EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0229

Kawża T-229/17: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2017 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

OJ C 195, 19.6.2017, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/37


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2017 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-229/17)

(2017/C 195/50)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller, kif ukoll M. Winkelmüller, F. van Schewick u M. Kottmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/133, tal-25 ta’ Jannar 2017, dwar iż-żamma b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam: Karatteristiċi, evalwazzjoni ta’ konformità u mmarkar” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2017, L 21, p. 113);

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/145, tal-25 ta’ Jannar 2017, dwar iż-żamma b’restrizzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2017, L 22, p. 62);

tannulla l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2017, C 76, p. 32) sa fejn din tirreferi għall-istandard armonizzat EN 14342:2013 “Pavimentar tal-injam – Karatteristiċi, evalwation ta’ konformità u mmarkar”;

tannulla l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2017, C 76, p. 32) sa fejn din tirreferi għall-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport – Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed – Speċifikazzjoni”;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-isejjeż.

Motivi u agrumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kisret il-formalitajiet essenzjali previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 305/2011 (1). B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma adixxietx lill-kumitat stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE (2), il-konsultazzjoni tal-korp Ewropew għall-istandardizzazzjoni kkonċernat hija vvizzjata u d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma ġewx adottati “fid-dawl tal-opinjoni” tal-kumitat stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Bit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, peress li dawn ma jiħdux pożizzjoni dwar il-kwistjoni, determinanti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 305/2011, ta’ jekk l-istandards armonizzati inkwistjoni jissodisfawx il-mandat korrispondenti u jiggarantixxux l-osservanza tar-rekwiżiti fundamentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Minn dan jirriżulta li la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jiddeterminaw il-kunsiderazzjonijiet essenzjali ta’ natura legali u fattwali li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 305/2011

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet ikkontestati jiksru dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 305/2011

L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet ikkontestati jiksru l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 17(5), peress li l-Kummissjoni, bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma evalwatx il-konformità tal-istandards armonizzati inkwistjoni mal-mandati korrispondenti u b’hekk ma rrikonoxxietx l-assenza effettiva ta’ konformità tal-imsemmija standards.

It-tieni nett, id-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 18(2) moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 305/2011. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istandards inkwistjoni ma jinkludux proċeduri u kriterji għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ sustanzi perikolużi oħra u li dawn kienu għalhekk inkompleti fir-rigward ta’ karatteristika essenzjali tal-prodotti ta’ kostruzzjoni u konsegwentement kienu jippreġudikaw l-osservanza tar-rekwiżiti fundamentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Finalment, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kummissjoni wettqet żball ieħor ta’ evalwazzjoni, billi ma rrikonoxxietx il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 305/2011, li tippubblika, bir-riżervi proposti mir-rikorrenti, ir-referenzi ta’ standard armonizzat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2011, L 88, p. 5).

(2)  Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).


Top