummerċ u sħab soċjali;

ċentri ta’ gwida u ta’ rikonoxximent;

organizzazzjonijiet internazzjonali;

kumpaniji privati;

in-netwerks tal-organizzazzjonijiet elenkati hawn fuq huma eliġibbli wkoll diment li jkollhom personalità ġuridika.

L-applikazzjonijiet mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi tal-programm li ġejjin biss huma eliġibbli:

it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

il-pajjiżi kandidati tal-UE: l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

Ir-rekwiżit minimu tal-kompożizzjoni tas-sħubija għal din is-sejħa huwa ta’ 4 organizzazzjonijiet minn 4 pajjiżi tal-programm differenti.

Jekk ikun hemm netwerks involuti fil-proġett, il-konsorzju jrid jinkludi tal-inqas 2 organizzazzjonijiet li mhumiex membri tan-netwerk u globalment, il-konsorzju jenħtieġ li jirrappreżenta tal-inqas 4 pajjiżi eliġibbli.

3.   Riżultati, durata u skeda ta’ żmien tal-proġett

Riżultati mistennija:

Il-proġetti taħt Lott 1 — Edukazzjoni u taħriġ jenħtieġ li jwasslu għal riżultati bħal:

l-għarfien u prattiki tajbin (dwar tagħlim inklużiv, kompetenzi soċjali u ċiviċi, ħsieb kritiku u litteriżmu fil-midja kif ukoll l-integrazzjoni tal-migranti) ikunu mifruxa b’mod wiesa’ fil-komunitajiet ta’ tagħlim;

l-approċċi innovattivi jiġu żviluppati u ttestjati, ivvalutati u integrati fi prattika komuni jew (partijiet minn) sistemi;

il-mexxejja u l-edukaturi edukattivi fil-komunitajiet ta’ tagħlim isiru jafu, ikunu ppreparati u lesti li jipprattikaw approċċi edukattivi inklużivi (eż. metodi pedagoġiċi kollaborattivi, approċċi ta’ skola sħiħa, appoġġ individwalizzat għall-istudenti) b’involviment viżibbli tal-familji u tal-komunitajiet lokali;

jiġu żviluppati u jintużaw mekkaniżmi ta’ appoġġ u servizzi ta’ assistenza aktar effettivi biex jappoġġjaw l-istituzzjonijiet u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni ta’ approċċi edukattivi inklużivi;

Il-proġetti taħt Lott 2 — Żgħażagħ jenħtieġ li jwasslu għal riżultati bħal:

kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali u ħiliet imtejba taż-żgħażagħ, inkluż ċittadinanza attiva, litteriżmu fil-midja u diġitali, ġudizzju kritiku u fehim interkulturali, parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u ċivika;

sensibilizzazzjoni mtejba fost iż-żgħażagħ tad-drittjiet fundamentali tagħhom u sens ta’ appartenenza fis-soċjetà, tħaddin aktar b’saħħtu tal-valuri demokratiċi u involviment fi prattiki kontra r-razziżmu, djalogu interkulturali u interreliġjuż u fehim reċiproku;

ilħuq imtejjeb taż-żgħażagħ minn gruppi żvantaġġati (eż. żgħażagħ minn sitwazzjoni “NEET” jew żgħażagħ bi sfond ta’ migrant) billi jinbnew sinerġiji mal-komunità lokali u jsir l-aqwa użu min-netwerks eżistenti fil-livell lokali;

kapaċità mtejba ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u/jew netwerks taż-żgħażagħ biex dawn jaġixxu bħala forzi ta’ inklużjoni billi tingħata assistenza liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom, jagħmlu xogħol ta’ volontarjat u jixprunaw bidla pożittiva fil-komunitajiet;

għarfien espert imtejjeb fl-għoti ta’ assistenza bażika jew għajnuna lil migranti u rifuġjati li jkunu għadhom kif jaslu bil-ħiliet li għandhom bżonn biex jintegraw f'soċjetà differenti jew li jistgħu jkunu utli għal riintegrazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini meta l-kunflitt ikun spiċċa, kif ukoll l-apprezzament tad-diversità kulturali fil-komunità;

integrazzjoni aħjar ta’ migranti u rifuġjati li jkunu għadhom kif jaslu u klima inklużiva mtejba fis-soċjetajiet ospitanti, b’mod partikolari permezz tal-ippjanar u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali jew soċjali fil-livell lokali bl-involviment tan-nies tal-lokal u tal-voluntiera fejn xieraq;

informazzjoni aħjar dwar il-midja soċjali, is-siti web, laqgħat pubbliċi biex jingħata appoġġ lill-isforzi tal-volontarjat tal-organizzazzjoni.

L-attivitajiet iridu jibdew jew fl-1 jew fil-31 ta’ Diċembru 2017 jew fil-15 ta’ Jannar 2018. Id-durata tal-proġett trid tkun ta’ bejn 24 u 36 xahar.

4.   Kriterji tal-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti.

Il-kriterji tal-għoti għall-finanzjament ta' applikazzjoni huma:

1.

Ir-rilevanza tal-proġett (30 %)

2.

Il-kwalità tat-tfassil tal-proġett u l-implimentazzjoni (20 %)

3.

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta' kooperazzjoni (20 %)

4.

L-impatt, it-tixrid u s-sostenibbiltà (30 %).

Il-proposti biss li jkunu laħqu:

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 60 % tar-riżultat totali (jiġifieri riżultat aggregat tal-4 kriterji tal-għoti) kif ukoll

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 50 % ta’ kull kriterju

se jiġu kkunsidrati għal finanzjament tal-UE.

5.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa huwa ta’ EUR 10 000 000, allokati kif ġej:

Lott 1— Edukazzjoni u Taħriġ EUR 8 000 000

Lott 2— Żgħażagħ EUR 2 000 000

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE ma tistax taqbeż 80 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett.

L-għotja massima għal kull proġett se tkun ta’ EUR 500 000.

L-Aġenżija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli għal din is-sejħa.

6.   Proċedura ta’ sottomissjoni u skadenza

L-iskadenza tas-sottomissjoni hija: it-22 ta’ Mejju 2017 — 12.00 nofsinhar CET.

L-applikanti huma mitlubin jaqraw sew l-informazzjoni kollha dwar is-sejħa għal proposti EACEA/07/2017 u l-proċedura ta’ sottomissjoni u li jużaw id-dokumenti li jifformaw parti mill-pakkett ta’ applikazzjoni li jista’ jinstab fuq:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

Il-pakkett ta’ applikazzjoni jrid jiġi sottomess online bl-użu tal-formola elettronika korretta, jimtela kif suppost u jkun fih l-annessi u d-dokumenti ta’ appoġġ rilevanti u applikabbli kollha.

7.   L-Informazzjoni kollha dwar is-sejħa

L-informazzjoni kollha dwar is-Sejħa EACEA/07/2017 hija disponibbli mis-sit web li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

Kuntatt tal-email:

EACEA-Policy-Support@ec.europa.eu


Top