EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2014/383/06
Call for proposals — ‘Support for information measures relating to the common agricultural policy (CAP)’ for 2015
Sejħa għall-proposti — “Appoġġ għal azzjoni ta' informazzjoni fil-qasam tal- Politika Agrikola Komuni (PAK)” għall-2015
Sejħa għall-proposti — “Appoġġ għal azzjoni ta' informazzjoni fil-qasam tal- Politika Agrikola Komuni (PAK)” għall-2015
OJ C 383, 29.10.2014, p. 5–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 383/5 |
SEJĦA GĦALL-PROPOSTI
“Appoġġ għal azzjoni ta' informazzjoni fil-qasam tal- Politika Agrikola Komuni (PAK)” għall-2015
(2014/C 383/06)
1. INTRODUZZJONI — KUNTEST
Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1).
Din hija sejħa għall-proposti għall-finanzjament ta' azzjoni ta' informazzjoni, kif deskritti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, mill-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2015. Din is-sejħa għall-proposti tikkonċerna azzjonijiet speċifiċi ta' informazzjoni li jridu jiġu implimentati (inklużi l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-evalwazzjoni) bejn l-1 ta' Mejju 2015 u t-30 ta' April 2016.
Azzjoni ta' informazzjoni hija sensiela indipendenti u koerenti ta' attivitajiet ta' informazzjoni mwettqa abbażi ta' baġit uniku.
Din is-sejħa għall-proposti hija wkoll irregolata permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2) (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament Finanzjarju) u skont ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (3) (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament dwar ir-Regoli tal-Applikazzjoni).
2. GĦANIJIET, TEMA(I) U PUBBLIKU FIL-MIRA
Il-miżuri ta' informazzjoni għandhom l-għan partikolari li jgħinu fl-ispjegazzjoni, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-PAK u biex ikattru l-għarfien pubbliku tal-kontenut u l-għanijiet tgaħha.
2.1 Tema
Tema ta' prijorità
Il-PAK wara l-2013
Temi speċifiċi skont l-udjenza
Għaċ-ċittadini, it-temi ta' prijorità se jittrattaw suġġetti ġenerali dwar il-PAK u għandhom jiffukaw fuq it-tliet elementi prinċipali tagħha: is-sikurezza fl-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iżvilupp taż-żoni rurali. L-għan ta' dawn l-azzjonijiet huwa li jgħarraf għadd kbir ta' nies dwar il-kwistjonijiet bażiċi tal-PAK il-ġdida.
Għall-atturi rurali, l-azzjonijiet għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri introdotti fil-qafas tar-riforma riċenti tal-PAK u dwar il-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-inizjattivi politiki mibdija wara r-riforma tal-PAK, bħall-“biedja organika”.
Xi eżempji ta' proposti għat-tip ta' għodod ta' informazzjoni li jintegraw kampanji ta' informazzjoni huma ppreżentati fit-Taqsima 6.2.
2.2. Pubbliku fil-mira
Il-pubbliku fil-mira huwa l-pubbliku inġenerali (b'attenzjoni partikolari fuq iż-żgħażagħ fiż-żoni urbani) u b'mod partikolari l-atturi rurali. L-impatt tal-azzjoni se jkun evalwat skont it-tip ta' azzjoni u t-tip ta' pubbliku fil-mira tal-azzjoni.
3. SKEDA INDIKATTIVA
|
Stadji |
Data u żmien jew perjodu indikattiv |
a) |
Pubblikazzjoni tas-sejħa |
L-ewwel nofs ta' Ottubru 2014 |
b) |
Data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet |
5.1.2015 |
c) |
Perjodu ta' evalwazzjoni |
12.1.2015 – 31.3.2015 |
d) |
Informazzjoni għall-applikanti |
L-ewwel nofs ta' April 2015 |
e) |
Iffirmar tal-ftehimiet ta' finanzjament |
It-tieni nofs ta' April 2015 |
f) |
Data tal-bidu tal-azzjoni |
1.5.2015 |
4. BAĠIT DISPONIBBLI
Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-azzjonijiet huwa stmat li jlaħħaq mat-EUR 3 000 000.
Dan l-ammont huwa suġġett għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz tal-baġit għall-2015 wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2015 mill-awtorità baġitarja jew previsti fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.
5. REKWIŻITI TA' AMMISSIBBILTÀ
— |
L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu bil-posta (ittra rreġistrata, it-timbru tar-reġistrazzjoni tal-posta jew id-data ta' meta tasal l-applikazzjoni jittieħdu bħala prova tad-data ta' meta tkun intbagħtet) jew permezz ta' servizz tal-kurjer (id-data tal-irċevuta mis-servizz tal-kurjer isservi bħala prova tad-data ta' meta tkun intbagħtet) sa mhux aktar tard mill-5 ta' Jannar 2015; |
— |
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi bil-miktub (ara t-taqsima 14), bl-użu tal-formoli tal-applikazzjoni u tal-baġit disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/ |
— |
L-applikazzjonijiet għandhom jinkitbu b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Madankollu, sabiex ikun iffaċilitat l-ipproċessar f'waqtu tal-applikazzjonijiet, l-applikanti huma mħeġġa jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż; jekk dan ma jkunx possibbli, l-applikanti għandhom tal-anqas jinkludu traduzzjoni bl-Ingliż tad-deskrizzjoni dettaljata tal-proposta (il-Formola 3); |
— |
L-applikanti jistgħu jissottomettu applikazzjoni waħda biss għal din is-sejħa għall-proposti. |
Nuqqas ta' konformità ma' dawn ir-rekwiżiti jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni.
6. KRITERJI TA' ELIĠIBBILTÀ
6.1 Applikanti eliġibbli
L-applikant (u, jekk ikun hemm, l-entitajiet affiljati tiegħu) għandu jkun entità legali stabbilita fi Stat Membru tal-UE.
L-entitajiet li ma għandhomx personalità legali taħt il-liġi nazzjonali applikabbli jistgħu jkunu applikanti eliġibbli, sakemm ir-rappreżentanti tagħhom għandhom il-kapaċità li jassumu l-obbligi legali f'isimhom u joffru garanziji għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jkunu daqs dawk offruti minn persuni legali u sakemm jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità finanzjarja u operattiva daqs dik tal-persuni legali.
Id-dokumenti ta' prova għandhom jitressqu flimkien mal-formola ta' applikazzjoni.
Il-persuni fiżiċi kif ukoll l-entitajiet stabbiliti biss għall-iskop ta' implimentazzjoni ta' azzjoni fi ħdan din is-sejħa għall-proposti, mhumiex applikanti eliġibbli.
Eżempji ta' organizzazzjonijiet eliġibbli:
— |
organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ (privati jew pubbliċi); |
— |
awtoritajiet pubbliċi (nazzjonali, reġjonali, lokali); |
— |
assoċjazzjonijiet Ewropej; |
— |
universitajiet; |
— |
istituzzjonijiet edukattivi; |
— |
ċentri tar-riċerka; |
— |
kumpaniji (pereżempju kumpaniji tal-midja tal-komunikazzjoni). |
L-entitajiet legali li għandhom rabta legali jew ta' kapital mal-applikanti, li la tkun limitata għall-azzjoni u lanqas stabbilita biss għall-iskop tal-implimentazzjoni tagħha, (eż. membri ta' netwerks, federazzjonijiet, trejdjunjins), jistgħu jieħdu sehem fl-azzjoni bħala entitajiet affiljati, u jistgħu jiddikjaraw l-ispejjeż eliġibbli kif speċifikat fit-taqsima 11.2.
Ir-rabta legali u ta' kapital ma tridx tkun limitata għall-azzjoni u lanqas stabbilita biss għall-iskop tal-implimentazzjoni tagħha. Dan ifisser li r-rabta tkun teżisti indipendentament mill-għoti tal-finanzjament; għandha teżisti qabel is-sejħa għall-proposti u tibqa' valida wara li tintemm l-azzjoni.
Ir-rabta legali u ta' kapital li tiddefinixxi l-affiljazzjoni tinkludi tliet kunċetti:
(i) |
Kontroll, kif iddefinit fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi. Għalhekk, l-entitajiet affiljati ma' benefiċjarju jistgħu jkunu:
|
(ii) |
Sħubija, jiġifieri l-benefiċjarju huwa legalment iddefinit bħala eż. netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni li fiha l-entitajiet proposti affiljati jipparteċipaw ukoll jew il-benefiċjarju jipparteċipa fl-istess entità (eż. netwerk, federazzjoni, assoċjazzjoni) bħall-entitajiet affiljati proposti. |
(iii) |
Il-każ speċifiku tal-korpi pubbliċi u tal-entitajiet ta' proprjetà pubblika. L-entitajiet ta' proprjetà pubblika u l-korpi pubbliċi (l-entitajiet stabbiliti bħala tali skont il-liġi nazzjonali, Ewropea jew internazzjonali) mhux dejjem jitqiesu bħala entitajiet affilajti (pereżempju, l-universitajiet pubbliċi jew iċ-ċentri ta' riċerka). |
Il-kunċett ta' affiljazzjoni fl-isfera pubblika jkopri:
— |
Il-livelli differenti tal-istruttura amministrattiva fil-każ ta' amministrazzjoni deċentralizzata eż. ministeri nazzjonali, reġjonali jew lokali (fil-każ ta' entitajiet legali separati) jistgħu jitqiesu bħala affiljati mal-Istat; |
— |
Korp pubbliku stabbilit minn awtorità pubblika biex jaqdi skop amministrattiv u li huwa sorveljat mill-awtorità pubblika. Din il-kundizzjoni għandha tiġi vverifikata abbażi tal-istatuti jew l-atti l-oħra li jistabbilixxu l-korp pubbliku. Mhux neċessarjament tinvolvi l-finanzjament sħiħ jew parzjali tal-korp pubbliku mill-baġit pubbliku (eż. skejjel nazzjonali affiljati mal-Istat). |
Dawn li ġejjin mhumiex entitajiet affiljati ma' benefiċjarju:
— |
Entitajiet li daħlu f'kuntratt jew subkuntratt (ta' akkwist) mal-benefiċjarju, jaġixxu bħala konċessjonarji jew dawk li jirċievu delegazzjoni għas-servizzi pubbliċi għall-benefiċjarju, |
— |
Entitajiet li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-benefiċjarju, |
— |
Entitajiet li jikkooperaw fuq bażi regolari mal-benefiċjarju abbażi ta' memorandum ta' ftehim jew jaqsmu xi assi, |
— |
Entitajiet li ffirmaw ftehim ta' konsorzju skont il-ftehim ta' finanzjament. |
Jekk l-entitajiet affiljati jieħdu sehem fl-azzjoni, l-applikazzjoni għandha:
— |
tidentifika lil dawn l-entitajiet affilajti fil-formola ta' applikazzjoni; |
— |
tinkludi l-ftehim bil-miktub tal-entitajiet affiljati; |
— |
tipprovdi d-dokumenti ta' prova li jippermettu l-verifika tal-konformità tagħhom mal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' nonesklużjoni. |
Għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-applikanti, id-dokumenti ta' prova li ġejjin huma mitluba għall-applikant u għall-entitajiet affiljati tiegħu:
Dokument |
Deskrizzjoni |
Osservazzjonijiet |
Dokument A |
kopja tal-artikoli tal-atti/istatuti ta' assoċjazzjoni/twaqqif jew dawk ekwivalenti |
|
Dokument B |
kopja taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni uffiċjali jew xi dokument ieħor uffiċjali li jattesta l-istabbiliment tal-entità |
|
Dokument C (fejn rilevanti) |
dokument li jiċċertifika rabta kapitali jew legali mal-applikant. |
Għall-entitajiet affiljati |
L-entitajiet mingħajr personalità legali għandhom jissottomettu d-dokumenti elenkati hawn fuq. Jekk id-dokumenti elenkati hawn fuq ma jistgħux jingħataw, dawn għandhom jiġu sostanzjati minn kull dokument li jitqies rilevanti.
Barra minn hekk, iridu jipprovdu dokument li jiċċertifika li r-rappreżentanti legali tagħhom għandhom il-kapaċità li jissodisfaw l-obbligi legali f'isimhom.
6.2 Attivitajiet eliġibbli skont din is-sejħa għall-proposti
Fil-kuntest tas-sejħa attwali għall-proposti, huma eliġibbli żewġ tipi ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni pubblika integrati:
1. |
Fuq livell nazzjonali (l-azzjonijiet b’impatt biss fuq livell reġjonali mhumiex eliġibbli); |
2. |
Fuq livell Ewropew (b'impatt f'diversi Stati Membri). |
L-azzjonijiet għandhom jinkludu diversi mill-attivitajiet ta' komunikazzjoni jew l-għodod elenkati hawn taħt (il-lista mhijiex eżawrjenti):
— |
Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal multimedjatiku jew awdjoviżiv; |
— |
Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal stampat (pubblikazzjonijiet, posters, eċċ); |
— |
L-istabbiliment ta' għodod tal-internet u tan-netwerking soċjali; |
— |
Avvenimenti tal-midja; |
— |
Konferenzi, seminars, sessjonijiet ta' ħidma u studji dwar kwistjonijiet relatati mal-PAK; |
— |
Avvenimenti tat-tip “azjenda agrikola fil-belt” (city farm) li jgħinu biex tiġi spjegata l-importanza tal-agrikoltura lill-populazzjoni urbana; |
— |
Avvenimenti tat-tip “bibien miftuħa” li jimmiraw li juru r-rwol tal-agrikoltura liċ-ċittadini; |
— |
Wirjiet statiċi jew mobbli jew punti ta' informazzjoni. |
L-azzjonijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:
— |
l-azzjonijiet obbligatorji bil-liġi; |
— |
l-azzjonijiet li jirċievu finanzjament mill-Unjoni Ewropea minn linja baġitarja oħra; |
— |
il-laqgħat ġenerali jew il-laqgħat statutorji. |
Perjodu ta' implimentazzjoni:
— |
l-attivitajiet ma jistgħux jibdew qabel l-1 ta’ Mejju 2015; |
— |
l-attivitajiet għandhom jitlestew sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2016. |
7. KRITERJI TA' ESKLUŻJONI
7.1 Esklużjoni mill-parteċipazzjoni:
L-applikanti jiġu esklużi milli jipparteċipaw f'din il-proċedura tas-sejħa għall-proposti jekk jinsabu f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
a) |
huma falluti jew fi proċess ta' stralċ, qed jiġu amministrati mill-Qrati, daħlu fi ftehim ma' kredituri, issospendew l-attivitajiet kummerċjali, huma suġġetti ta' proċeduri li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-kwistjonijiet, jew huma fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili stipulata fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamenti nazzjonali; |
b) |
huma, jew persuni bis-setgħa tar-rappreżentazzjoni, tat-teħid ta' deċiżjonijiet, jew ta' kontroll fuqhom, instabu ħatja ta' reat li jirrigwarda l-kondotta professjonali tagħhom b'sentenza ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru li għandha l-forza ta' res judicata; |
c) |
huma kienu ħatja ta' kondotta ħażina serja professjonali ppruvata b'kull mezz li l-awtorità kontraenti tista' tiġġustifika, inkluż b'deċiżjonijiet tal-BEI u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; |
d) |
ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew mal-ħlas tat-taxxi skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti, jew ma' dawk tal-pajjiż tal-Uffiċjal Awtorizzanti Responsabbli (RAO), jew ma' dawk tal-pajjiż ta' fejn il-ftehim tal-finanzjament ikun se jiġi esegwit; |
e) |
huma, jew persuni bis-setgħa ta' rappreżentazzjoni, tat-teħid ta' deċiżjonijiet jew ta' kontroll fuqhom, kienu soġġetti għal sentenza li għandha l-forza ta' res judicata għall-frodi, il-korruzzjoni, l-involviment f'organizzazzjoni kriminali, il-ħasil tal-flus jew kull attività illegali oħra, fejn din l-attività illegali hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni; |
f) |
huma attwalment soġġetti għall-penalitajiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 109(1). |
7.2 Esklużjoni mill-għoti:
L-applikanti ma jingħatawx appoġġ finanzjarju jekk, matul il-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, huma jkunu:
a) |
soġġetti għal kunflitt ta' interess; |
b) |
ħatja ta' dikjarazzjoni falza huma u jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura tal-għoti ta' finanzjament, jew ma jkunux ipprovdew din l-informazzjoni; |
c) |
jinsabu f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni msemmija fit-taqsima 7.1. |
L-istess kriterji ta' esklużjoni mill-parteċipazzjoni japplikaw għall-entitajiet affiljati.
Jistgħu jiġu imposti penali amministrattivi u finanzjarji fuq l-applikanti jew l-entitajiet affiljati, fejn applikabbli, li huma ħatja ta' dikjarazzjoni falza.
7.3 Dokumenti ta' prova
L-applikanti u l-entitajiet affiljati jridu jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom li tiċċertifika li mhumiex f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 106(1) u 107 sa 109 tar-Regolament Finanzjarju, billi jimlew il-formola rilevanti mehmuża mal-formola tal-applikazzjoni li takkumpanja s-sejħa għall-proposti u li hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/
8. KRITERJI TA' GĦAŻLA
8.1 Kapaċità finanzjarja
L-applikanti jrid ikollhom sorsi stabbli u suffiċjenti ta' finanzjament biex isostnu l-attività tagħhom tul il-perjodu sħiħ li matulu titwettaq l-azzjoni jew fis-sena li għaliha jingħata l-finazjament, u biex jieħdu sehem fl-għoti tal-finanzjament tagħhom. Il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti se tiġi vvalutata abbażi ta' dawn id-dokumenti ta' prova li jkunu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni:
— |
dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom, u |
— |
r-rapport tal-introjtu u l-karta tal-bilanċ għall-aħħar sena finanzjarja li ngħalqu l-kontijiet tagħha; |
— |
għall-entitajiet ġodda, il-pjan kummerċjali għandu mnejn jieħu post id-dokumenti msemmija hawn fuq. |
L-entitajiet mingħajr personalità legali jridu jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità finanzjarja daqs dik tal-persuni legali.
Il-verifika tal-kapaċità finanzjarja m'għandhiex tapplika għall-korpi pubbliċi. Għalhekk, id-dokumenti msemmija hawn fuq ma għandhomx jingħataw jekk l-applikant ikun korp pubbliku.
Abbażi tad-dokumenti sottomessi, jekk l-Uffiċjal Awtorizzanti b’sottodelega (AOSD) jqis li l-kapaċità finanzjarja mhijiex sodisfaċenti, huwa jista':
— |
jitlob aktar informazzjoni; |
— |
jiċħad l-applikazzjoni. |
8.2 Kapaċità operattiva
L-applikanti jrid ikollhom il-kompetenzi professjonali kif ukoll il-kwalifiki xierqa meħtieġa biex itemmu l-azzjoni proposta.
F’dan ir-rigward, l-applikanti għandhom jissottomettu dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom, u d-dokumenti ta' prova li ġejjin:
— |
curriculum vitae jew deskrizzjoni tal-profil tal-persuni li se jkunu primarjament responsabbli mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjoni; |
— |
ir-rapporti ta' attività tal-organizzazzjonijiet; |
— |
lista ta' proġetti u ta' attivitajiet imwettqin qabel u konnessi mal-qasam politiku tas-sejħa jew mal-azzjonijiet li għandhom jitwettqu. |
L-entitajiet mingħajr personalità legali jridu jipprovdu evidenza li għandhom kapaċità operattiva daqs dik tal-persuni legali.
9. KRITERJI TAL-FINANZJAMENT
L-għodod ta' komunikazzjoni u l-attivitajiet differenti għandhom ikunu interkonnessi, ċari fl-approċċ kunċettwali tagħhom u fir-rigward tar-riżultati li għandhom jinkisbu. Dawn għandu jkolhom impatt sinifikanti li jista' jitkejjel permezz ta' indikaturi oġġettivament verifikabbli esterni u interni li għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu l-kriterji SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u orjentati lejn iż-żmien). L-indikaturi esterni huma indikaturi prodotti barra l-organizzazzjoni benefiċjarja u/jew l-azzjoni. L-indikaturi interni huma indikaturi prodotti mill-organizzazzjoni benefiċjarja u/jew fl-azzjoni.
L-applikazzjonijiet se jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji li ġejjin:
— |
ir-rilevanza tal-azzjoni u r-riżultati mistennija tagħha b'rabta mat-temi u mal-pubbliku fil-mira msemmija fil-punt 2 tas-sejħa (10 punti); |
— |
l-effettività, ir-razzjonalità u l-konsistenza tal-metodoloġija proposta u l-organizzazzjoni (inkluż l-iskeda taż-żmien, il-programm, l-involviment ta' netwerk nazzjonali/Ewropew, eċċ.) (20 punt); |
— |
ir-rilevanza u l-kwalità tal-mezzi ta' implimentazzjoni u r-riżorsi użati biex jinkisbu l-għanijiet previsti (partikolarment f'termini ta' kosteffettività) (10 punti); |
— |
il-kopertura ġeografika tal-azzjoni (15-il punt); |
— |
in-natura innovattiva tal-azzjoni u tal-għodod ta' komunikazzjoni użati (10 punti); |
— |
l-impatt u t-tixrid tar-riżultati mistennija (il-pubbliku fil-mira, l-għadd ta' benefiċjarji diretti u indiretti, l-effett mistenni ta' multiplikazzjoni) (15-il punt); |
— |
it-trasferibbiltà u s-sostenibbiltà tar-riżultati mistennija (10 punti); |
— |
l-evalwazzjoni ex ante u ex post proposta u l-attivitajiet ta' monitoraġġ previsti fil-proposta (10 punti). |
10. IMPENJI LEGALI
F'każ ta' finanzjament mogħti mill-Kummissjoni, se jintbagħat lill-benefiċjarju ftehim tal-finanzjament, magħmul f'euro u li jinkludi l-kundizzjonijiet u l-livell ta' finanzjament, flimkien mal-proċedura, għall-fini tal-formalizzazzjoni tal-obbligi tal-partijiet.
Iż-żewġ kopji tal-oriġinal tal-ftehim tal-finanzjament iridu jiġu ffirmati mill-benefiċjarju qabel ma jintbagħtu lura immedjatament lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tkun l-aħħar li tiffirmahom.
Ta' min wieħed jinnota li l-għoti ta' finanzjament ma jfissirx li wieħed jibqa' intitolat għaliha għas-snin ta’ wara.
11. DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
11.1 Prinċipji Ġenerali
a) Għoti mhux kumulattiv
Azzjoni tista' tirċievi biss finanzjament wieħed mill-baġit tal-UE.
Fl-ebda ċirkustanza ma għandhom l-istess spejjeż jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni. Sabiex dan ikun żgurat, l-applikanti għandhom jindikaw is-sorsi u l-ammonti ta' finanzjament tal-Unjoni li rċevew jew li applikaw għalihom dwar l-istess azzjoni jew għal parti minn din l-azzjoni, jew għat-tħaddim tagħha matul l-istess sena finanzjarja, kif ukoll kull finanzjament ieħor li rċevew jew li applikaw għalih dwar l-istess azzjoni.
b) Nonretroattività
L-ebda finanzjament ma jingħata retrospettivament għal azzjonijiet li diġà tlestew.
c) Kofinanzjament
Il-kofinanzjament ifisser li r-riżorsi li huma meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni jistgħu ma jkunux kompletament pprovduti mill-finanzjament tal-UE.
Il-kofinanzjament tal-azzjoni jista' jieħu l-forma ta':
— |
ir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju, |
— |
id-dħul iġġenerat mill-azzjoni; |
— |
kontribuzzjonijiet finanzjarji minn partijiet terzi. |
d) Baġit ibbilanċjat
Il-baġit stmat tal-azzjoni għandu jiġi mehmuż mal-formola tal-applikazzjoni. Dan għandu:
— |
Ikun magħmul f’euro. L-applikanti li jipprevedu li l-ispejjeż mhux se jiġġarbu f'euro, huma obbligati li jużaw ir-rata tal-kambju ppubblikata fis-sit elettroniku tal-Infor-euro disponibbli fuq http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/inforeuro/inforeuro_en.cfm |
— |
Jkollu d-dħul u l-infiq bbilanċjati; |
— |
Jitfassal billi tintuża stima ddettaljata tal-ispejjeż u l-ispjegazzjonijiet rilevanti fil-kolonna “kummenti”; l-ebda ammont b'rata fissa (ħlief għar-rati fissi msemmija fit-taqsima 11.2) jew somom sħaħ mhuma se jiġu aċċettati; |
— |
Jirrispetta l-ammonti massimi stabbiliti mill-Kummissjoni għal ċertu tip ta' nfiq (ara d-dokumenti rilevanti disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/); |
— |
Jkun ippreżentat mingħajr VAT jekk l-applikant ikun soġġett għall-VAT u intitolat li jnaqqasha, jew jekk l-applikant ikun istituzzjoni li taqa' taħt il-liġi pubblika; |
— |
Jinkludi fil-parti tad-dħul, il-kontribuzzjoni diretta mill-applikant, il-finanzjament mitlub mingħand il-Kummissjoni, u (jekk applikabbli) id-dettalji dwar kull kontribuzzjoni minn fornituri oħrajn ta' fondi, kif ukoll id-dħul kollu ġġenerat mill-proġett, inkluż, fejn rilevanti, il-ħlasijiet meħtieġa mingħand il-parteċipanti. |
e) Kuntratti/sottokuntratti ta' implimentazzjoni
Fejn l-implimentazzjoni tal-azzjoni teħtieġ l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist (kuntratti ta' implimentazzjoni), il-benefiċjarju għandu jagħti l-kuntratt lill-offerta li tagħti l-aħjar valur għall-flus jew l-orħos prezz (kif rilevanti), biex b'hekk jiġu evitati kunflitti ta' interess, u għandu jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.
F'każ ta' akkwist ogħla minn EUR 60 000, il-benefiċjarju jrid isegwi r-regoli speċjali kif imsemmija fil-ftehim ta' finanzjament anness mas-sejħa. Barra minn hekk, il-benefiċjarju huwa mistenni li jiddokumenta b'mod ċar is-sejħa għall-offerti u li jżomm id-dokumentazzjoni f'każ li jkun hemm bżonn ta' awditjar.
L-entitajiet li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' awtoritajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew l-entitajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandhom isegwu r-regoli nazzjonali applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.
Is-sottokuntrattar, jiġifieri l-esternalizzazzjoni ta' kompiti jew attivitajiet speċifiċi li jiffurmaw parti minn azzjoni kif deskritt fil-proposta, għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli għal kull kuntratt ta' implimentazzjoni (kif speċfikat hawn fuq) u flimkien magħhom il-kundizzjonijiet li ġejjin:
— |
jista' jkopri biss l-implimentazzjoni ta' parti limitata mill-azzjoni; |
— |
għandu jkun iġġustifikat billi jitqiesu n-natura tal-azzjoni u dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha; |
— |
għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar fl-applikazzjoni. |
f) Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi
L-applikazzjonijiet ma jistgħux jipprevedu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi.
11.2 Finanzjament
Il-finanzjament għandu jieħu l-forma ta' finanzjament imħallat magħmul minn:
— |
rimborż ta' 50 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli effettivament imġarrba; |
— |
kontribuzzjoni b'rata fissa ta' 7 % tal-ispejjeż diretti totali eliġibbli tal-azzjoni, huwa eliġibbli taħt spejjeż indiretti, li jirrappreżentaw l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu bħala debitabbli fuq l-azzjoni. |
F'każ ta' organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament operattiv għall-perjodu ta' implimentazzjoni tal-azzjoni ta' informazzjoni, l-ispejjeż indiretti ma jkunux eliġibbli.
L-istess japplika għall-ispiża tal-persunal diġà kopert b'finanzjament operattiv.
Ammont ta' finanzjament
L-ammont ta' finanzjament (inkluż ir-rata fissa għall-ispejjeż indiretti) se jkun bejn il-EUR 75 000 u t-EUR 300 000.
Dan ta' hawn fuq jimplika li parti mill-azzjoni ta' informazzjoni trid tiġi appoġġata mill-benefiċjarju jew tkun koperta mill-kontribuzzjonijiet apparti dawk mill-UE.
(ara t-taqsima 11.1c).
Spejjeż eliġibbli
L-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż effettivament imġarrba mill-benefiċjarju tal-finanzjament, li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
— |
jiġġarrbu matul l-azzjoni, ħlief għall-ispejjeż relatati mar-rapporti finali; |
— |
ikunu indikati fl-istima tal-baġit tal-azzjoni; |
— |
ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-azzjoni li tkun is-suġġett tal-finanzjament; |
— |
ikunu identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari jkunu rreġistrati fil-kotba tal-kontijiet tal-benefiċjarju u ddeterminati skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit u skont il-prattiki komuni tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-benefiċjarju; |
— |
jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-taxxa u tal-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli; |
— |
ikunu raġonevoli, ġustifikati u jikkonformaw mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjara soda, b'mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza. |
Il-proċeduri tal-kontabbiltà u tal-awditjar interni għandhom jippermettu r-rikonċiljazzjoni diretta tal-ispejjeż u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-azzjoni mar-rapporti korrispondenti tal-kontabbiltà u d-dokumenti ta' prova.
L-istess kriterji japplikaw għall-entitajiet affiljati.
Spejjeż diretti eliġibbli
L-ispejjeż diretti eliġibbli għall-azzjoni huma dawk l-ispejjeż li, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà msemmija hawn fuq, ikunu identifikabbli bħala spejjeż speċifiċi marbuta direttament mat-twettiq tal-azzjoni u li għalhekk jistgħu jiġu assenjati direttament lilha bħal:
— |
l-ispejjeż tal-persunal li jaħdem b'kuntratt ta' impjieg mal-applikant jew b'att ta' ħatra ekwivalenti, u jkun assenjat għall-azzjoni, l-ispejjeż jinkludu s-salarji stess flimkien mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u spejjeż oħra statutorji inklużi fir-remunerazzjoni, sakemm dawn l-ispejjeż ikunu skont il-politika normali tal-applikant dwar ir-rimunerazzjoni. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu wkoll rimunerazzjonijiet addizzjonali, inklużi ħlasijiet abbażi ta' kuntratti supplimentari, tkun xi tkun in-natura tagħhom, sakemm dawn jitħallsu b'mod konsistenti kull meta jkunu meħtieġa l-istess tip ta' xogħol jew kompetenza, indipendentement mis-sors ta' finanzjament użat. L-ispejjeż tal-persunal tal-amministrazzjonijiet nazzjonali huma eliġibbli wkoll sal-punt li jirrelataw mal-ispejjeż tal-attivitajiet li ma twettaqx l-awtorità pubblika rilevanti jekk il-proġett ikkonċernat ma jitwettaqx; |
— |
l-ispejjeż tal-ivvjaġġar (għal-laqgħat, inklużi laqgħat ta' tnedija fejn applikabbli, konferenzi eċċ.), sakemm dawn l-ispejjeż jikkonformaw mal-prattiki normali tal-benefiċjarju dwar l-ivvjaġġar; |
— |
l-ispejjeż involuti f'kuntratti ta' implimentazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju għall-finijiet tat-twettiq tal-azzjoni, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-finanzjament ikunu ntlaħqu; |
— |
l-ispejjeż li jirriżultaw direttament mir-rekwiżiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni (tixrid ta' informazzjoni, evalwazzjoni speċifika tal-azzjoni, traduzzjonijiet, riproduzzjoni). |
L-Anness V tal-abbozz tal-ftehim tal-finanzjament mehmuż ma' din is-sejħa jipprovdi lista ta' dokumenti ta' prova għall-ispejjeż eliġibbli u d-dokumenti ta' prova meħtieġa mar-rapport finali.
Spejjeż indiretti eliġibbli (spejjeż ġenerali)
Ammont b'rata fissa ta' 7 % tal-ispejjeż diretti totali eliġibbli tal-azzjoni, huwa eliġibbli taħt spejjeż indiretti, li jirrappreżentaw l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu bħala debitabbli fuq l-azzjoni.
L-ispejjeż indiretti ma jinkludux l-ispejjeż li jiddaħħlu taħt intestatura oħra tal-baġit.
Spejjeż ineliġibbli
L-ispejjeż li ġejjin m'għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:
— |
il-kontribuzzjonijiet in natura; |
— |
l-ispejjeż li jirriżultaw mix-xiri ta' tagħmir ġdid jew użat; |
— |
l-ispejjeż relatati mad-deprezzament tat-tagħmir; |
— |
il-VAT, għajr meta l-benefiċjarju jista' juri li ma jistax jiġborha lura skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Madankollu, il-VAT imħallsa mill-entitajiet irregolati mil-liġi pubblika mhijiex eliġibbli; |
— |
ir-redditu fuq il-kapital; |
— |
id-dejn u l-ħlasijiet fuq servizzi ta' djun; |
— |
il-provvedimenti għal telf jew dejn; |
— |
l-imgħax dovut; |
— |
id-djun dubjużi; |
— |
l-ispejjeż ta' trasferiment mill-Kummissjoni mitluba mill-bank lill-benefiċjarju; |
— |
it-telf mill-kambju; |
— |
l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u koperti minn azzjoni oħra li tirċievi l-finanzjament mill-UE; |
— |
l-infiq eċċessiv jew irresponsabbli. |
Kalkolu tal-ammont ta' finanzjament finali
L-ammont finali ta' finanzjament li jingħata lill-benefiċjarju jiġi stabbilit wara t-tlestija tal-azzjoni, mal-approvazzjoni tat-talba għall-ħlas li tinkludi d-dokumenti li ġejjin, inklużi d-dokumenti rilevanti ta' prova fejn xieraq:
— |
rapport tekniku finali li jipprovdi d-dettalji tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-azzjoni bid-dokumenti ta' prova rilevanti; |
— |
id-dikjarazzjoni finanzjarja finali tal-ispejjeż effettivament imġarrba b'dokumenti rilevanti ta' prova (ara l-Anness V tal-abbozz tal-ftehim tal-finanzjament mehmuż ma' din is-sejħa). |
Il-finanzjamenti tal-UE ma jistax ikollhom l-għan jew l-effett li jipproduċu qligħ fil-qafas tal-azzjoni tal-benefiċjarju. Il-qligħ għandu jkun iddefinit bħala l-eċċess tal-irċevuti mill-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju, meta ssir it-talba għall-ħlas tal-bilanċ. F'dan ir-rigward, fejn isir qligħ, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata biex tirkupra l-perċentwal tal-qligħ li jikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli effettivament imġarrba mill-benefiċjarju biex iwettaq l-azzjoni.
11.3 Perjodi ta' rappurtar u arranġamenti għall-ħlas
Għandhom japplikaw l-għażliet li ġejjin li jikkonċernaw il-perjodi ta' rappurtar u l-arranġamenti għall-ħlas:
Għażla 1 (li trid tiġi kkonfermata qabel il-firma tal-ftehim ta' finanzjament)
L-ewwel perjodu ta' rappurtar mid-dħul fis-seħħ sa tmiem is-sitt xahar tal-implimentazzjoni tal-azzjoni:
Għandu jitħallas ħlas interim lill-benefiċjarju. Dan ma għandux jaqbeż l-40 % tal-ammont massimu speċifikat fl-Artikolu I.3 tal-ftehim ta' finanzjament.
L-aħħar perjodu ta' rappurtar mis-seba' xahar tal-implimentazzjoni tal-azzjoni sa tmiem l-azzjoni:
Il-bilanċ għandu jitħallas lill-benefiċjarju.
Għażla 2 (li trid tiġi kkonfermata qabel il-firma tal-ftehim ta' finanzjament)
Perjodu ta' rappurtar wieħed mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim sa tmiem il-perjodu stabbilit fl-artikolu I.2.2 tal-ftehim ta' finanzjament:
Il-bilanċ għandu jitħallas lill-benefiċjarju.
12. PUBBLIĊITÀ
12.1 Mill-benefiċjarji
Il-benefiċjarji għandhom jirrikonoxxu biċ-ċar il-kontribut tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet kollha, jew flimkien mal-attivitajiet li għalihom jintuża l-finanzjament. Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom jużaw dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li fiha jiddikjaraw li l-Unjoni Ewropea mhijiex responsabbli għall-fehmiet espressi fil-pubblikazzjonijiet u/jew flimkien mal-attivitajiet li għalihom jintuża l-finanzjament.
F'dan ir-rigward, il-benefiċjarji huma meħtieġa li jagħtu prominenza lill-isem u l-emblema tal-Unjoni Ewropea fil-pubblikazzjonijiet, posters, programmi u prodotti oħra kollha tagħhom imwettqa fi ħdan l-azzjoni kofinanzjata.
Sabiex jagħmlu dan, iridu jużaw it-test u l-emblema tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċaħda ta' responsabbiltà, li huma kollha disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/
Jekk dan ir-rekwiżit ma jiġix sodisfatt bis-sħiħ, il-finanzjament tal-benefiċjarju jista' jiġi mnaqqas skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-finanzjament.
12.2 Mill-Kummissjoni
Kull informazzjoni li għandha x'taqsam mal-finanzjament mogħti matul sena finanzjarja għandha tiġi ppubblikata fuq sit elettroniku tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha jkun ingħata l-finanzjament.
Il-Kummissjoni se tippubblika l-informazzjoni li ġejja:
— |
isem il-benefiċjarju, |
— |
l-indirizz tal-benefiċjarju, |
— |
is-suġġett tal-finanzjament, |
— |
l-ammont mogħti. |
Fuq talba motivata u sustanzjata kif dovut mill-benefiċjarju, il-pubblikazzjoni tista' tiġi rinunzjata jekk tali divulgazzjoni thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi kkonċernati kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew jekk tkun ta' ħsara għall-interessi kummerċjali tal-benefiċjarji.
13. PROTEZZJONI TAD-DEJTA
It-tweġiba għal kull sejħa għall-proposti tinvolvi r-reġistrazzjoni u l-ipproċessar ta' dejta personali (bħall-isem, l-indirizz u s-CV). Din id-dejta tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (7). Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-mistoqsijiet u kull dejta personali mitluba li hija meħtieġa biex tiġi evalwata l-applikazzjoni skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-proposti, se jkunu pproċessati biss għal dak il-għan mill-unità E5 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea. Id-dettalji dwar l-ipproċessar tad-dejta personali huma disponibbli fid-dikjarazzjoni dwar il-privatezza fuq: http://ec.europa.eu/dataprotectionofficer/privacystatement_publicprocurement_en.pdf
Id-dejta personali tista' tiġi rreġistrata fis-Sistema ta’ Twissija Bikrija (EWS) biss, jew kemm fl-EWS kif ukoll fil-Bażi tad-Dejta Ċentrali tal-Esklużjoni (CED) mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, f'każ li l-benefiċjarju jinsab f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija:
— |
fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969/KE, Euratom tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sistema ta' Twissijijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (8) (għal aktar informazzjoni ara d-Dikjarazzjoni dwar il-Privatezza fuq: http://ec.europa.eu/budget/contracts_grants/info_contracts/legal_entities/legal_entities_en.cfm), jew |
— |
fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1302/2008 tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar id-Dejtabejż Ċentrali tal-Esklużjoni (9) (għal aktar informazzjoni ara d-Dikjarazzjoni dwar il-Privatezza fuq http://ec.europa.eu/budget/explained/management/protecting/protect_en.cfm) |
14. PROĊEDURA GĦAS-SOTTOMISSJONI TAL-PROPOSTI
Il-proposti għandhom jiġu sottomessi skont ir-rekwiżiti formali u sad-data ta' skadenza stipulata fit-taqsima 5.
Ma hija permessa l-ebda modifika għall-applikazzjoni ladarba tgħaddi d-data ta' skadenza għas-sottomissjoni. Madankollu, fejn, minħabba xi żball klerikali evidenti min-naħa tal-applikant, l-istess applikant jonqos milli jippreżenta xi provi jew li jagħmel ċertu dikjarazzjonijiet, waqt il-proċess ta' evalwazzjoni l-Kummissjoni għandha titlob lill-applikant biex jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew jiċċara d-dokumenti ta' prova. Tali informazzjoni jew kjarifika ma għandhiex timmodifika sostanzjalment il-proposta.
L-applikanti se jiġu infurmati bil-miktub dwar ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.
Sottomissjoni fuq il-karta
Il-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-formola korretta, mimlija kif dovut, datata, li turi baġit ibbilanċjat (dħul/infiq), u ffirmata mill-persuna awtorizzata li tidħol f'impenji li jorbtu legalment f'isem l-organizzazzjoni li qed tapplika.
Fejn applikabbli, l-informazzjoni addizzjonali kollha meqjusa neċessarja mill-applikant tista' tiġi inkluża fuq karti separati.
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej:
European Commission |
Unit AGRI. E.5 |
Call for proposals 2014/C 383/06 |
To the attention of Head of Unit |
L130 4/148A |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
— |
bil-posta, id-data ta' meta tasal bil-posta indikata mit-timbru tal-posta; |
— |
bis-servizz tal-kurjer, id-data tal-irċevuta indikata mis-servizz tal-kurjer. |
Madankollu, sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tal-applikazzjonijiet, l-applikanti huma mitluba wkoll li jibagħtu kopja elettronika tal-applikazzjoni bil-posta elettronika lil agri-grants-applications-only@ec.europa.eu (MHUX lil agri-grants@ec.europa.eu). Id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-kopja elettronika hija l-5 ta' Jannar 2015 f’24:00.
L-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet se tiġi evalwata abbażi tas-sottomissjoni fuq il-karta.
Ħu nota li s-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet bil-posta elettronika biss mhux se tkun permessa.
Kuntatti
Jekk għandek xi mistoqsija dwar is-sejħa, tista' tibgħatha permezz tal-posta elettronika lil agri-grants@ec.europa.eu. Id-data ta' skadenza għas-sottomissjoni tal-mistoqsijiet hija l-15 ta' Diċembru 2014 f’24:00.
L-aktar mistoqsijiet u tweġibiet rilevanti se jiġu ppubblikati fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/
15. PROĊEDURA TA' EVALWAZZJONI
L-applikazzjonijiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ammissibbiltà se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji differenti skont is-sekwenza li ġejja:
1. |
Il-kumitat ta' evalwazzjoni għandu l-ewwel jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji ta' esklużjoni (ara t-taqsima 7 tas-sejħa); |
2. |
Imbagħad, il-kumitat ta' evalwazzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji tal-għażla (ara t-taqsima 8 tas-sejħa); |
3. |
Wara dan, il-kumitat ta' evalwazzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet li jkunu għaddew b'suċċess mill-fażijiet preċedenti fid-dawl tal-kriterji tal-finanzjament (ara t-taqsima 9 tas-sejħa). |
4. |
Fl-aħħar nett, il-kumitat ta' evalwazzjoni jeżamina l-applikazzjonijiet fid-dawl tal-kriterji tal-eliġibbiltà (ara t-taqsima 6 tas-sejħa); |
L-applikazzjonijiet iridu jġibu għadd minimu ta' 50 % għal kull kriterju ta' finanzjament u livell minimu ta' 60 % totali. L-applikazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti minimi ta' kwalità mhux se jiġu aċċettati.
Wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista kklassifikata li tinkludi l-applikazzjonijiet kollha b'punteġġ ta' kwalifika.
Mil-lista ta' hawn fuq, il-Kummissjoni se tfassal lista ta' applikazzjonijiet possibbli għall-finanzjament, skont il-baġit disponibbli għal din is-sejħa.
16. ANNESSI
— |
Il-formola tal-applikazzjoni (flimkien mal-lista ta' kontroll tad-dokumenti li għandhom jiġu provduti), hija disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/ |
— |
Il-mudell tal-ftehim tal-finanzjament huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/agriculture/grants-for-information-measures/ |
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.
(4) ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.
(5) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
(6) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(8) ĠU L 344, 20.12.2008, p. 125.
(9) ĠU L 344, 20.12.2008, p. 12.