Help Print this page 

Document 62016CJ0247

Title and reference
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-7 ta’ Settembru 2017.
Heike Schottelius vs Falk Seifert.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ bejgħ’ – Inapplikabbiltà ta’ din id-direttiva – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Kawża C-247/16.

Digital reports (Court Reports - general)
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:638
Languages and formats available
Language of the case
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LT pdf HU pdf MT pdf PL pdf PT pdf RO pdf SL pdf FI pdf SV
 Document published in the digital reports
Multilingual display
Text

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ bejgħ’ – Inapplikabbiltà ta’ din id-direttiva – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑247/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2016, fil-proċedura

Heike Schottelius

vs

Falk Seifert

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Schottelius, minn M. Burger, avukat,

għal F. Seifert, minn M. Lorenz, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller, u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Heike Schottelius u Falk Seifert, fir-rigward tal-ispejjeż allegatament sostnuti minn H. Schottelius sabiex tagħmel tajjeb għal difetti fuq xogħol.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 7 u 10 tad-Direttiva 1999/44 jistabbilixxu:

“(6)

Billi d-diffikultajiet ewlenin li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi u s-sors ewlieni ta’ argumenti mal-bejjiegħa jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; billi huwa xieraq għal dan il-għan li tiġi approssimata l-leġislazzjoni nazzjonali li tirregola l-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum f’dan ir-rigward, mingħajr, iżda, ma’ jaffettwaw id-dispożizzjonijiet u prinċipji tal-liġi nazzjonali relatati ma’ responsabbiltà kontrattwali u mhux kontrattwali;

(7)

Billi l-oġġetti għandhom, fuq kollox, jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kontrattwali; billi l-prinċipju ta’ konformità mal-kuntratt jista’ jkun ikkunsidrat li huwa komuni għat-tradizzjonijiet nazzjonali legali differenti; billi f’ċerti tradizzjonijiet legali nazzjonali jista’ ma jkunx possibbli li wieħed jafda biss fuq dan il-prinċipju biex jiżgura livell minimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur; billi f’dawn it-tradizzjonijiet legali, b’mod partikolari, jistgħu jkunu bżonnjużi dispożizzjonijiet nazzjonali addizzjonali sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikun protett f’każijiet fejn il-partijiet ftehmu fuq termini speċifċi kontrattwali jew fejn il-partijiet kkonkludew it-termini kontrattwali jew ftehim li direttament jew indirettament jirrinunzjaw jew jirrestrinġu d-drittijiet tal-konsumatur u li, għall-estent li dawn id-drittijiet jirriżultaw minn din id-Direttiva, ma jorbtux lill-konsumatur;

[…]

(10)

Billi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom ikunu ntitolati li l-oġġetti tagħhom jiġu rrestawrati għall-konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, billi jagħżlu bejn tiswija u tibdil, jew, jekk dan ma jsirx, li l-prezz jitnaqqas jew il-kuntratt jitħassar”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jiddisponi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

konsumatur: għandu jfisser kull persuna naturali li, fil-kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qiegħed jaġixxi għall-għanijiet li m’humiex relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu;

[…]

(ċ)

bejjiegħ: għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratt, ibiegħ oġġetti tal-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni tiegħu;

[…]

4.   Il-kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti għandhom jinftiehmu wkoll li huma kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konformità mal-kuntratt”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

[…]

5.   Kull nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn installazzjoni mhux korretta ta’ l-oġġetti ta’ konsum għandu jinftiehem li hu ekwivalenti għal nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt ta bejgħ ta’ l-oġġetti u l-oġġetti kienu installati mill-bejjiegħ jew kien risponsabbli għalih hu. Dan għandu jgħodd jekk il-prodott, maħsub li jkun installat mill-konsumatur, ikun installat mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina hija minħabba nuqqas fl-istruzzjonijiet ta’ l-installazzjoni.”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”:

“1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

3.   Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.

[…]

Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

[…]

5.   Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil,

jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli,

jew

jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.”

Id-dritt Ġermaniż

7

Id-Direttiva 1999/44 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż, fil-kuntest tar-riforma tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), permezz tal-Gesetz zur Modernisierung des Schuldrechts (liġi ta’ mmodernizzar tad-dritt fuq l-obbligazzjonijiet) tas-26 ta’ Novembru 2001 (BGBl. 2001 I, p. 3138), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

8

L-Artikolu 280 tal-BGB, intitolat “Danni għall-ksur ta’ obbligu kuntrattwali”, jiddisponi:

“1.   Jekk id-debitur jikser obbligu kuntrattwali, il-kreditur jista’ jitlob kumpens għad-dannu li jirriżulta minn dan. […]

[…]

3.   Il-kreditur jista’ biss jitlob kumpens minflok l-eżekuzzjoni tal-obbligu fil-kundizzjoni supplimentari msemmija fl-Artikoli 281, 282 jew 283.”

9

L-Artikolu 281 tal-BGB, intitolat “Kumpens minflok l-eżekuzzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk id-debitur ma jeżegwixxix obbligu eżiġibbli jew jekk jeżegwixxi dan b’mod mhux konformi, il-kreditur jista’ jitlob kumpens minflok l-eżekuzzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 280(1), jekk ikun iffissa, mingħajr suċċess, fil-konfront tad-debitur, terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni jew għat-tiswija. […]”

10

Skont l-Artikolu 323 tal-BGB, intitolat “Ħall tal-kuntratt minħabba f’eżekuzzjoni mhux konformi jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu”:

“1.   Jekk id-debitur ma jeżegwixxix jew jekk jeżegwixxi b’mod mhux konformi obbligu eżiġibbli li jirriżulta minn kuntratt sinallagmatiku, il-kreditur jista’ jħoll il-kuntratt, jekk ikun iffissa, mingħajr suċċess, fil-konfront tad-debitur, terminu raġonevoli għall-eżekuzzjoni jew għat-tiswija.

[…]”

11

L-Artikoli 634, 636 u 637 tal-BGB jinsabu fis-subtitolu 1 tat-titolu 9 tat-taqsima 8 tal-ktieb 2 ta’ dan, li huwa intitolat “Kuntratt ta’ impriża”.

12

L-Artikolu 634 tal-BGB, intitolat “Drittijiet tal-iżviluppatur tal-proġett fil-każ ta’ nuqqas”, jipprevedi:

“Jekk ix-xogħol huwa difettuż, l-iżviluppatur tal-proġett jista’, meta jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet li ġejjin u sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor,

[…]

2.

jagħmel tajjeb huwa stess għal dan in-nuqqas u jeżiġi r-rimbors tal-ispejjeż neċessarji konfomement mal-Artikolu 637,

3.

jħoll il-kuntratt konformement mal-Artikoli 636, 323 u 326(5) […] u

4.

jitlob kumpens konformement mal-Artikoli 636, 280, 281, 283 u 311a […]”

13

L-Artikolu 637 tal-BGB, intitolat “Eżekuzzjoni mill-iżviluppatur tal-proġett”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-iżviluppatur tal-proġett jista’, fil-każ ta’ nuqqas fix-xogħol wara l-iskadenza tat-terminu raġonevoli ffissat minnu għat-tiswija, huwa stess jagħmel tajjeb għad-difett u jeżiġi r-rimbors tal-ispejjeż neċessarji, sakemm din it-tiswija ma tkunx ġustament miċħuda mill-imprenditur.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Ir-raġel ta’ H. Schottelius inkariga lil F. Seifert, imprenditur, bit-tiġdid tal-pixxina li tinsab fil-ġnien tal-koppja. L-aċċettazzjoni tax-xogħol seħħ matul is-sena 2011, bil-ħlas tal-ammont dovut għal dan.

15

Jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, minn naħa, l-art li fuqha kienet mibnija din il-pixxina tappartjeni lil H. Schottelius, u għalhekk hija kienet is-sid, u li, min-naħa l-oħra, permezz ta’ kuntratt tat-3 u tal-4 ta’ Novembru 2011, żewġha taha d-drittijiet ta’ garanzija li huwa kellu fir-rigward tal-imprenditur. Madankollu, ma huwiex ċar minn dan il-proċess li F. Seifert kien oriġinarjament biegħ din il-pixxina lil H. Schottelius u r-raġel tagħha.

16

Mat-tlestija tax-xogħol ta’ tiġdid ta’ din l-istess pixxina, dehru numru ta’ difetti, li setgħu biss jiġu osservati matul l-użu ta’ dan il-proġett. Dawn id-difetti, b’mod partikolari, kienu jeffettwaw is-sistema tat-tindif u l-pompa. H. Schottelius u r-raġel tagħha talbu lil F. Seifert sabiex jagħmel tajjeb għal dawn id-difetti. Peress li dan tal-aħħar ma weġibx għal din it-talba, H. Schottelius tat bidu għal proċedura awtonoma għal ġbir ta’ provi fir-rigward ta’ dawn id-difetti.

17

Skont l-atti tal-proċess li tiddisponi minnhom il-Qorti tal-Ġustizzja, espert ikkonstata, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-eżistenza ta’ difetti serji u n-nuqqas ta’ konformità, mill-imprenditur, mal-istandards normali tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet ta’ tiswija tal-proġett fl-aħħar nett saru mir-raġel ta’ H. Schottelius, bl-għajnuna ta’ ħabib. Sabiex setgħat tagħmel dan, il-persuna kkonċernata kellha tixtri l-materjal neċessarju.

18

Sussegwentement, ir-rikorrenti fetħet kawża fil-konfront ta’ F. Seifert għall-ħlas tal-ispejjeż relatati ma’ dawn it-tiswijiet.

19

Il-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) ikkunsidrat li, bħala prinċipju, din il-kawża ma kellhiex tintlaqa’ peress li r-regoli nazzjonali kollha li setgħu jkunu applikabbli f’dan il-każ jeħtieġu li l-konsumatur jiffissa espressament terminu supplimentari sabiex l-imprenditur ikun jista’ jagħmel tajjeb għad-difetti, sakemm l-iffissar ta’ tali terminu huwa wieħed superfluwu, ħaġa li l-fatti u l-provi prodotti fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma jippermettux li jiġi kkonstatat. Issa, dan it-terminu kien ġie ffissat fil-ħin mhux minn H. Schottelius, detentriċi tad-drittijiet ta’ garanzija, iżda biss minn żewġha, u dan permezz ta’ ittra ta’ avukat tas-16 ta’ Novembru 2011. Barra minn hekk, l-intimazzjoni effettwata mir-raġel tal-persuna kkonċernata, bħala terz, peress li huwa kien assenja d-drittijiet tiegħu ta’ garanzija lil din tal-aħħar, ma huwiex validu taħt id-dritt Ġermaniż. Skont H. Schottelius, F. Seifert, fi kwalunkwe każ, kien ingħata terminu suffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għad-difetti inkwistjoni.

20

Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, iċ-ċaħda tar-rikors li hija kienet adita biha ma tkunx neċessarja jekk, konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, moqri flimkien, b’mod partikolari, mal-premessi 7 u 10 ta’ dan tal-aħħar, u kuntrarjament għal dak li huwa previst mid-dritt Ġermaniż, jirriżulta mill-prinċipju ta’ konformità mas-servizz fil-kuntratt li l-iffissar, mill-konsumatur, ta’ terminu għall-eliminazzjoni tad-difetti ma jikkostitwixxix kundizzjoni sabiex tkun tista’ tinvoka drittijiet ta’ garanzija sekondarji li jirriżultaw minn dawn id-difetti.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44/KE […] jista’ jiġi dedott prinċipju tad-dritt Ewropew tal-konsum li permezz tiegħu, fil-kuntratti kollha relatati ma’ oġġetti ta’ konsum konklużi bejn konsumaturi u persuni li ma għandhomx l-istatus ta’ konsumatur, huwa biżżejjed, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet għal garanzija sekondarji, li l-persuna li ma għandhiex l-istatus ta’ konsumatur, li hija marbuta bl-obbligu ta’ garanzija, ma tkunx tat kumpens f’terminu raġonevoli, mingħajr ma jkun neċessarju l-iffissar espress ta’ terminu għall-eliminazzjoni tad-difett, u li permezz tiegħu id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward għandhom ukoll jiġu interpretati f’dan is-sens, pereżempju fil-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol dwar oġġetti ta’ konsum u, għaldaqstant jiġu suġġetti, skont il-każ, għal applikazzjoni restrittiva?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li, konformement ma’ prinċipju ta’ dritt tal-Unjoni f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex konsumatur li jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ kuntratt dwar oġġett ta’ konsum ikun jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu ta’ garanzija sekondarji, huwiex biżżejjed li l-bejjiegħ ma jkunx ipprovda kumpens għad-danni fi żmien raġonevoli, mingħajr ma l-iffissar ta’ terminu mill-konsumatur għall-eliminazzjoni tad-difett ma huwa neċessarju.

23

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea qajjmu eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni f’din il-kawża. Skont dan il-gvern u din l-istituzzjoni, id-Direttiva 1999/44 ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali sa fejn, b’mod partikolari, il-kuntratt ikkonċernat ma huwiex “kuntratt ta’ bejgħ” fis-sens tad-direttiva, iżda “kuntratt ta’ impriża”. Madankollu, dan l-aħħar tip ta’ kuntratt ma huwiex irregolat minn din id-direttiva.

24

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett jeħtieġ li jiġi rrilevat li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-3 ta’ Lulju 2014, Tudoran, C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Szabó, C‑204/14, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2220, punt 16).

25

Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita sewwa li l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma effettivament applikabbli fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631, punt 13, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ April 2016, Târșia, C‑328/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:273, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44. Għalhekk, hija titlaq mill-premessa li din id-direttiva tapplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27

It-tieni nett, jidher mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, “kuntratt ta’ impriża”.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompetenti sabiex tirrispondi d-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 1999/44 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tapplika għal kuntratt ta’ impriża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiż għat-tiġdid ta’ pixxina minn imprenditur.

29

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 1999/44, minkejja li ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ bejgħ”, tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħħa għal dan tal-aħħar.

30

Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva li l-għan ta’ din hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-“bejgħ” u tal-garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll minn din id-direttiva, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(2) tagħha, li jiddefinixxi, b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ”, li din tapplika biss għall-bejgħ konkluż bejn bejjiegħ professjonali u xerrej konsumatur.

31

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet (C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, jekk it-test tad-Direttiva 1999/44 ma jagħti l-ebda definizzjoni tat-terminu “kuntratt ta’ bejgħ”, huwa lanqas ma jagħmel riferiment għal-liġijiet nazzjonali għal dak li jikkonċerna t-tifsira li għandha tingħata lil dan it-terminu. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, dan għandu jitqies bħala li jirreferi għal kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Brüstle, C‑34/10, EU:C:2011:669, punt 26).

33

Sabiex jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, jekk kuntratt ta’ impriża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinvolvi l-provvista ta’ servizzi, jistax jitqies bħala “kuntratt ta’ bejgħ” fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar tiddetermina espressament il-kuntratti, li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi, li jistgħu jitqiesu bħala bejgħ.

34

Fil-fatt, jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44 kif ukoll mill-kuntest ta’ din li l-kunċett ta’ “bejgħ” jestendi biss għal ċerti kuntratti li jistgħu jaqgħu taħt klassifikazzjonijiet oħra skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, jiġifieri dawk tal-kuntratti ta’ servizz jew ta’ impriża.

35

Għalhekk, minn naħa, konformement mal-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva “[l]-kuntratti għall-forniment ta’ oġġetti tal-konsum li għandhom ikunu manifatturati jew prodotti għandhom jinftiehmu wkoll li huma kuntratti ta’ bejgħ”. Għaldaqstant, il-kuntratt intiż għall-bejgħ ta’ oġġett li l-ewwel nett irid ikun immanifatturat jew prodott mill-bejjiegħ, jirrileva mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 1999/44 iqis in-nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn installazzjoni mhux korretta tal-oġġett ta’ konsum bħala nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-oġġett peress li, b’mod partikolari, l-installazzjoni tagħmel parti mill-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dan l-oġġett. Għalhekk, is-servizz ta’ installazzjoni tal-oġġett, peress li huwa marbut mal-bejgħ, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

37

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, minn naħa, li d-Direttiva 1999/44 tapplika mhux biss esklużivament għall-kuntratti ta’ bejgħ stricto sensu, iżda wkoll għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti li jinvolvu provvista ta’ servizzi, li, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, jistgħu jiġu kklassifikati bħala kuntratti ta’ servizz jew ta’ impriża, jiġifieri kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti ta’ konsum li għandhom jiġu mmanifatturati jew prodotti kif ukoll il-kuntratti li jipprevedu għall-installazzjoni ta’ tali oġġetti marbuta mal-bejgħ.

38

Min-naħa l-oħra, sabiex dawn il-kategoriji ta’ kuntratti, li jinvolvu provvista ta’ servizzi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kuntratt ta’ bejgħ” fis-sens ta’ din id-direttiva, il-provvista ta’ servizzi għandha tkun biss anċillari għall-bejgħ.

39

Fir-raba’ lok, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ bejgħ” fis-sens tad-Direttiva 1999/44 hija kkorroborata mix-xogħol preparatorju għal din id-direttiva kif ukoll mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija, iffirmat fi Vjenna fil-11 ta’ April 1980, li fuqha din id-direttiva hija bbażata.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum [COM(95) 520 finali], ippreżentata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Awwissu 1996 (ĠU 1996, C 307, p. 8) li “l-kumplessità u [d]-diversità tal-provvisti ta’ servizzi ma tistax tiġi sempliċement estiża għas-servizz tar-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti.” Għalhekk, minħabba fil-karatteristiċi speċjali tagħhom, bħala prinċipju, is-servizzi ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44.

41

L-assimilazzjoni espliċita ta’ ċerti kategoriji ta’ kuntratti, li jinvolvu kemm bejgħ kif ukoll provvista ta’ servizzi, hekk kif imsemmi fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, huwa spjegat, b’mod partikolari, mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex, fl-ewwel lok, jittrattaw id-diffikultà għall-konsumatur li jiddistingwi bejn dawn iż-żewġ servizzi pprovduti mill-professjonist u, fit-tieni lok, jiżguraw, konformement mal-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

42

Fil-fatt, il-proposta ta’ direttiva msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza tippreċiża, għal dan il-għan, li l-installazzjoni ta’ oġġetti relatati mal-bejgħ għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva peress li, minn naħa, hemm id-diffikultà, fil-prattika, li ssir distinzjoni bejn il-provvista ta’ servizzi, li tikkonsisti fl-installazzjoni tal-oġġetti, fil-bejgħ tagħhom, u min-naħa l-oħra, hemm in-neċessità li l-konsumatur jiġi protett bl-istess mod.

43

Għal dak li jirrigwarda l-assimilazzjoni mal-kuntratt ta’ bejgħ tal-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti ta’ konsum li għandhom jiġu mmanifatturati jew prodotti, imsemmija fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44, dan kien ġie introdott sa mill-ewwel qari tal-proposta għal direttiva mill-Parlament, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, sabiex b’mod partikolari jirriflettu, id-diffikultà fil-klassifikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti, li tinvolvi kemm l-obbligu li tagħmel, fil-kuntratti ta’ impriża u ta’ servizzi, u l-obbligu li tipprovdi oġġett, li hija l-karatteristika tal-kuntratt ta’ bejgħ.

44

F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li H. Schottelius u żewġha talbu lil F. Seifert, imprenditur, sabiex iġedded il-pixxina tagħhom. Għal dan il-għan, huma ffirmaw kuntratt ta’ impriża ma’ dan tal-aħħar. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, l-imprenditur begħilhom oġġetti differenti li kienu neċessarji għat-tiġdid ta’ din il-pixxina, bħal, b’mod partikolari, sistema ta’ filtrazzjoni mgħammra b’pompa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ dawn l-oġġetti tikkostitwixxi l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt ta’ impriża u li l-bejgħ ta’ dawn huwa biss aċċessorju fir-rigward ta’ din il-provvista ta’ servizzi.

45

Barra minn hekk, fid-dawl tal-elementi tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kuntratt ta’ impriża lanqas jista’ jkun ikkwalifikat bħala kuntratt ta’ “provvista ta’ oġġetti ta’ konsum li għandhom jiġu mmanifatturati jew prodotti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 1999/44, peress li l-oġġetti neċessarji għat-tiġdid tal-pixxina kkonċernata la għandhom ikunu mmanifatturati u lanqas prodotti mill-imprenditur.

46

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li kuntratt ta’ impriża, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix “kuntratt ta’ bejgħ” fis-sens tad-Direttiva 1999/44 u konsegwentement ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

47

Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover).

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Hannover (qorti reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ April 2016.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top