EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0074
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 27 June 2017.#Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania v Ayuntamiento de Getafe.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado Contencioso-Administrativo No 4 de Madrid.#Reference for a preliminary ruling –– State aid –– Article 107(1) TFEU –– Meaning of ‘State aid’ — Meaning of ‘undertaking’ and ‘economic activity’ –– Other conditions for the application of Article 107(1) TFEU –– Article 108(1) and (3) TFEU –– Meaning of ‘new aid’ and ‘existing aid’ –– Agreement of 3 January 1979 between the Kingdom of Spain and the Holy See — Tax on construction, installations and works –– Exemption for buildings belonging to the Catholic Church.#Case C-74/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Ġunju 2017.
Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania vs Ayuntamiento de Getafe.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(1) u (3) TFUE – Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 konkluż bejn ir-Renju ta’ Spanja u s-Santa Sede – Taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet – Eżenzjoni favur proprjetà immobbli tal-Knisja Kattolika.
Kawża C-74/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Ġunju 2017.
Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania vs Ayuntamiento de Getafe.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Madrid.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(1) u (3) TFUE – Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 konkluż bejn ir-Renju ta’ Spanja u s-Santa Sede – Taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet – Eżenzjoni favur proprjetà immobbli tal-Knisja Kattolika.
Kawża C-74/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:496
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
27 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’ — Kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE — Artikolu 108(1) u (3) TFUE — Kunċetti ta’ ‘għajnuna eżistenti’ u ta’ ‘għajnuna ġdida’ — Ftehim tat-3 ta’ Jannar 1979 konkluż bejn ir-Renju ta’ Spanja u s-Santa Sede — Taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet — Eżenzjoni favur proprjetà immobbli tal-Knisja Kattolika”
Fil-Kawża C‑74/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Frar 2016, fil-proċedura
Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania
vs
Ayuntamiento de Getafe,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, M. Vilaras u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, minn M. Muñoz Pérez u A. Fanjul Guerricaechevarría, avukati, |
— |
għall-Ayuntamiento de Getafe, minn L. López Díez, avukat, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull u A. Rubio González, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Luengo, P. Němečková u F. Tomat, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (Comunidad de Casa de Escuelas Pías de Getafe, PP. Escolapios) [kongregazzjoni tal-iskejjel reliġjużi tal-provinċja ta’ Betania (komunità tad-djar tal-iskejjel reliġjużi ta’ Getafe, il-Pjaristi), iktar ’il quddiem il-“kongregazzjoni”] u l-ayuntamiento de Getafe (muniċipalità ta’ Getafe, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità”) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar tat-talba tal-kongregazzjoni intiża li tikseb ir-rimbors ta’ somma li hija ħallset skont it-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet (iktar ’il quddiem l-“ICIO”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
L-Artikolu IV tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979”) jipprovdi: “1. Is-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn tal-kongregazzjonijet u ta’ ordnijiet reliġjużi u tal-istituti ta’ ħajja sagra, il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw, bid-dritt, mill-eżenzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
4 |
Konformement mal-Artikolu VI ta’ dan il-ftehim: “Is-Santa Sede u l-Gvern Spanjol jobbligaw ruħhom li jirriżolvu bi qbil komuni l-ambigwitajiet u d-diffikultajiet li jistgħu jirriżultaw mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni tal-artikoli ta’ dan il-Ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji inklużi fih.” |
Id-dritt Spanjol
5 |
L-ICIO hija taxxa muniċipali li kienet stabbilita bil-Ley 39/1988 reguladora de las Haciendas Locales (Liġi 39/1988 li tirregola l-finanzi lokali), tat‑28 ta’ Diċembru 1988 (BOE Nru 313, tat‑30 ta’ Diċembru 1988, p. 36636). Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kienet irregolata bl-Artikoli 100 sa 103 tar-Real Decreto Legislativo 2/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Reguladora de las Haciendas Locales (Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2004, li fassal mill-ġdid il-liġi li tirregola l-finanzi lokali), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 59, tad‑9 ta’ Marzu 2004, p. 10284, iktar ’il quddiem it-“test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali”). |
6 |
Skont l-Artikolu 100(1) tat-test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali: “L-[ICIO] hija taxxa indiretta imposta fuq it-tlestija ta’ kull kostruzzjoni, installazzjoni jew xogħol, fit-territorju muniċipali, suġġett għall-kisba ta’ permess tal-bini, irrispettivament minn jekk ikunx inkiseb jew le, jew għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà jew ta’ informazzjoni minn qabel, sakemm il-ħruġ tal-permess jew tal-kontroll ikun jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità muniċipali li timponi t-taxxa.” |
7 |
Konformement mal-Artikolu 101(1) ta’ dan it-test: “Huma suġġetti għal din it-taxxa bħala persuni taxxabbli l-persuni fiżiċi, il-persuni ġuridiċi jew l-entitajiet [...] li huma l-iżviluppaturi tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, tal-installazzjonijiet jew tax-xogħlijiet, irrispettivament minn jekk jaġixxux f’isem is-sidien tal-proprjetà immobbli li qegħdin isiru x-xogħlijiet fuqha, jew le. Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, huwa meqjus bħala żviluppatur tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, tal-installazzjonijiet jew tax-xogħlijiet dak li huwa responsabbli għall-ispejjeż għat-tlestija.” |
8 |
Il-ministeru tal-finanzi Spanjol, permezz tal-Orden por la que se aclara la inclusión del Impuesto sobre Construcciones, Instalaciones y Obras en la letra B) del apartado l del articulo IV del Acuerdo entre el Estado Español y la Santa Sede sobre Asuntos Económicos, de 3 de enero de 1979 (digriet li jispeċifika l-inklużjoni tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979), tal‑5 ta’ Ġunju 2001 (BOE Nru 144, tas‑16 ta’ Ġunju 2001, p. 21427, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001”), jispeċifika, fl-ewwel punt tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, li l-ICIO “taqa’ taħt it-taxxi reali jew fuq il-produzzjoni msemmija fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979” u, fit-tieni punt ta’ dan id-dispożittiv, li s-“Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn, il-kongregazzjonijet u ordnijiet reliġjużi u l-istituti ta’ ħajja sagra u l-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-[ICIO]”. |
9 |
Bħalma tispeċifika l-qorti tar-rinviju, dan id-digriet irrikonoxxa, favur il-Knisja Kattolika, eżenzjoni sħiħa mill-ICIO fir-rigward tal-proprjetà immobbli miżmuma minnha, indipendentement min-natura tal-attivitajiet li ġew assenjati għalihom. |
10 |
L-Orden EHA/2814/2009 por la que se modifica la Orden de 5 de junio de 2001, por la que se aclara la inclusión del Impuesto sobre Construcciones, Instalaciones y Obras en la letra B) del apartado 1 del artículo IV del Acuerdo entre el Estado Español y la Santa Sede sobre asuntos económicos, de 3 de enero de 1979 (Digriet EHA/2814/2009 li jemenda d-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jispeċifika l-inklużjoni tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim dwar affarijiet ekonomiċi, konkluż bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede fit‑3 ta’ Jannar 1979), tal‑15 ta’ Ottubru 2009 (BOE Nru 254, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, p. 88046, iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009”), issostitwixxa t-tieni punt tad-dispożittiv tad-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 bit-test li ġej: “Is-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn tal-kongregazzjonijet u ta’ ordnijiet reliġjużi u tal-istituti ta’ ħajja sagra, il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-[ICIO] għall-proprjetà immobbli kollha li hija eżentata mill-Kontribuzzjoni Territorjali Urbana (bħalissa, it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli).” |
11 |
Bħalma jsegwi mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, minn din l-emenda kien jirriżulta li l-Knisja Kattolika kienet tibbenefika minn eżenzjoni mill-ICIO li tapplika għall-proprjetà immobbli intiża għal finijiet esklużivament reliġjużi biss. |
12 |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009 ġie annullat b’sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2013 tal-Awla għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi tal-Audiencia Nacional (qorti ċentrali, Spanja) u li dan l-annullament ġie kkonfermat b’sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2014 tal-Awla għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), għar-raġuni, b’mod partikolari, li dan id-digriet naqqas il-portata tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Il-kongregazzjoni hija inkluża fir-reġistru tal-entitajiet reliġjużi mal-ministeru tal-ġustizzja Spanjol u tibbenefika mill-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979. Hija proprjetarja ta’ numru ta’ binjiet f’Getafe, fosthom l-iskola “La Inmaculada” li hija tamministra. |
14 |
Fl‑4 ta’ Marzu 2011, il-kongregazzjoni talbet permess għall-konverżjoni u għall-estensjoni tal-bini tas-sala tal-imsemmija skola, intiża għaż-żamma, b’mod partikolari, ta’ laqgħat, korsijiet u konferenzi, sabiex tiġi attrezzata b’450 siġġu. L-imsemmi permess ingħata fit‑28 ta’ April 2011, u l-kongregazzjoni ħallset l-ICIO fl-ammont ta’ EUR 23730.41. |
15 |
Sussegwentement, il-kongregazzjoni ppreżentat talba għar-rimbors ta’ dan l-ammont, peress li qieset li hija kienet eżentata mill-ħlas ta’ din it-taxxa skont id-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jimplementa l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979. |
16 |
Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2013 tal-Órgano de Gestión Tributaria (l-awtorità tat-taxxa) tal-muniċipalità, peress li din qieset li l-imsemmija eżenzjoni ma kinitx applikabbli, għar-raġuni li din kienet intalbet għal attività tal-Knisja Kattolika mingħajr ebda skop reliġjuż. |
17 |
Il-kongregazzjoni tikkontesta din id-deċiżjoni, ikkonfermata fl-istanza ta’ rtirar, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, billi targumenta li l-ammont imħallas bħala ICIO ma kienx dovut, u dan għaliex l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżentaha minn din it-taxxa, indipendentement mill-użu tal-proprjetà immobbli li tikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmija taxxa. |
18 |
Il-muniċipalità tirribatti li, skont id-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2009, l-eżenzjoni mill-ICIO tapplika biss għall-proprjetà immobbli eżentata mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli minħabba li hija intiża għall-finijiet reliġjużi tal-Knisja Kattolika u li, fin-nuqqas ta’ tali limitazzjoni, fid-dawl tal-importanza tal-eżerċizzju, minn din il-Knisja, ta’ attivitajiet ekonomiċi (amministrazzjoni ta’ skejjel, sptarijiet, eċċ), tali eżenzjoni tista’ tirriżulta li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li l-kwistjoni tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika qatt ma tqajmet quddiem il-qrati Spanjoli, il-Kummissjoni Ewropea madankollu kienet adita b’din il-kwistjoni iżda ma ħaditx pożizzjoni definittiva dwarha. Dik il-qorti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija eżenzjoni ma hijiex, kuntrarjament għal dak li qieset dik l-istituzzjoni, limitata għall-installazzjonijiet, għall-kostruzzjoni u għax-xogħlijiet li jappartjenu għall-Knisja Kattolika u magħmula għal finijiet esklużivament reliġjużi. |
20 |
Filwaqt li tagħmel riferiment ukoll għall-punti 19 sa 23 tas-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa et Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika, anki meta l-proprjetà immobbli kkonċernata b’din il-miżura tkun intiża għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika minnha, tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva provinċjali Nru 4 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-eżenzjoni lill-Knisja Kattolika [mill-ICIO] fir-rigward ta’ kostruzzjoni, installazzjonijiet u xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-iżvilupp ta’ attivitajiet eknomiċi li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż tmur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
22 |
Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Skont dan il-gvern, minn naħa, id-domanda preliminari hija ipotetika, sa fejn, mingħajr ma tistabbilixxi rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, hija intiża li tikseb opinjoni konsultattiva ġenerali dwar l-eżenzjoni mill-ICIO li tibbenefika minnha l-Knisja Kattolika fid-dawl tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat. |
23 |
Min-naħa l-oħra, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha lakuni kbar f’dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domanda magħmula. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda deskrizzjoni tal-attività mmexxija mill-kongregazzjoni, b’mod partikolari fil-proprjetà immobbli kkonċernata bl-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas tal-istruttura u tal-organizzazzjoni ekonomika tagħha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju naqset milli tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha biex tqis li kien meħtieġ li tagħmel id-domanda preliminari. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57). |
26 |
F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn l-eżiġenzi japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 20). |
27 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti wkoll li l-qorti nazzjonali tindika r-raġunijiet speċifiċi li wassluha sabiex tistaqsi lilha nfisha dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 21). |
28 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita b’mod partikolari bil-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 107 TFUE jipprekludix li l-kongregazzjoni tkun tista’ tibbenefika, skont id-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, li jimplementa l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
29 |
Minn dik id-deċiżjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors ippreżentat quddiemha, hija għandha tivverifika l-konformità ta’ tali eżenzjoni mal-Artikolu 107 TFUE, liema dubji li hija għandha f’dan ir-rigward joħorġu b’mod ċar mill-imsemmija deċiżjoni. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda problema ipotetika jew ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
31 |
It-tieni nett, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, tad-dritt fiskali Spanjol kif ukoll tal-prassi amministrattiva u l-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom, u l-Gvern Spanjol ma jidentifika, madankollu, ebda punt li huwa utli sabiex tinftiehem il-kawża u li l-qorti tar-rinviju naqset milli ssemmi. |
32 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-qafas fattwali, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni suffiċjenti sabiex tinftiehem kemm id-domanda preliminari kif ukoll il-portata tagħha. |
33 |
Għaldaqstant għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Din id-deċiżjoni, barra minn hekk, ippermettiet lill-partijiet interessati, imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, konformement ma’ din id-dispożizzjoni. |
34 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
35 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni tal-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE. |
36 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Biovet, C‑306/14, EU:C:2015:689, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet sottomessi mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni, hemm lok, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata tali elementi utli ta’ interpretazzjoni, li tingħata risposta għad-domanda magħmula fid-dawl mhux biss tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda wkoll tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE. |
Fuq il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53). |
39 |
Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE, ikopru l-attivitajiet tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punti 27 u 28, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 88). |
40 |
Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, fl-ewwel lok, jekk il-kongregazzjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE; fit-tieni lok, jekk l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex it-tendenza li tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lill-kongregazzjoni; fit-tielet lok, jekk din il-miżura tikkostitwixxix intervent mill-Istat Spanjol jew permezz ta’ riżorsi ta’ dan l-Istat u, fl-aħħar nett, jekk l-imsemmija eżenzjoni tistax tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. |
Fuq il-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika”
41 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-mezz ta’ finanzjament tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 107). |
42 |
Minn dan isegwi li n-natura pubblika jew privata tal-entità li teżerċita l-attività inkwistjoni ma tistax tinfluwenza l-kwistjoni dwar jekk din l-entità għandhiex il-kwalità ta’ “impriża” jew le. |
43 |
Barra minn hekk, sakemm l-attività inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”, il-fatt li din tkun eżerċitata minn komunità reliġjuża ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, fosthom dawk li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Steymann, 196/87, EU:C:1988:475, punti 9 u 14). |
44 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, għandha tiġi eżaminata n-natura ta’ dawn l-attivitajiet, u l-klassifikazzjoni ta’ “attività ekonomika” trid tiġi eżaminata għal kull waħda mid-diversi attivitajiet eżerċitati mill-istess entità partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 75, u tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25). |
45 |
Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108). |
46 |
Il-fatt li l-offerta ta’ prodotti jew ta’ servizzi ssir mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn it-tranżazzjonijiet fis-suq jkollha titqies li hija impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħrajn li jkollhom skop ta’ lukru (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27). |
47 |
Jikkostitwixxu servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi” is-servizzi normalment mogħtija bi ħlas. Il-karatteristika essenzjali tal-ħlas hija li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-korsijiet mogħtija minn istituzzjonijiet edukattivi ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati li ma jiġux mill-fornitur tas-servizzi stess, jikkostitwixxu servizzi, peress li l-għan ta’ dawn l-istabbilimenti huwa, fil-fatt, li joffru servizz bi ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 40, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 69). |
49 |
Ma huwiex meħtieġ li dan il-finanzjament privat ikun żgurat prinċipalment mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, sa fejn in-natura ekonomika ta’ attività ma tiddependix mill-fatt li s-servizz jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 41, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 70). |
50 |
Madankollu, dan ma japplikax għal korsijiet ipprovduti minn ċerti istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika u li huma ffinanzjati, totalment jew prinċipalment, minn fondi pubbliċi. Fil-fatt, billi jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ tali sistema ta’ edukazzjoni pubblika, iffinanzjata bħala regola ġenerali mill-finanzi pubbliċi u mhux mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, l-Istat ma jkollux l-intenzjoni li jeżerċita attivitajiet bi ħlas iżda li jissodisfa l-missjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 68). |
51 |
F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li l-istess istituzzjoni tista’ teżerċita diversi attivitajiet, fl-istess waqt ekonomiċi u mhux ekonomiċi, sakemm iżżomm kontabbiltà separata f’dak li jirrigwarda d-diversi finanzjamenti rċevuti, b’mod li jiġi eskluż kull riskju ta’ sussidju “inkroċjat” tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha permezz ta’ fondi pubbliċi li hija tibbenefika minnhom permezz tal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha. |
52 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kongregazzjoni teżerċita tliet tipi ta’ attivitajiet fi ħdan l-iskola “La Inmaculada”, jiġifieri attivitajiet strettament reliġjużi, tagħlim issussidjat mill-Istat Spanjol u tagħlim awtonomu, mingħajr għajnuna finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tipprovdi servizzi addizzjonali ta’ catering u ta’ trasport lill-istudenti tagħha. |
53 |
Madankollu, peress li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-trasformazzjoni u l-estensjoni tas-sala tal-iskola “La Inmaculada” u li l-kongregazzjoni enfasizzat, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din is-sala tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim li hija toffri, din l-eżenzjoni la jidher li għandha rabta mal-attivitajiet ta’ natura strettament reliġjuża tal-imsemmija entità u lanqas mas-servizzi addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti. |
54 |
F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE għall-imsemmija eżenzjoni, hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, fid-dawl tal-indikazzjonijiet fil-punti 41 sa 51 ta’ din is-sentenza, jekk u, skont il-każ, liema fost it-tagħlim mogħti mill-kongregazzjoni għandu natura ekonomika jew le. |
55 |
F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dettalji kkorroborati mogħtija matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kongregazzjoni, mill-muniċipalità u mill-Gvern Spanjol, jidher li l-attivitajiet ta’ tagħlim issussidjati mill-Istat Spanjol jidħlu fil-qafas tas-sistema ta’ tagħlim primarju u sekondarju pubbliku ta’ dan l-Istat Membru, peress li t-tagħlim fi ħdan l-iskola “La Inmaculada” huwa eżentat bis-saħħa ta’ u konformement mal-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim konkluż bejn il-kongregazzjoni u l-komunità awtonoma ta’ Madrid u ffinanzjat fit-totalità tiegħu mill-finanzi pubbliċi. |
56 |
Jekk jirriżulta li din l-informazzjoni hija korretta, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni ssussidjati mill-Istat Spanjol ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi”, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 41 sa 50 ta’ din is-sentenza. |
57 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kongregazzjoni, mill-muniċipalità u mill-Gvern Spanjol, l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni mhux issussidjati mill-Istat Spanjol, li jaqgħu taħt it-tagħlim tal-kindergarten, extrakurrikulari u postobbligatorju, jidher li jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza sabiex ikunu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi”, fatt li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
58 |
Fil-fatt, dawn l-attivitajiet ma jiġux iffinanzjati mill-Istat Spanjol. Għall-kuntrarju, dawn huma attivitajiet organizzati mill-kongregazzjoni nfisha u ffinanzjati essenzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji privati għall-ispejjeż tal-iskola, b’mod partikolari mill-istudenti kif ukoll mill-ġenituri tagħhom. |
59 |
Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tqis, fl-aħħar ta’ din il-verifika, li l-attivitajiet ta’ tagħlim tal-kongregazzjoni mhux issussidjati mill-Istat Spanjol jikkostitwixxu “attività ekonomika”, hija dik il-qorti li għandha tivverifika wkoll jekk is-sala tal-iskola “La Inmaculada” tintużax għal skop li jaqa’ esklużivament taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn l-attivitajiet ta’ tagħlim, jew taħt użu mħallat. |
60 |
Fil-fatt, jekk din kienet tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim issussidjati mill-Istat Spanjol u li jissodisfaw il-kriterji kollha msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 107(1) TFUE. |
61 |
Jekk, min-naħa l-oħra, din is-sala kienet tintuża biss għall-attivitajiet ta’ tagħlim mogħtija mill-kongregazzjoni mingħajr sussidju mill-Istat Spanjol u tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt din il-projbizzjoni. |
62 |
Fis-sitwazzjoni ta’ użu mħallat ta’ din is-sala, l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt l-imsemmija projbizzjoni sa fejn l-imsemmija sala tintuża għal attivitajiet li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-punti 44 sa 49 u 51 ta’ din is-sentenza. |
63 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE biss jekk, minn naħa, għall-inqas parti mill-attivitajiet ta’ tagħlim mogħtija mill-kongregazzjoni fl-iskola “La Inmaculada” għandha tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 44 sa 49 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, is-sala ta’ din l-iskola tintuża, għall-inqas parzjalment, għal tali attivitajiet ekonomiċi. |
64 |
Huwa għaldaqstant suġġett għall-fatt li l-qorti tar-rinviju għandha tqis, abbażi ta’ evalwazzjoni fil-fatt, li l-imsemmija sala tintuża għal attivitajiet imwettqa mill-kongregazzjoni li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ekonomiċi”, li għandu jiġi eżaminat sussegwentement jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti. |
Fuq il-kunċett ta’ “vantaġġ ekonomiku selettiv”
65 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi analizzata fis-sens li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi, jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2013, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 21). |
66 |
Għaldaqstant, jitqiesu b’mod partikolari li huma għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-finanzi ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101). |
67 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, konformement mal-Artikolu 100(1) u mal-Artikolu 101(1) tat-test imfassal mill-ġdid tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali, kwalunkwe impriża li twettaq xogħlijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suġġetta għall-ICIO u li l-kongregazzjoni ħallset it-taxxa dovuta f’dan ir-rigward. Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li t-taxxa diġà mħallsa mill-kongregazzjoni titħallas lura lilha. |
68 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-ICIO tikkostitwixxi taxxa normalment dovuta mill-persuni taxxabbli kollha li jagħmlu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ rinovazzjoni koperti minn din it-taxxa u li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tnaqqas il-piżijiet li jaqgħu fuq il-finanzi tal-kongregazzjoni. Konsegwentement, jidher li tali eżenzjoni fiskali tagħti vantaġġ ekonomiku lill-kongregazzjoni. |
69 |
Barra minn hekk, mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 jirriżulta li s-Santa Sede, il-Konferenza tal-Isqfijiet, id-djoċesijiet, il-parroċċi u kostitwenzi territorjali oħrajn, il-kongregazzjonijet u ordnijiet reliġjużi u l-istituti ta’ ħajja sagra, kif ukoll il-provinċji u d-djar tagħhom jibbenefikaw minn eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-ICIO. |
70 |
Għaldaqstant, jidher li l-imsemmi digriet ma jikkostitwixxix miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda miżura selettiva a priori. |
71 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha, ħaġa li għandha tiġi pprovata mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa et Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 42). |
72 |
F’dan il-każ, madankollu, ma jirriżulta mill-ebda element tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżenzjoni fiskali prevista mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001 tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tar-Renju ta’ Spanja u li hija meħtieġa kemm għall-funzjonament kif ukoll għall-effikaċja ta’ din is-sistema. |
73 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv tista’ tiġi ssodisfatta. |
Fuq il-kunċett ta’ “għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat”
74 |
Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 16). |
75 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni dwar l-imputabbiltà tal-miżura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta direttament mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001, adottat mill-ministeru tal-finanzi tal-Istat Spanjol, u hija bbażata fuq il-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, konkluż u implementat mill-imsemmi Stat Membru. |
76 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar il-fatt li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, huwa stabbilit li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għat-tneħħija ta’ piż li normalment jaqa’ fuq il-finanzi tal-kongregazzjoni, għandu bħala korollarju tnaqqis korrispondenti tad-dħul tal-muniċipalità. |
77 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni dwar intervent tal-Istat permezz tar-riżorsi tiegħu jidher li hija ssodisfatta. |
Fuq il-kunċetti ta’ għajnuna li “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u li “twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni”
78 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar l-effett ta’ vantaġġ ekonomiku fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jista’ jwassal għalihom, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 102). |
79 |
B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ tinżamm jew tiżdied b’riżultat ta’ dan, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 104). |
80 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għajnuna intiża li teħles impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 66). |
81 |
Fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li l-eżenzjoni mill-ICIO li tista’ tibbenefika minnha l-kongregazzjoni jkollha l-effett li tagħmel iktar attraenti l-provvista tas-servizzi tagħha ta’ tagħlim meta mqabbla ma’ dik ta’ servizzi ta’ istituzzjonijiet ukoll attivi fl-istess suq. |
82 |
Madankollu, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal‑15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 2007, L 314M, p. 654), moqri fid-dawl tal-premessa 8 tiegħu, l-għajnuna li ma teċċedix limitu ta’ EUR 200000 fuq perijodu ta’ tliet snin titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod li tali miżuri huma esklużi mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 81). |
83 |
F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-limitu ntlaħaqx f’dan il-każ, billi tqis il-fatt li, għall-finijiet tal-kalkolu meħtieġ, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-vantaġġi li l-kongregazzjoni bbenefikat minnhom minħabba l-attivitajiet ekonomiċi eventwali tagħha, peress li l-attivitajiet mhux ekonomiċi għandhom jiġu esklużi minn dan il-kalkolu, konformement mal-indikazzjonijiet ipprovduti fil-punti 41 sa 63 ta’ din is-sentenza. |
84 |
Hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fil-fatt, fid-dawl tal-punti ta’ interpretazzjoni preċedenti u abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ li hija adita bih, jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri jistax jiġi affettwat bl-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk ir-Regolament Nru 1998/2006 huwiex applikabbli għal din il-kawża. |
85 |
F’dan ir-rigward, jekk din il-qorti jkollha dubji jew diffikultajiet f’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li l-kongregazzjoni setgħet ibbenefikat minnha minħabba l-attivitajiet ekonomiċi eventwali tagħha, hija dejjem għandha l-possibbiltà, minbarra li titlob il-kollaborazzjoni ta’ organi oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat, li titlob, għal dan l-għan, l-għajnuna tal-Kummissjoni, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 sa 96 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 30). |
Fuq il-kunċetti ta’ “għajnuna eżistenti” u ta’ “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 108(1) u (3) TFUE rispettivament
86 |
Peress li l-Gvern Spanjol argumenta fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-fatt li l-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979 ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fl-Unjoni Ewropea u li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq dan il-ftehim, fi kwalunkwe każ din l-eżenzjoni hija għajnuna eżistenti, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implementata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien effettiv, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 45). |
87 |
“Għajnuna eżistenti”, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-att ta’ adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, hija l-għajnuna eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat f’dan l-Istat Membru, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u jkunu baqgħu jgħoddu wara, l-imsemmi dħul fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 42). |
88 |
F’dan il-każ, filwaqt li, ċertament, l-Artikolu IV(1)(B) tal-ftehim tat‑3 ta’ Jannar 1979, li jipprevedi eżenzjoni ġenerali mit-taxxi reali favur il-Knisja Kattolika Spanjola, huwa preċedenti għall-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-ICIO ddaħħlet fl-ordinament ġuridiku Spanjol biss wara din l-adeżjoni u li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżultat mid-digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2001. |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tal-kongregazzjoni, din tista’ tkun biss għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni li tappartjeni lill-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jekk, u sa fejn, dawn l-attivitajiet huma ekonomiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
Eżenzjoni fiskali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tibbenefika minnha kongregazzjoni li tappartjeni lill-Knisja Kattolika għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż, tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE jekk, u sa fejn, dawn l-attivitajiet huma ekonomiċi, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.