Help Print this page 

Document C2007/223/01

Title and reference
Kodiċi ta' Kondotta

OJ C 223, 22.9.2007, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Multilingual display
Text

22.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/1


Kodiċi ta' Kondotta

(2007/C 223/01)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li rat id-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-laqgħat tagħha tat-28 ta' Marzu, ta' l-24 ta' April u tat-3 ta' Lulju 2007;

Wara li rat l-Artikoli 2, 4, 6, 18 u 47 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 5 ta' l-Anness ta' l-imsemmi Statut, l-Artikoli 3 u 4 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

Peress li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet statutorji u regolamentari applikabbli, huwa opportun li jiġu kkjarifikati f'kodiċi ta' kondotta ċerti obbligi li joħorġu mill-imsemmija dispożizzjonijiet għall-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

Wara li kkonsultat mal-Qorti tal-Prim'Istanza u mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

Tiddeċiedi li tadotta l-preżenti Kodiċi ta' Kondotta:

L-Ewwel Artikolu

Prinċipji ġenerali

1.   Il-Kodiċi ta' Kondotta huwa applikabbli għall-Membri u ex Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Il-Membri għandhom jiddedikaw lilhom infushom kompletament għat-twettiq tal-mandat tagħhom.

3.   Il-Membri għandhom jastjenu, 'il barra mill-Qorti tal-Ġustizzja, minn kull kumment li jkun jista' jkun ta' ħsara għall-isem tajjeb tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li jista' jiġi interpretat bħala teħid ta' pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dibattiti li jseħħu lil hinn mir-rwol istituzzjonali tagħha.

Artikolu 2

Integrità

Il-Membri m'għandhomx jaċċettaw rigali, ta' kwalunkwe natura, li jkunu jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tagħhom.

Artikolu 3

Imparzjalità

Il-Membri għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li tkun tista' tagħti lok għal konflitt ta' interessi.

Artikolu 4

Dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji

1.   Meta jassumu l-kariga tagħhom, il-Membri għandhom jagħtu lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tagħhom.

2.   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi fformulata kif ġej: “Jiena niddikjara li l-istat tal-patrimonju tiegħi ma juri ebda interess finanzjarju tali li jikkomprometti l-imparzjalità u l-indipendenza tiegħi fil-qadi ta' dmirijieti”.

Artikolu 5

Attivitajiet oħra

1.   Jekk ikunu jridu jipparteċipaw f'attività esterna, il-Membri għandhom jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti li tagħha huma jkunu parti. Huma madankollu jintrabtu li jirrispettaw l-obbligu tagħhom ta' disponibbiltà sabiex jiddedikaw ruħhom kompletament għat-twettiq tal-mandat tagħhom.

2.   Il-Membri jistgħu jiġu awtorizzati jipparteċipaw fil-kuntest ta' tagħlim, ta' konferenza, ta' seminar jew ta' kollokju, filwaqt li ma jaċċettawx li jirċievu ħlas barra min-normali għalihom.

3.   Il-Membri jistgħu wkoll jiġu awtorizzati jeżerċitaw attivitajiet ta' natura xjentifika kif ukoll funzjonijiet onorarji mhux imħallsa f'fondazzjonijiet jew organiżmi simili fl-oqsma kulturali, artistiċi, socjali, sportivi jew karitattivi, u fi ħdan istituzzjonijiet ta' tagħlim jew ta' riċerka. Għal dan il-għan, huma jintrabtu li ma jeżerċitawx attivitajiet ta' amministrazzjoni tali li jikkompromettu l-indipendenza jew id-disponibbiltà tagħhom jew li jagħtu lok għal konflitti ta' interessi. B'fondazzjoni jew organiżmi simili, wieħed għandu jifhem istituzzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' lukru, li jmexxu attivitajiet ta' utilità pubblika fl-oqsma msemmija.

Artikolu 6

Rabta tal-Membri wara t-tmiem tal-kariga tagħhom

1.   Il-Membri, wara t-tmiem tal-kariga tagħhom, jibqgħu marbuta bid-dmir ta' diskrezzjoni.

2.   Il-Membri jintrabtu li ma jipparteċipawx, wara t-tmien tal-kariga tagħhom

b'xi mod f'kawżi li kienu pendenti quddiem il-Qorti li tagħha kienu parti fil-mument tat-tmiem tal-kariga tagħhom;

b'xi mod f'kawżi marbuta b'mod dirett u manifest ma kawżi, anki dawk magħluqa, li tagħhom ikunu ħadu konjizzjoni kemm bħala Mħallef jew bħala Avukat Ġenerali;

u għal perijodu ta' tliet snin li jibda minn dakinhar

bħala rappreżentanti ta' partijiet fil-kawża, sew jekk bil-miktub, sew jekk permezz ta' trattazzjoni orali, f'kawżi li jinstemgħu quddiem il-qrati Komunitarji.

3.   L-ex Membri jistgħu jintervjenu bħala konsulent jew perit f'kawżi oħra jew jagħtu parir ġuridiku, bil-kundizzjoni madankollu li jirrispettaw l-obbligi li joħorġu mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Applikazzjoni tal-Kodiċi

1.   Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, assistit minn kumitat konsultattiv kompost mill-iktar tliet Membri anzjani fil-kariga tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni tajba tal-preżenti Kodiċi ta' Kondotta.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassigura l-osservanza u tiddeċiedi fil-każ ta' dubju, wara li tikkonsulta, skond il-każ, mal-Qorti tal-Prim'Istanza jew mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1.   Il- Kodiċi ta' Kondotta preżenti jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2007.

2.   Id-dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji tal-Membri li jkunu għadhom fil-kariga f'din id-data għandha tingħata lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux iktar tard mit-30 ta' Novembru 2007.


Top