EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/384/06

Sejħa Għal Proposti — EACEA 40/2016 taħt il-programm Erasmus+ — “KA3 – Sħubiji bejn l-ETV u n-Negozji dwar it-Tagħlim ibbażat fuq ix-Xogħol u l-Apprendistati”

OJ C 384, 18.10.2016, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 384/11


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA 40/2016

taħt il-programm Erasmus+

“KA3 – Sħubiji bejn l-ETV u n-Negozji dwar it-Tagħlim ibbażat fuq ix-Xogħol u l-Apprendistati”

(2016/C 384/06)

1.   Objettivi u Deskrizzjoni

Fl-isfond tar-rata għolja ta’ qgħad u spariġġ fil-ħiliet fost iż-żgħażagħ, l-għan ġenerali tas-Sejħa huwa li titnaqqas id-diskrepanza bejn id-dinjiet tal-edukazzjoni u tan-negozju, li r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol titjieb, u li tiżdied l-eċċellenza.

F’dan il-kuntest l-objettiv tas-Sejħa huwa li tistieden is-sottomissjoni ta’ proposti dwar is-sħubiji bejn l-ETV u n-negozji sabiex jiġi żviluppat it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u b’hekk tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ Riga, li jiġi promoss it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-forom kollha tiegħu, b’attenzjoni speċjali għall-apprendistati.

Dawn is-sħubiji jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-involviment tan-negozji u l-imsieħba soċjali fit-tfassil u fit-twassil tal-ETV u biex jiġi żgurat element ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol b’saħħtu fl-ETV.

Din is-Sejħa għandha l-intenzjoni wkoll li ttejjeb il-kwalità tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati billi tippromwovi sħubiji li jinvolvu lill-kumpaniji, il-fornituri tal-ETV, partijiet ikkonċeernati rilevanti oħrajn u organizzazzjonijiet intermedji sabiex jiġu żviluppati approċċi aktar rilevanti, sistematiċi u sostenibbli permezz tat-trasferiment tal-għarfien u bit-tagħlim minn mudelli u prattiki stabbiliti sew.

L-attenzjoni hija ffukata fuq id-dimensjoni reġjonali u lokali sabiex jiġu prodotti riżultati konkreti u sostenibbli fil-prattika.

2.   Applikanti Eleġibbli

Lott 1:

L-applikant (il-koordinatur tal-proġett) għandu jkun wieħed mill-organizzazzjonijiet li ġejjin:

fornitur tal-ETV (fil-livell sekondarju għoli jew post-sekondarju)

intrapriża żgħira, medja jew kbira (pubblika jew privata);

kamra tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja’, jew organizzazzjoni settorjali/professjonali rilevanti b’mod simili;

awtorità lokali jew reġjonali;

Is-sħubija għandha tkun magħmula minn tal-inqas tliet sieħba sħaħ minn fost tal-inqas żewġ pajjiżi differenti tal-programm tal-Erasmus+

Dawn it-3 entitajiet għandhom jinkludu:

Fornitur tal-ETV wieħed,

Awtorità lokali jew reġjonali waħda,

Intrapriża waħda ta’ daqs żgħir, medju jew kbir (pubblika jew privata) jew Kamra waħda jew organizzazzjoni settorjali/professjonali waħda.

Barra minn hekk, is-sħubija jenħtieġ li tinkludi mill-inqas organizzazzjoni waħda tal-impjegaturi u oħra tal-ħaddiema (imsieħba soċjali) bħala sħab assoċjati.

Lott 2:

L-applikant (koordinatur tal-proġett) irid ikun organizzazzjoni umbrella Ewropea li jkollha membri jew affiljati f’tal-inqas 12-il pajjiż tal-programm Erasmus+, li tal-inqas 6 minnhom jipparteċipaw fil-proġett bħala msieħba.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (Lott 1 u Lott 2) jinkludu:

Awtoritajiet lokali u reġjonali pubbliċi;

imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-ħaddiema);

intrapriżi ta’ daqs żgħir, medju jew kbir (pubbliċi jew privati);

kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tas-snajja’, jew organizzazzjonijiet settorjali/professjonali rilevanti b’mod simili;

servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

skejjel tal-ETV u fornituri tal-ETV, aġenziji, ċentri (inklużi ETV post-sekondarji);

organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

assoċjazzjonijiet tal-ġenituri;

korpi rilevanti oħrajn.

Il-pajjiżi eliġibbli huma:

Għal-Lott 1 u l-Lott 2:

Il-pajjiżi tal-programm Erasmus+:

it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE: l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja,

il-pajjiżi kandidati tal-UE: l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija.

Jistgħu jintgħażlu proposti mill-applikanti fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE jew minn pajjiżi kandidati jew assoċjati, diment li, fid-data tal-għoti, ikunu ġew iffirmati ftehimiet li jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programm.

3.   Attivitajiet eliġibbli

Is-Sejħa għall-Proposti tagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ sħubiji. Għaldaqstant, il-proposti jenħtieġ li jitressqu taħt wieħed miż-żewġ lottijiet li ġejjin:

1.   Sħubiji lokali u reġjonali (Lott 1)

Is-sejħa tappoġġja sħubiji bejn i) fornitur tal-ETV; ii) intrapriża ta’ daqs żgħir, medju, jew kbir (pubblika jew privata) jew Kamra jew organizzazzjoni settorjali/professjonali oħra; iii) awtorità lokali jew reġjonali.

Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jsaħħu s-sħubijiet bejn l-ETV u n-negozji fuq it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati f’kuntest lokali jew reġjonali.

Is-sħubija għandha tinkludi organizzazzjoni tal-impjegaturi u tal-ħaddiema (imsieħba soċjali) bħala sħab assoċjati.

2.   Is-sħubiji bejn organizzazzjoni umbrella Ewropea u l-membri nazzjonali jew affiljati tagħha (Lott 2)

Is-sejħa tappoġġja wkoll numru limitat ta’ proġetti mwettqa minn organizzazzjonijiet umbrella Ewropej. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jappoġġjaw attivitajiet immirati u strateġiċi bejn dawn l-organizzazzjonijiet umbrella fil-livell Ewropew u l-membri nazzjonali jew affiljati tagħhom bl-għan li jissaħħu s-sħubiji bejn l-ETV u n-negozji dwar it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati f’kuntest lokali jew reġjonali.

Il-benefiċjarji għandhom iwettqu l-attività li ġejjin:

Fiż-żewġ lottijiet, il-benefiċjarji għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw strutturi ġodda ta’ kooperazzjoni dwar is-sħubiji sostenibbli bejn l-ETV u n-negozji abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħiliet meħtieġa u possibilment iqisu d-dimensjoni settorjali.

L-attivitajiet għandhom ikunu relatati ma’ strateġiji ta’ kooperazzjoni transkonfinali jew interreġjonali, strateġiji ta’ żvilupp ekonomiku lokali jew reġjonali jew strateġiji makroreġjonali.

Dawn jenħtieġ li jinvolvu l-bini tal-kapaċità, it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju tal-esperjenzi, jew jagħmlu l-involviment eżistenti aktar sistematiku, immirat u sostenibbli għall-provvista kwalitattiva u kwantitattiva mtejba tal-apprendistati u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol.

Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom iwettqu tnejn mit-tliet attivitajiet li ġejjin għaż-żewġ lottijiet:

It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kurrikuli, il-korsijiet u l-moduli, il-materjal tat-taħriġ dwar it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati skont il-ħiliet meħtieġa u f’konformità mal-istrumenti Ewropej għat-trasparenza (pereżempju, l-EQF, l-EQAVET u l-ECVET) u bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali fejn ikun xieraq;

Il-bini ta’ strutturi effettivi ta’ kooperazzjoni bejn l-għalliema tal-ETV u l-ħarrieġa fi ħdan il-kumpaniji, sabiex jingħataw kemm tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol kif ukoll apprendistati;

Jiġu stabbiliti u msaħħa t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-apprendistati f’ETV ogħla fil-livell terzjarju (1) billi tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-ETV fil-livell sekondarju u terzjarju u n-negozji, inkluż il-promozzjoni ta’ rabtiet ta’ riċerka mal-universitajiet jew l-universitajiet tax-xjenzi applikati bħala tweġiba għan-nuqqasijiet fil-ħiliet u titrawwem l-aġenda tal-eċċellenza (2).

4.   Kriterji tal-aġġudikazzjoni

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1.

Ir-rilevanza tal-proġett (massimu 30 punt – limitu minimu 16-il punt)

2.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (massimu 25 punt - limitu minimu 13-il punt)

3.

Il-kwalità tal-konsorzju tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (massimu 25 punt - limitu minimu 13-il punt)

4.

L-impatt u d-disseminazzjoni (massimu 20 punt - limitu minimu 11-il punt)

Il-limitu għall-proposti li għandhom jitressqu quddiem il-kumitat tal-evalwazzjoni għandu jkun minimu ta’ 60 punt (minn total ta’ 100 punt).

5.   Baġit

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti huwa stmat għal massimu ta’ 6 miljun euro (EUR 4,5 miljun għal-Lott 1 u EUR 1,5 miljun għal-Lott 2).

Kull għotja sejra tammonta għal bejn EUR 250 000 u EUR 350 000. L-Aġenzija qiegħda tistenna li tiffinanzja madwar 20 proposta (sa 15-il proġett taħt il-Lott 1 u sa 5 proġetti taħt il-Lott 2).

L-Aġenżija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jitressqu sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Jannar 2017 f’12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell).

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

għandhom jiġu sottomessi esklussivament online permezz tal-formola ta’ applikazzjoni uffiċjali korretta;

għandhom jiġu abbozzati f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.

7.   Dettalji sħaħ

Il-linji gwida flimkien mal-formola elettronika ta’ applikazzjoni jinsabu fl-indirizz tal-Internet li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/actions/vet-business-partnerships-apprenticeshipswork-based-learning_en

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mat-termini kollha tal-linji gwida.


(1)  L-għan tal-ETV imur lil hinn mil-livell sekondarju għoli u jkopri wkoll il-livell post-sekondarju, il-livell mhux terzjarju iżda wkoll il-livell terzjarju, diment li l-kurrikulu jinvolvi komponent ta’ tagħlim ibbażat ħafna fuq ix-xogħol.

(2)  Dwar l-eċċellenza fl-ETV, ara l-Komunikazzjoni tal-KE dwar “Ir-Reviżjoni tal-Edukazzjoni” (2012) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1389778594543&uri=CELEX:52012DC0669


Top