EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0372

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Soha Sahyouni vs Raja Mamisch.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1259/2010 – Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Rikonoxximent ta’ divorzju privat miksub minn qorti reliġjuża fi Stat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.
Kawża C-372/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:988

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1259/2010 – Kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali – Rikonoxximent ta’ divorzju privat miksub minn qorti reliġjuża fi Stat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament”

Fil-Kawża C‑372/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Soha Sahyouni

vs

Raja Mamisch

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Mamisch, minn C. Wenz-Winghardt, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin kif ukoll minn E. Armoët, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Carvalho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU 2010, L 343, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Soha Sahyouni u Raja Mamisch dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija minn korp reliġjuż fi Stat terz.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1259/2010

3

Il-premessi 9 u 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 jistabbilixxu:

“(9)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi qafas legali ċar u komprensiv fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fl-Istati Membri parteċipanti, għandu jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għaċ-ċittadini f’termini ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u flessibbiltà u jipprevjeni sitwazzjoni li fiha wieħed mill-konjuġi jitlob divorzju qabel l-ieħor sabiex jiżgura li l-proċediment ikun suġġett għal liġi partikolari li hu jkun iqis bħala li l-aktar tiffavorixxi l-interessi tiegħu.

(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament (KE) [tal-Kunsill Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243)] […]

[…]”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010 jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-materji li ġejjin, anke jekk jirriżultaw sempliċiment bħala kwistjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali:

[…]”

5

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni universali”:

“Il-liġi magħżula minn dan ir-Regolament għandha tapplika irrispettivament milli tkun jew ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti.”

6

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1259/2010 jipprovdi:

“[…]

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, ftehim li jagħżel il-liġi applikabbli jista’ jiġi konkluż u modifikat fi kwalunkwe mument, iżda mhux aktar tard mill-mument meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti.

3.   Jekk il-liġi tal-forum tipprevedi hekk, il-konjuġi jistgħu jagħżlu wkoll il-liġi applikabbli quddiem il-qorti waqt il-proċedimenti. F’dak il-każ, tali għażla għandha tiġi rreġistrata fil-qorti taħt il-liġi tal-forum.”

7

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fin-nuqqas ta’ għażla taħt l-Artikolu 5, id-divorzju u s-separazzjoni legali għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Istat:

a)

fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

b)

fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

c)

li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

d)

fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti.”

8

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1259/2010 jipprovdi:

“Fejn il-liġi applikabbli taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 8 ma tipprevedix id-divorzju jew ma tagħtix lil wieħed mill-konjuġi aċċess indaqs għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali minħabba s-sess tagħhom, għandha tapplika l-liġi tal-forum.”

9

L-Artikolu 12 tal-istess regolament jipprevedi:

“L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi magħżula permezz ta’ dan ir-Regolament tista’ tiġi miċħuda biss fejn tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum.”

10

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1259/2010, “[x]ejn f’dan ir-Regolament ma għandu jobbliga lill-qrati ta’ Stat Membru parteċipanti li l-liġi tiegħu ma tipprevedix id-divorzju jew ma tikkunsidrax iż-żwieġ inkwistjoni bħala validu għall-finijiet ta’ proċedimenti ta’ divorzju sabiex jippronunċjaw divorzju permezz tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

11

L-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċedimenti legali istitwiti kif ukoll għall-ftehimiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 5 konklużi sa mill-21 ta’ Ġunju 2012.

[…]

2.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konklużi taħt il-liġi ta’ Stat Membru parteċipanti li quddiem il-qorti tiegħu jinġieb il-każ qabel il-21 ta’ Ġunju 2012.”

Ir-Regolament Nru 2201/2003

12

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti, għad-divorzju, għas-separazzjoni legali u għall-annullament taż-żwieġ.

13

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

4)

il-kelma ’sentenza [deċiżjoni]’” għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

14

L-Artikolu 107 tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (liġi dwar il-proċedura fil-qasam ta’ kawżi tal-familja u ta’ ġurisdizzjoni volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”), intitolat “Rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin fil-qasam matrimonjali”:

“(1)

Id-deċiżjonijiet barranin li permezz tagħhom żwieġ jiġi annullat, iddikjarat invalidu […] jew xolt […] jiġu rrikonoxxuti biss jekk l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti. Jekk qorti jew awtorità ta’ Stat li ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini tiegħu fid-data li tingħata d-deċiżjoni tagħti tali deċiżjoni, ir-rikonoxximent ma jkunx jiddependi minn konstatazzjoni tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land.

(2)

Għandha ġurisdizzjoni l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land li fih wieħed mill-konjuġi jkollu r-residenza abitwali tiegħu. […]

(3)

Il-gvernijiet tal-Länder jistgħu jiddelegaw, permezz ta’ leġiżlazzjoni, is-setgħat mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-amministrazzjonijiet tal-ġustizzja tal-Länder lil president ta’ Oberlandesgericht jew lil diversi minnhom […]

(4)

Id-deċiżjoni tingħata fuq talba għal dan. It-talba tista’ titressaq minn kwalunkwe persuna li turi interess ġuridiku għar-rikonoxximent.

(5)

Jekk l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tiċħad it-talba, min jagħmel it-talba jista’ jitlob lill-Oberlandesgericht sabiex tagħti deċiżjoni.

(6)

Jekk l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tikkonstata li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti, il-konjuġi li ma jkunx ressaq it-talba jista’ jitlob lill-Oberlandesgericht sabiex tagħti deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land issir effettiva man-notifika tagħha lil min jagħmel it-talba. Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land tista’ tiddeċiedi li din għandha ssir effettiva mal-iskadenza ta’ terminu stabbilit minnha.

(7)

L-awla ċivili tal-Oberlandesgericht li fiha l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land għandha s-sede tagħha, għandha ġurisdizzjoni. It-talba għal deċiżjoni ġudizzjarja ma għandhiex effett ta’ sospensjoni. It-Taqsimiet 4 u 5 kif ukoll l-Artikolu 14(1) u (2), u l-Artikolu 48(2) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura.

(8)

Id-dispożizzjonijiet ta’ qabel din huma applikabbli mutatis mutandis meta jintalab li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent ma humiex issodisfatti.

(9)

Il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma jew ma humiex issodisfatti torbot lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 108 tal-FamFG, intitolat “Rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin oħra”:

“(1)

Bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali, id-deċiżjonijiet barranin huma rrikonoxxuti mingħajr ma hija meħtieġa proċedura partikolari għal dan.

(2)

Il-partijiet li għandhom interess ġuridiku jistgħu jitolbu sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija b’kontenut mhux patrimonjali. L-Artikolu 107(9) għandu japplika mutatis mutandis. […]

(3)

Għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi fuq talba skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu (2) il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha, fid-data tal-preżentazzjoni tat-talba,

1.

il-konvenut jew il-persuna li d-deċiżjoni tirrigwarda għandha r-residenza abitwali tiegħu jew

2.

fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni skont il-punt 1, jimmanifesta ruħu interess għall-konstatazzjoni jew teżisti ħtieġa ta’ assistenza.

Dawn il-kompetenzi huma esklużivi.”

16

L-Artikolu 17(1) tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (il-liġi ta’ introduzzjoni tal-kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ, fid-29 ta’ Jannar 2013, tal-Gesetz zur Anpassung der Vorschriften des Internationalen Privatrechts an die Verordnung (EU) Nr. 1259/2010 und zur Änderung anderer Vorschriften des Internationalen Privatrechts (il-liġi li tadatta d-dritt internazzjonali privat mar-Regolament Nru 1259/2010 u li temenda dispożizzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali privat), tat-23 ta’ Jannar 2013 (BGBl. 2013 I, p. 101), kien jipprovdi:

“(1)   Id-divorzju huwa suġġett għad-dritt applikabbli għall-effetti ġenerali taż-żwieġ fid-data tat-tressiq tat-talba għal divorzju. Jekk ix-xoljiment taż-żwieġ ma huwiex possibbli abbażi ta’ dan id-dritt, id-divorzju jaqa’ taħt id-dritt Ġermaniż meta l-konjuġi attur huwa Ġermaniż f’din data jew kien fid-data meta seħħ iż-żwieġ.

(2)   Fil-Ġermanja qorti biss tista’ xxolji żwieġ.

[…]”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis-27 ta’ Mejju 1999, R. Mamisch u S. Sahyouni żżewġu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Iżlamika ta’ Homs (is-Sirja). R. Mamisch huwa, sa mit-twelid tiegħu, ta’ nazzjonalità Sirjana. Matul is-sena 1977, huwa kiseb in-nazzjonalità Ġermaniża permezz ta’ naturalizzazzjoni. Sa minn dak iż-żmien huwa għandu dawn iż-żewġ nazzjonalitajiet. S. Sahyouni hija, sa mit-twelid tagħha, ta’ nazzjonalità Sirjana. Hija kisbet in-nazzjonalità Ġermaniża permezz taż-żwieġ.

18

Sas-sena 2003, il-konjuġi kienu jgħixu fil-Ġermanja, u sussegwentement marru jgħixu Homs. Fis-Sajf tas-sena 2011, minħabba l-gwerra ċivili fis-Sirja, huma reġgħu lura l-Ġermanja għal żmien qasir, u mbagħad għexu, sa mix-xahar ta’ Frar 2012, b’mod alternat, fil-Kuwajt u fil-Libanu. Matul dan il-perijodu, huma għexu wkoll diversi drabi fis-Sirja. Fil-preżent, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali qegħdin jgħixu mill-ġdid fil-Ġermanja, f’residenzi differrenti.

19

Fid-19 ta’ Mejju 2013, R. Mamisch iddikjara li ried jiddivorzja mill-konjuġi tiegħu, billi r-rappreżentant tiegħu ppreżenta l-formula ta’ divorzju quddiem il-qorti reliġjuża tax-xarija ta’ Latakia (is-Sirja). Fl-20 ta’ Mejju 2013, din il-qorti kkonstatat id-divorzju tal-konjuġi. Fit-12 ta’ Settembru 2013, S. Sahyouni ffirmat dikjarazzjoni dwar il-prestazzjonijiet kumpensatorji li hija kellha tirċievi mingħand R. Mamisch skont il-leġiżlazzjoni reliġjuża għal ammont totali ta’ 20000 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 16945), li kienet tipprovdi kif ġej:

“[…] jien irċevejt il-prestazzjonijiet kumpensatorji kollha li kienu dovuti lili abbażi tal-kuntratt ta’ żwieġ u minħabba d-divorzju li seħħ b’mod unilaterali u nirrilaxxah b’hekk minn kull obbligu fil-konfront tiegħi abbażi tal-kuntratt ta’ żwieġ u tad-digriet ta’ divorzju tal-20 ta’ Mejju 2013 deċiż mill-qorti tax-xarija ta’ Latakia […]”

20

Fit-30 ta’ Ottubru 2013, R. Mamisch talab ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija fis-Sirja. B’deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) laqa’ din it-talba, billi kkonstata li l-kundizzjonijiet legali għar-rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni ta’ divorzju kienu ssodisfatti.

21

Fit-18 ta’ Frar 2014, S. Sahyouni talbet l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni u li jiġi deċiż li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju ma kinux issodisfatti.

22

B’deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014, il-President tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) irrifjuta li jilqa’ din l-azzjoni. Fl-imsemmija deċiżjoni, ġie enfasizzat li r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju kien irregolat mir-Regolament Nru 1259/2010, li japplika wkoll għad-divorzji deċiżi mingħajr l-involviment ta’ natura kostituttiva ta’ qorti jew ta’ awtorità pubblika (iktar ’il quddiem id-“divorzji privati”). Fl-assenza ta’ għażla valida tal-liġi applikabbli u ta’ residenza komuni abitwali tal-konjuġi waqt is-sena preċedenti għad-divorzju, il-liġi applikabbli għandha tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(c) ta’ dan ir-regolament. Meta ż-żewġ konjuġi jkollhom nazzjonalità doppja, tkun determinanti n-nazzjonalità effettiva fis-sens tad-dritt nazzjonali. Fid-data tad-divorzju inkwistjoni, din kienet in-nazzjonalità Sirjana. Huwa rrileva wkoll li l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Reoglament Nru 1259/2010 ma kienx jipprekludi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ divorzju inkwistjoni.

23

B’deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2015, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München), li kienet adita bit-tilwima, issospendiet il-proċedura u għamlet diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010. B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha bħala li manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi preliminari, minħabba li, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1259/2010 ma kienx japplika għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija fi Stat terz u li l-qorti tar-rinviju ma kienet ipprovdiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament kienu saru applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat għas-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li qorti tar-rinviju żżomm il-fakultà sabiex tressaq talba ġdida għal deċiżjoni preliminari meta hija tkun f’pożizzjoni sabiex tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi kollha li jippermettulha sabiex tagħti deċiżjoni.

24

Insostenn tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-divorzji deċiżi fi Stat terz huma rikonoxxuti fil-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 107 tal-FamFG. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ divorzji privati, huwa komunement ammess li l-qorti Ġermaniża twettaq l-eżami tal-validità tal-kundizzjonijiet sostantivi ta’ tali divorzji fid-dawl tar-Regolament Nru 1259/2010. Din il-prassi legali tirriżulta mit-tneħħija, mil-leġiżlatur Ġermaniż, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, tad-dispożizzjoni dwar id-dritt sostantiv applikabbli għad-divorzju. Tali tneħħija tistrieħ fuq il-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż, filwaqt li qies li d-divorzji privati jaqgħu wkoll taħt dan ir-regolament, qies li d-dispożizzjoni preċedenti kienet saret obsoleta, preċiżament minħabba l-eżistenza tal-imsemmi regolament.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-każijiet ta’ divorzju privat, f’dan il-każ permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża Sirjana fuq il-bażi tax-xarija, jidħlu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni previst mill-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 1259/2010]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010, fil-każijiet ta’ divorzji privati, [l-eżami] tal-Artikolu 10 tiegħu

a)

għandu jkun ibbażat in abstracto fuq paragun li minnu jirriżulta, fil-fatt, li l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 8 tagħti wkoll lill-konjuġi l-ieħor aċċess għad-divorzju, iżda li, minħabba s-sess tal-konjuġi, dan id-divorzju huwa suġġett għal kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi differenti minn dawk applikabbli għall-konjuġi l-ieħor, jew

b)

l-applikabbiltà ta’ din ir-regola tiddependi minn jekk l-applikazzjoni tad-dritt barrani, in abstracto diskriminatorja, hijiex diskriminatorja wkoll, in concreto, f’dan il-każ[?]

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għad-domanda 2(b), il-]kunsens għad-divorzju mogħti mill-konjuġi ddiskriminat — inkluż fil-forma ta’ aċċettazzjoni min-naħa tiegħu ta’ prestazzjonijiet kumpensatorji — jikkostitwixxi diġà raġuni sabiex ir-regola hawn fuq iċċitata ma tiġix applikata[?]”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’talba għal divorzju, iżda b’talba għal rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija minn awtorità reliġjuża fi Stat terz.

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ divorzju mogħtija fi Stat terz ma jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni peress li la d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/2010, la dawk tar-Regolament Nru 2201/2003 u lanqas ebda att ġuridiku ieħor tal-Unjoni ma huma applikabbli għal tali rikonoxximent (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni,C‑281/15, EU:C:2016:343, punti 2223).

28

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun rilevanti fil-każijiet fejn, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu direttament taħt id-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet mogħtija għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom ikunu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, tkun konformi ma’ dawk magħżula mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Ġermaniż, ir-Regolament Nru 1259/2010 japplika għar-rikonoxximent, fil-Ġermanja, tad-divorzji privati mogħtija fi Stat terz, bħal dak, b’mod partikolari, inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

B’mod partikolari, mill-informazzjoni pprovduta minn din il-qorti kif ukoll minn osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, ir-rikonoxximent tad-divorzji mogħtija fi Stat terz għandu jitwettaq fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 107 tal-FamFG. Konformement ma’ dik id-dispożizzjoni, ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ta’ qorti jew ta’ awtorita Statali barranin li jiddeċiedu divorzju b’mod konstituttiv għandu jingħata fl-assenza ta’ kwalunkwe eżami tal-legalità tagħhom, filwaqt li r-rikonoxximent tad-divorzji privati huwa suġġett għall-kontrol tal-validità tagħhom fir-rigward tad-dritt sostantiv tal-Istat indikat mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet rilevanti.

31

F’dan l-aħħar każ, huwa ppreċiżat li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1259/2010, id-dritt sostantiv applikabbli għad-divorzju kien iddeterminat mir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet prevista fl-Artikolu 17 tal-EGBGB, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sat-28 ta’ Jannar 2013. Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur Ġermaniż, abbażi tal-premessa li l-imsemmi regolament kien ukoll applikabbli għad-divorzji privati, qies li l-eżami tal-validità ta’ divorzju privat mogħti fi Stat terz, għall-finijiet tar-rikonoxximent tiegħu fil-Ġermanja, minn dak il-mument ’il quddiem kellu jitwettaq fid-dawl tad-dritt tal-Istat iddeterminat permezz tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbiliti bir-Regolament Nru 1259/2010.

32

Barra minn hekk, permezz tal-liġi li tadatta d-dritt internazzjonali privat għar-Regolament Nru 1259/2010 u li temenda dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt internazzjonali privat, il-leġiżlatur Ġermaniż emenda l-Artikolu 17(1) tal-EGBGB u ħassar ir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet li kienet tinsab hemmhekk u li kienet saret obsoleta. B’hekk, skont il-prassi legali Ġermaniża, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1259/2010, għall-finijiet tar-rikonoxximent, fil-Ġermanja, ta’ divorzju privat mogħti fi Stat terz, il-kundizzjonijiet sostantivi li għandu jissodisfa tali divorzju għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tad-dritt tal-Istat iddeterminat abbażi ta’ dan ir-regolament.

33

Għaldaqstant, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, jekk jirriżulta li r-Regolament Nru 1259/2010 ma japplikax għad-divorzji privati, il-kawża li hija adita biha jkollha tiġi deċiża abbażi tar-regoli ta’ kunflitt Ġermaniżi.

34

Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 tas-sentenza preżenti huma ssodisfatti u li, għaldaqstant, id-domani preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ssodisfatti.

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li divorzju li jirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

36

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni, li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, b’teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Csonka et, C‑409/11, EU:C:2013:512, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010, kulma jagħmel dan l-artikolu huwa li, fil-paragrafu 1 tiegħu jindika li, fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt tal-liġijiet, dan ir-regolament japplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-artikolu jelenka l-kwistjonijiet li huma esklużi mill-kamp ta’ applikzzjoni tal-istess regolament, “anke jekk jirriżultaw sempliċiment bħala kwistjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni legali”. Il-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu għaldaqstant ma tipprovdi ebda element utli sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “divorzju” fis-sens tiegħu.

38

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tipprovdi definizzjoni tal-kunċett ta’ “divorzju” fis-sens tiegħu. B’mod partikolari, kulma jagħmel l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament huwa li jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “Stat Membru parteċipanti” u ta’ “qorti”, u dan tal-aħħar għandu jinftiehem bħala li jiġbor fi ħdanu “l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti b’ġurisdizzjoni”.

39

Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li d-divorzji privati ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riferimenti għall-intervent ta’ “qorti” u għall-eżistenza ta’ “proċedura”, li jidhru f’diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 1(2), l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikoli 8 u 13, kif ukoll l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, jenfasizzaw li dan tal-aħħar jirrigwarda esklużivament id-divorzji mogħtija jew minn qorti Statali jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 18(1) tal-istess regolament isemmi l-“proċedimenti legali” jappoġġja din il-kunsiderazzjoni.

40

Fl-aħħar nett, skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikunu koerenti mar-Regolment Nru 2201/2003.

41

Issa, konformement mal-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan l-aħħar regolament, dan “għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal [, għad-]divorzju”. Fir-rigward tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament, dan jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-istess regolament bħala li jirrigwarda, b’mod partikolari, “[deċiżjoni ta’] divorzju […] iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni”.

42

Ma jkunx koerenti li wieħed jiddefinixxi b’mod differenti l-istess terminu ta’ divorzju użat f’dawn iż-żewġ regolamenti u, għaldaqstant li tinħoloq diverġenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv għal kull wieħed minnhom.

43

Fid-dawl ta’ dan tal-aħħar, għandu jitfakkar li kemm ir-Regolament Nru 1259/2010 kif ukoll ir-Regolament Nru 2201/2003 ġew adottati fil-kuntest tal-politika ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Barra minn hekk mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li din kienet saħansitra pprevediet, fil-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda lir-Regolament Nru 2201/2003 f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni u jistabbilixxi r-regoli dwar il-liġi applikabbli fil-qasam taż-żwieġ [COM(2006) 399], li tintroduċi fir-Regolament Nru 2201/2003 ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet fil-qasam tad-divorzju, iżda li, peress li din il-proposta ma għaddietx, dawn ir-regoli finalment iddaħħlu f’regolament ieħor, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1259/2010.

44

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1259/2010, dan jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri parteċipanti fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

45

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri parteċipanti f’tali kooperazzjoni msaħħa, kienu biss korpi ta’ natura pubblika li setgħu jadottaw deċiżjonijiet ta’ valur ġuridiku fil-qasam ikkonċernat. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li, meta adotta l-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien qiegħed jikkunsidra biss is-sitwazzjonijiet fejn id-divorzju jingħata jew minn qorti tal-Istat jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha, u li, għaldaqstant, ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li l-istess regolament japplika għal tipi oħra ta’ divorzji, bħal dawk li, bħal f’dan il-każ, jibbażaw ruħhom fuq “dikjarazzjoni ta’ rieda privata unilaterali” magħmula quddiem qorti reliġjuża.

46

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt, invokat mill-Kummisssjoni waqt is-seduta, li waqt in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 ma sar ebda riferiment għal applikazzjoni tiegħu għad-divorzji privati.

47

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li, sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010, diversi Stati Membri introduċew fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom il-possibbiltà li divorzji jingħataw mingħajr intervent ta’ awtorità Statali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inklużjoni tad-divorzji privati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun teħtieġ arranġamenti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni biss.

48

B’hekk, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “divorzju” li jidher fir-Regolament Nru 2201/2003, mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1259/2010 jirriżulta li dan ikopri biss id-divorzji mogħtija jew minn qorti Statali jew minn awtorità pubblika jew taħt il-kontroll tagħha.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1259/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li divorzju li jirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li divorzju li jirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali ta’ wieħed mill-konjuġi quddiem qorti reliġjuża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top