EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2014/382/01

Sejħa Għal Proposti — EACEA/31/2014 — Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma Politika — Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u ż-Żgħażagħ

OJ C 382, 28.10.2014, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 382/1


SEJĦA GĦAL PROPOSTI — EACEA/31/2014

Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma Politika

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ u ż-Żgħażagħ

(2014/C 382/01)

INTRODUZZJONI

Il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ hija essenzjali biex jinħoloq sens wiesa' ta' responsabbiltà fir-rigward tal-istrateġiji u l-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja, u biex jitqiesu l-ideat u t-tħassib tal-partijiet interessati fil-livelli kollha. Hija importanti biex jiżdied l-għarfien dwar l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir u postijiet tax-xogħol, il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), aġendi ta' politiki speċifiċi bħall-proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja jew il-proċess ta' Bruges u Kopenħagen fl-Edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dan huwa vitali biex jinkiseb l-involviment ta' partijiet interessati għall-implimentazzjoni ta' riformi ta' politika fil-pajjiżi differenti, għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm Erasmus+ u fi Programmi oħra Ewropej u għat-tixrid ta' riżultati ta' politika u programmi u prattika tajba permezz tan-netwerks estensivi tagħhom ta' sħubija.

F'dan il-qafas, din is-Sejħa għal proposti tipprovdi finanzjament permezz taż-żewġ Lottijiet li ġejjin:

1.

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam tal-Edukazzjoni u Taħriġ (Lott 1)

2.

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qasam taż-Żgħażagħ (Lott 2)

Jekk jogħġbok innota li organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda skont din is-Sejħa għal proposti, jew għal-Lott 1 jew għal-Lott 2, iżda mhux għat-tnejn.

ELEMENTI KOMUNI APPLIKABBLI GĦAŻ-ŻEWĠ LOTTIJIET

1.   Objettivi ġenerali

L-objettiv ta' din is-Sejħa huwa li tingħata għajnuna strutturali, imsejħa għotja operattiva, lil organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGOs) u lil netwerks fl-UE attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ u li jsegwu l-għanijiet ġenerali li ġejjin:

Ikun hemm għarfien minn partijiet interessati dwar aġendi ta' politiki Ewropej fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, l-aktar dwar Ewropa 2020, Edukazzjoni u Taħriġ 2020, aġendi ta' politiki speċifiċi bħall-proċessi ta' Bolonja jew ta' Bruges u Kopenħagen, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.

Jiżdiedu l-impenn u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati ma' awtoritajiet pubbliċi għall-implimentazzjoni ta' politiki u riformi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u taż-żgħażagħ, b'mod partikolari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiżi maħruġin skont il-qafas tas-Semestru Ewropew;

Tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ;

Tingħata spinta lill-involviment tal-partijiet interessati fit-tixrid ta' azzjonijiet u riżultati u prattika tajba ta' politiki u Programmi fost il-membri tagħhom u lil hinn minnhom.

Dawn l-għanijiet għandhom ikunu inkorporati b'mod ċar fil-pjanijiet tax-xogħol, l-attivitajiet u r-riżultati tanġibbli tal-organizzazzjonijiet applikanti.

2.   Eliġibbiltà

2.1.   Applikanti eliġibbli

Din is-Sejħa hija miftuħa għal żewġ kategoriji ta' korpi:

—   Kategorija 1: Organizzazzjonijiet mhux governattivi Ewropej (ENGO) fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ;

—   Kategorija 2: Netwerks fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-qasam taż-żgħażagħ.

Organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda, jew għal kategorija 1 jew għal kategorija 2.

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti għandhom:

Ikunu mhux governattivi;

Ma jkollhomx skop ta' qligħ;

Jekk jogħġbok irreferi għad-definizzjonijiet dettaljati taż-żewġ kategoriji ta' applikanti eliġibbli mogħtijin għal kull Lott.

La Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ u lanqas organizzazzjonijiet li jkollhom ħafna Aġenziji Nazzjonali ta' Erasmus+ bħala membri (2/3 jew aktar) mhuma eliġibbli għal din is-Sejħa.

2.2.   Pajjiżi eliġibbli

Applikazzjonijiet minn entitajiet legali stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi li ġejjin huma eliġibbli:

L-Istati Membri tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit;

Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jagħmlu parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

Pajjiżi kandidati li għalihom tkun twaqqfet strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fi ftehimiet qafas li jkunu ntlaħqu ma' dawk il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fi Programmi tal-UE: l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

3.   Arranġamenti ta' finanzjament

Din is-sejħa għal proposti toffri l-opportunità ta' applikazzjoni għal

Ftehimiet Qafas ta' Sħubija (għal Lottijiet 1 u 2) u għal

Għotjiet Operattivi Annwali (Lott 2 — Żgħażagħ biss). F'dan il-każ, l-organizzazzjoni tista' tissottometti applikazzjoni waħda, għal Ftehim Qafas ta' Sħubija jew għal Għotja Operattiva Annwali.

3.1.   Ftehim Qafas ta' Sħubija

Il-Ftehimiet Qafas ta' Sħubija jkopru l-kooperazzjoni fit-tul fil-livell Ewropew. Dan it-tip ta' ftehim jifformalizza s-sħubija għal tliet snin.

L-applikazzjonijiet għall-Ftehim Qafas ta' Sħubija għandhom jinkludu:

programm tax-xogħol dettaljat fuq 12-il xahar (programm ta' ħidma annwali) għall-2015 flimkien mal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkulata l-għotja (ara l-Linji Gwida għall-Applikanti, taqsima 11.2);

pjan ta' azzjoni għal tliet snin li jkopri l-perjodu 2015-2017.

Il-pjan ta' azzjoni għal tliet snin għandu jistabbilixxi strateġija li tinkludi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u r-riżultati tanġibbli għall-perjodu 2015-2017, kemm globali kif ukoll għal kull waħda mit-tliet snin, kif ukoll l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati biex jiggarantixxu l-kisba tagħhom.

Il-programm annwali ta' xogħol għandu jkun ibbażat fuq il-pjan ta' azzjoni stabbilit għall-perjodu 2015-2017 u għandu jkun il-bażi għall-għoti ta' għotja operattiva annwali speċifika għal kull waħda mit-tliet snin baġitarji kkonċernati. Il-konsistenza u l-komplementarjetà bejn l-elementi pluriennali u annwali tal-programm għandhom jintwerew b'mod ċar.

3.2.   Għotja Operattiva Annwali (applikabbli għal Lott 2 — Żgħażagħ)

L-Għotjiet Operattivi Annwali jiffukaw fuq il-kooperazzjoni ta' terminu qasir fil-livell Ewropew.

L-applikazzjonijiet għall-Għotjiet Operattivi Annwali għandhom jinkludu programm tax-xogħol dettaljat fuq 12-il xahar (programm tax-xogħol annwali) għall-2015 flimkien mal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi kkalkulata l-għotja.

4.   Kriterji għall-għoti

Il-kwalità tal-applikazzjonijiet eliġibbli tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin (1):

Rilevanza (massimu 30 punt);

Kwalità tat-tifsila u tal-implimentazzjoni tal-pjan tax-xogħol (massimu 20 punt);

Profil, għadd ta' parteċipanti u pajjiżi involuti fl-attivitajiet (massimu 20 punt);

Impatt, tixrid u sostenibbiltà (massimu 30 punt).

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti għandu jkollhom

mill-anqas 60 punt globalment u

mill-anqas nofs tal-punti massimi f'kull wieħed mill-kriterji għall-għoti msemmijin hawn fuq (15-il punt għall-kriterji “Rilevanza” u “Impatt, tixrid u sostenibbiltà”, 10 punti għall-kriterji “Kwalità tat-tifsila u tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma” u “Profil, għadd ta' parteċipanti u pajjiżi involuti fl-attivitajiet”).

5.   Baġit

Din is-Sejħa għal proposti għandha l-għan li jintgħażlu organizzazzjonijiet biex jintlaħqu ftehimiet annwali għal għotjiet operattivi li jkopru s-sena tal-baġit 2015.

Il-baġit totali allokat fis-sena 2015 għal din is-sejħa (Lottijiet 1 u 2) huwa ta' EUR 6 300 000.

L-Aġenzija tirriserva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Sottomissjoni ta' applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom isiru billi tintuża formola onlajn ta' applikazzjoni għal għotja (eForm).

L-eForm tista' tinkiseb bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fl-indirizz li ġej fuq l-Internet:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/eacea312014-civil-society-cooperation_en

u għandha titlesta kif imiss f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

L-eForm mimlija kif xieraq għandha tintbagħat onlajn sa 12.00 (nofsinhar, ħin ta' Brussell) tas-17/12/2014 u tkun tinkludi l-anness rilevanti (2):

Dikjarazzjoni ta' unur

L-annessi addizzjonali obbligatorji (3) għandhom jintbagħtu b'email lill-Aġenzija sal-istess skadenza.

7.   Informazzjoni addizzjonali

Applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet li hemm fil-Linji gwida għall-Applikanti — Sejħa għal proposti EACEA/31/2014, li tinsab fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding/eacea312014-civil-society-cooperation_en

ELEMENTI SPEĊIFIĊI

LOTT 1

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili: Edukazzjoni u Taħriġ

1.   Objettivi speċifiċi

L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu mistennija li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u attivitajiet innovattivi, immirati u kreattivi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u l-azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

Promozzjoni ta' eċċellenza u innovazzjoni, permezz ta' approċċi ta' tagħlim formali, mhux formali u informali u dispożizzjonijiet dedikati għal min jitgħallem dwar kompetenzi bażiċi u trasversali, inklużi lingwi, kompetenzi diġitali u intraprenditorjali; żieda fl-għarfien dwar approċċi edukattivi innovattivi bħal Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) u Korsijiet Massivi Miftuħa Onlajn (MOOCs); ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim miftuħa u sħubiji transettorjali ta' partijiet interessati;

Ġestjoni tan-nassa ta' ħiliet baxxi billi jkun iffaċilitat l-investiment effiċjenti u sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ; promozzjoni ta' analiżi u dibattiti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali biex jiġu esplorati jew żviluppati approċċi innovattivi ta' finanzjament; żieda fil-livelli ta' otteniment u minimizzazzjoni tar-rati tal-abbandun bikri mill-iskola; titjib fl-attrattività tal-ambjenti tat-tagħlim, iffaċilitar tat-tranżizzjonijiet u rotot flessibbli jew alternattivi ta' tagħlim; żvilupp ta' Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) ta' kwalità li jinvolvi t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, traineeships jew apprendistati, allinjament ta' politiki mal-istrateġiji tal-iżvilupp ekonomiku; modi ġodda ta' kwalifikazzjoni f'oqsma li jistgħu jkunu ta' tkabbir jew f'oqsma b'nuqqas ta' kompetenza; titjib fl-opportunitajiet indaqs għal aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, inkluż dawk li jitgħallmu li ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati; promozzjoni ta' approċċi innovattivi ta' gwida u konsulenza;

Għajnuna lil ġenerazzjoni ġdida ta' edukaturi bit-titjib fil-profil professjonali tal-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi għalliema u l-mexxejja tal-iskola, b'titjib fl-għażla, ir-reklutaġġ u ż-żamma, edukazzjoni inizjali effettiva, għajnuna fil-bidu fil-karriera, tagħlim u żvilupp professjonali tul il-karriera, feedback u inċentivi pedagoġiċi; stimulazzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u ta' komunitajiet ta' tagħlim; titjib fil-ġbir tad-dejta u l-analiżi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ;

Rikonoxximent u valur għall-kompetenzi permezz tal-għodod Ewropej għat-trasparenza u r-rikonoxximent tat-tagħlim preċedenti — inkluż ir-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali — u tal-esperjenza; nies ta' kull età mgħammra b'kompetenzi aħjar u iżjed rilevanti permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż l-aġġornament u t-titjib tal-kompetenzi ta' adulti b'ħiliet baxxi; tfassil, twassil u evalwazzjoni tal-korsijiet billi jitqiesu l-projezzjonijiet tal-kompetenzi u t-tkabbir u d-dejta dwar l-impjiegi; l-iżvilupp ta' rotot ta' tagħlim interdixxiplinari.

Il-pjan tax-xogħol għandu juri b'mod ċar il-potenzjal u l-kapaċità tal-organizzazzjoni biex tiġġenera impatti konkreti mill-anqas fi tnejn minn dawn l-oqsma.

2.   Korpi applikanti

Korpi biss li jkunu jaqblu mad-definizzjonijiet imsemmijin hawn taħt jitqiesu eliġibbli skont il-Lott 1:

Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)

Fil-kuntest ta' Lott 1, ENGOs iridu:

jkunu attivi fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020), mill-anqas f'wieħed mis-setturi li ġejjin — edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, edukazzjoni tal-iskola, edukazzjoni ogħla, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, tagħlim għall-adulti — jew mill-anqas f'wieħed mill-oqsma transettorjali ewlenin bħall-ICT, il-lingwi, l-edukazzjoni intraprenditorjali, eċċ.

Jirrappreżentaw mill-anqas grupp wieħed ewlieni ta' partijiet interessati bħal studenti, għalliema/ħarrieġa/mexxejja tal-iskola, fornituri tat-tagħlim, ġenituri, eċċ.

Jaħdmu permezz ta' struttura magħrufa formalment, magħmula minn (a) korp/segretarjat Ewropew (l-applikant) stabbilit legalment għal mill-anqas sentejn f'Pajjiż Eliġibbli fid-data meta tintbagħat l-applikazzjoni u minn (b) organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali (4) f'mill-anqas 12-il Pajjiż Eliġibbli li jkollhom rabta statutorja mal-korp/segretarjat Ewropew.

Ikunu indipendenti minn awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u organizzazzjonijiet kummerċjali.

Ikollhom mill-anqas membru wieħed tal-persunal b'salarju (ekwivalenti għal full-time).

Kategorija 2: Netwerk fl-UE kollha (netwerk formali)

Fil-kuntest ta' Lott 1, netwerk fl-UE kollha huwa organizzazzjoni umbrella li jaqgħu taħtha organizzazzjonijiet Ewropej mhux governattivi (ENGOs kif definiti fil-kategorija 1). L-ispeċifiċità ta' dan in-netwerk fl-UE kollha hija li l-membri tiegħu huma NGOs huma stess fil-livell Ewropew. Għalhekk, organizzazzjoni umbrella Ewropea tirrappreżenta numru kbir ħafna ta' partijiet interessati Ewropej u tkopri firxa wiesgħa ta' dominji ta' politika. Huwa għandu:

Ikun magħmul minn ENGOs legalment awtonomi kif definiti fil-kategorija 1 u jkunu attivi fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020);

Jissodisfa t-tliet rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jirrappreżenta iżjed minn grupp rappreżentattiv wieħed ta' partijiet interessati — bħal: min jitgħallem (fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ), il-professjoni tal-għalliema (inkluż l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskola), il-ġenituri, eċċ. —

u

(b)

ikun attiv fis-setturi kollha li ġejjin:

edukazzjoni u kura bikrija tat-tfaledukazzjoni tal-iskola,

edukazzjoni ogħla

edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali

tagħlim għall-adulti

u

(c)

ikun attiv f'iżjed minn qasam transettorjali ewlieni wieħed (bħall-edukazzjoni fl-ICT, it-tagħlim tal-lingwi, l-edukazzjoni intraprenditorjali, eċċ.) li jinvolvi grupp rappreżentattiv wieħed jew iżjed ta' partijiet interessati kif deskritt hawn fuq.

Ikun stabbilit formalment, jiġifieri jkollu personalità ġuridika u jkun ilu reġistrat legalment għal mill-anqas sentejn f'Pajjiż eliġibbli fid-data meta tintbagħat l-applikazzjoni (applikanti għandhom jibagħtu kopja tal-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-organizzazzjoni tal-applikant u ċertifikat uffiċjali ta' reġistrazzjoni);

Ikollu minimu ta' 20 organizzazzjoni membru (ENGOs kif definiti fil-kategorija 1);

Ikun indipendenti minn awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u organizzazzjonijiet kummerċjali;

Ikollu mill-anqas membru wieħed tal-persunal b'salarju (ekwivalenti għal full-time).

3.   ATTIVITAJIET

Attivitajiet eliġibbli għandu jkollhom rabta diretta mal-objettivi ġenerali u speċifiċi ta' din is-Sejħa u għandhom ikunu dettaljati fi programm ta' ħidma annwali.

Din li ġejja hija lista indikattiva mhux eżawrjenti:

Attivitajiet li jħaffu l-aċċess u l-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

Skambji ta' esperjenza u prattika tajba; netwerking u sħubijiet ma' partijiet interessati oħra;

Formazzjoni ta' kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet membri, inkluż tagħlim bejn il-pari, taħriġ, konsulenza, gwida u attivitajiet ta' coaching biex titjieb l-effikaċja tal-azzjonijiet ta' politika;

Inizjattivi u avvenimenti għall-iżvilupp tas-sħubija tal-ENGO/netwerk fl-UE kollha;

Studji, analiżi, stħarriġ u rapporti tematiċi u speċifiċi għal pajjiżi dwar il-prijoritajiet tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 (Semestru Ewropew, Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għal Pajjiżi) u tal-qafas strateġiku ET 2020;

Attivitajiet ta' żieda fl-għarfien, informazzjoni, tixrid u promozzjoni (seminars, workshops, kampanji, laqgħat, dibattiti pubbliċi, konsultazzjonijiet, eċċ.) dwar prijoritajiet ta' politika tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dwar l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE (Programmi Ewropej — b'mod partikolari Erasmus+, Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment) biex jgħinu dawn il-prijoritajiet. Attivitajiet li jistabbilixxu sinerġiji bejn Erasmus+ u sorsi oħra ta' finanzjament mill-UE jew nazzjonali/reġjonali huma mħeġġa.

Proġetti ta' kooperazzjoni biex jiżdied l-impatt tal-politika fuq il-gruppi u/jew sistemi fil-mira;

L-attivitajiet jistgħu jsiru f'livell Ewropew, transkonfinali, nazzjonali, reġjonali jew lokali

4.   Baġit

Il-baġit totali tal-UE fl-2015 għall-kofinanzjament tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ huwa EUR 2 500 000.

Bħala indikazzjoni:

Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) jgħoddu madwar 90 % tal-baġit disponibbli għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ;

Netwerks ta' ENGOs tal-kategorija 2 jgħoddu madwar 10 % tal-baġit disponibbli għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

L-għotja operattiva massima annwali fl-2015 taħt Ftehim Qafas ta' Sħubija għal tliet snin tkun:

 

Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)

EUR 125 000

 

Kategorija 2: Netwerks fl-UE kollha

EUR 200 000

LOTT 2

Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili: Żgħażagħ

1.   Objettivi speċifiċi

L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ li se jkunu megħjuna skont din is-Sejħa jkunu mistennija ljagħmlu attivitajiet bil-għan li:

Issir promozzjoni għal impjiegi għaż-żgħażagħ, l-aktar permezz ta' attivitajiet li jrawmu l-iżvilupp ta' kompetenzi u ħiliet permezz ta' edukazzjoni mhux formali;

Jitrawwem it-tisħiħ taż-żgħażagħ fis-soċjetà u titrawwem il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

Jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali taż-żgħażagħ fl-Ewropa;

Jikkontribwixxu għall-iżvilupp tax-xogħol taż-żgħażagħ f'livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

Jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' politika u l-iżvilupp tagħhom li jolqtu ż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

Jagħtu promozzjoni lil tagħlim interkulturali, lir-rispett għad-diversità u l-valuri tas-solidarjetà, opportunitajiet indaqs u d-drittijiet tal-bniedem fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa;

Jippromwovu l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet fis-soċjetà.

2.   Korpi applikanti

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

 

Kategorija 1: L-Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO) għandha:

Taħdem permezz ta' struttura magħrufa formalment, magħmula minn (a) korp/segretarjat Ewropew (l-applikant) stabbilit legalment għal mill-anqas sena f'Pajjiż Eliġibbli fid-data li fiha tintbagħat l-applikazzjoni u (b) organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali (4) f'mill-anqas tnax-il Pajjiż Eliġibbli li jkollhom rabta statutorja mal-korp/segretarjat Ewropew;

Tkun attiva fil-qasam taż-żgħażagħ u tkun tmexxi attivitajiet li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-oqsma ta' azzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;

Tinvolvi żgħażagħ fit-tmexxija u l-governanza tal-organizzazzjoni.

 

Kategorija 2: Netwerk fl-UE kollha (netwerk informali) għandu:

Ikun magħmul minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u legalment awtonomi, attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u li jmexxu attivitajiet li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-oqsma ta' azzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;

Jaħdem fi sfond informali ta' governanza, magħmul minn (a) organizzazzjoni stabbilita legalment għal mill-anqas sena fid-data meta tintbagħat l-applikazzjoni f'Pajjiż Eliġibbli b'funzjonijiet ta' koordinazzjoni ta' u għajnuna lin-netwerk f'livell Ewropew (l-applikant), u (b) organizzazzjonijiet oħra stabbiliti f'mill-anqas tnax-il Pajjiż Eliġibbli;

Jinvolvi żgħażagħ fit-tmexxija u l-governanza tan-netwerk.

3.   Attivitajiet

Il-korpi applikanti għandhom jippreżentaw pjan konsistenti ta' xogħol li jintegra attivitajiet mingħajr skop ta' qligħ, immexxijin miż-żgħażagħ li jkunu adatti biex ikunu segwiti l-objettivi tas-Sejħa.

L-aktar:

Programmi mhux formali u informali ta' tagħlim u attivitajiet immirati lejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ;

Attivitajiet għal żvilupp kwalitattiv ta' xogħol għaż-żgħażagħ;

Attivitajiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta' mezzi ta' għarfien u trasparenza fil-qasam taż-żgħażagħ;

Seminars, laqgħat, workshops, konsultazzjonijiet, dibattiti minn żgħażagħ dwar politiki għaż-żgħażagħ u/jew suġġetti Ewropej;

Konsultazzjonijiet taż-żgħażagħ li jiddaħħlu fid-Djalogu Strutturat tal-qasam taż-żgħażagħ;

Attivitajiet għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika;

Attivitajiet għall-promozzjoni ta' tagħlim interkulturali u ta' għarfien fl-Ewropa;

Attivitajiet tal-midja u tal-komunikazzjoni u mezzi dwar iż-żgħażagħ u affarijiet Ewropej.

4.   Baġit

Il-baġit totali tal-UE għall-kofinanzjament tal-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ huwa EUR 3 800 000.

Bħala indikazzjoni:

Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) dedikati esklussivament għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 70 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ;

Korpi tal-kategorija 1 (ENGOs) li jkollhom skop usa' iżda li jkollhom taqsima dedikata għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 10 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ;

Korpi tal-kategorija 2 (netwerks fl-UE kollha) dedikati esklussivament għaż-żgħażagħ jgħoddu madwar 20 % tal-faxxa tal-baġit li hemm għaż-żgħażagħ.

L-għotja operattiva massima annwali tkun:

 

Kategorija 1: Organizzazzjoni Ewropea mhux governattiva (ENGO)

EUR 50 000 għall-applikazzjonijiet għal Ftehimiet Qafas ta' Sħubija

EUR 35 000 għall-applikazzjonijiet għal Għotjiet Operattivi Annwali

 

Kategorija 2: Netwerks mal-UE kollha

EUR 50 000 għall-applikazzjonijiet għal Ftehimiet Qafas ta' Sħubija

EUR 35 000 għall-applikazzjonijiet għal Għotjiet Operattivi Annwali


(1)  Għal aktar dettalji dwar il-kriterji għall-għoti, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 9 tal-Linji gwida għall-Applikanti.

(2)  Kull dokument amministrattiv ieħor meħtieġ fil-Linji gwida għall-Applikanti għandu jintbagħat b'email lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura sas-17/12/2014 (nofsinhar, ħin ta' Brussell) fl-indirizz e-Mail li ġej: Lott 1: EACEA-CIVIL-EDU@ec.europa.eu — Lott 2: EACEA-YOUTH@ec.europa.eu.

(3)  Għal aktar dettalji dwar l-annessi li għandek tissottometti, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 14 tal-Linji gwida għall-Applikanti

(4)  L-ENGO għandha tipprovdi evidenza li l-organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali kollha għandhom rabtiet statutorji mal-korp/segretarjat Ewropew.


Top