Help Print this page 

Document 62016CJ0060

Title and reference
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017.
Mohammad Khir Amayry vs Migrationsverket.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammarrätten i Stockholm - Migrationsöverdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 28 – Detenzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali sabiex huwa jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli – Perijodu li fih għandu jsir it-trasferiment – Perijodu massimu tad-detenzjoni – Kalkolu – Aċċettazzjoni tat-talba sabiex tittieħed responsabbiltà qabel id-detenzjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.
Kawża C-60/16.
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:675
Languages and formats available
Multilingual display
Text

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru°604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 28 – Detenzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali sabiex huwa jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli – Perijodu li fih għandu jsir it-trasferiment – Perijodu massimu tad-detenzjoni – Kalkolu – Aċċettazzjoni tat-talba sabiex tittieħed responsabbiltà qabel id-detenzjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment”

Fil-Kawża C‑60/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammarrätten i Stokkolma - Migrationsöverdomstolen (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Mohammad Khir Amayry

vs

Migrationsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Khir Amayry, minn S. Stoeva, avukat,

għal Migrationsverket, minn F. Beijer u F. Axling, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn L. Swedenborg kif ukoll minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi Baxxi, minn K. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

Għall-Gvern Svizzeru, minn C. Bichet, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mohammad Khir Amayry u l-Migrationsverket u l-Migrationsverket (bord għall-immigrazzjoni, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem il-“Bord”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jżomm lil Mohammad Khir Amayry f’detenzjoni sad-data tat-trasferiment tiegħu lejn l-Italja skont ir-Regolament Dublin III.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Direttiva 2013/33/UE

3

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“direttiva ‘akkoljenza”), jippreċiża:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija applikant(a) skont id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60)].

[…]

3.   Applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni biss:

[…]

f)

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament [Dublin III].

[…]”

4

L-Artikolu 9 tad-“Direttiva Akkoljenza”, intitolat “Garanziji għal applikanti detenuti” jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikant għandu jiġi detenut biss għal żmien qasir kemm jista’ jkun u għandu jinżamm detenut biss sakemm ikunu applikabbli r-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 8(3).

Il-proċeduri amministrattivi relevanti għar-raġunijiet għad-detenzjoni stipulati fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġi eżegwiti bid-diliġenza dovuta. Dewmien fl-ipproċessar tal-proċeduri amministrattivi li ma jistgħux ikunu attribwiti lill-applikant m’għandux jiġġustifika l-kontinwazzjoni tad-detenzjoni.”

Ir-Regolament Dublin III

5

Il-premessa 20 tar-Regolament Dublin III hija fformulata kif ġej:

“Id-detenzjoni ta’ applikanti għandha tiġi applikata skont il-prinċipju bażiku li persuni m’għandhomx jiġu detenuti fuq il-bażi unika li huma qiegħdin ifittxu l-protezzjoni internazzjonali. Id-detenzjoni għandha tkun għal perjodu qasir kemm jista’ jkun, u soġġetta għall-prinċipji tan-neċċessita u l-proporzjonalità. Il-proċeduri previsti minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ persuna detenuta għandhom jiġu applikati bħala kwistjoni ta’ prijorita’, fl-iqsar skadenzi possibbli. Fir-rigward tal-garanziji ġenerali li jirregolaw id-detenzjoni, kif ukoll il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni, fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33/UE ukoll għal persuni detenuti abbażi ta’ dan ir-Regolament.”

6

L-Artikolu 27(3) u (4), ta’ dan ir-regolament jipprevedu:

“3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, ‑ deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

c)

Il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha. L-Istati membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għanhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.”

7

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri ma’ għandhomx iżommu persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li huwa jew hija soġġetta għall-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament.

2.   Meta jkun hemm riskju sinifikanti li l-persuna taħrab, l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-persuna kkonċernata taħt detenzjoni sabiex jiżguraw proċeduri ta’ trasferiment skont dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u biss sa fejn id-detenzjoni tkun proporzjonali, jekk ma jkunux jistgħu jiġu applikati effettivament miżuri alternattivi oħra inqas koerżivi.

3.   Id-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u m’għandiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment taħt dan ir-Regolament.

Fejn persuna tinżamm taħt detenzjoni skont dan l-Artikolu, il-perijodu għall-preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura ma għandux ikun itwal minn xahar minn meta t-talba tiġi ppreżentata. L-Istat Membru li jwettaq l-proċedura f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitolob tweġiba urġenti f’dawn il-każijiet. Tali tweġiba għandha tingħata fi żmien ġimgħatejn minn meta jirċievi t-talba. Nuqqas ta’ tweġiba fil-perijodu ta’ ġimgħatejn għandu l-istess effett ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u għandu jinvolvi l-obbligu li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna, inkluż l-obbligu li jagħmel arranġamenti xierqa għall-wasla.

Meta persuna tinżamm taħt detezjoni skont dan l-Artikolu, it-trasferiment ta’ dik il-persuna mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jkun eżegwit mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aċċettazzjoni impliċita jew espliċita tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew mill-mument meta l-appell jew reviżjoni ma jkollux jew ma jkollhiex aktar effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3)

Meta l-Istat Membru rikjedenti jonqas milli jikkonforma mat-termini ta’ żmien biex jippreżenta talba biex jittieħed inkarigu jew jittieħed lura jew fejn it-trasferiment ma jseħħx fl-iskadenza ta’ sitt ġimgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu, il-persuna ma għandhiex tinżamm aktar taħt detenzjoni. L-Artikoli 21, 23, 24 u 29 għandhom jinqgħu japplikaw kif adatt.

Fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-detenzjoni, u l-garanziji applikabbli għal persuni taħt detenzjoni, sabiex jiġu żgurati l-proċeduri ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, għandhom japplikaw l-Artikolu 9, 10 u 11 tad-Direttiva [‘Akkoljenza’].”

8

L-Artikolu 29(1) u (2), tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.”

Id-dritt Svediż

9

Skont l-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tal-utlänningslagen (liġi dwar persuni barranin, SFS 2005, Nru 716) il-liġi għandha tiġi applikata, f’kull każ konkret, b’mod li ma tillimitax il-libertà tal-persuna barranija kkonċernata iktar milli meħtieġ.

10

L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi dwar l-obbligu ta’ ħruġ mit-territorju u ta’ tneħħija għandhom japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment ibbażati fuq ir-Regolament Dublin III.

11

L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 10 tal-istess liġi jawtorizza d-detenzjoni tal-persuni barranin ta’ 18-il sena jew iktar sabiex tiġi ppreparata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija jew sabiex issir dik it-tneħħija.

12

L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 10 tal-liġi dwar il-persuni barranin jiddikjara li persuna barranija ma tistax tiġi detenuta għal iktar minn xahrejn, sakemm ma jeżistux raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni itwal. U jippreċiża li, fil-każ fejn jeżistu dawn ir-raġunijiet, il-persuna barranija ma tistax tiġi detenuta għal iktar minn tliet xhur. Meta huwa probabbli li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ser tieħu iktar żmien minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-persuna barranija jew meta l-akkwist tad-dokumenti neċessarji jieħu ż-żmien, dan il-perijodu massimu jista’ jkun ta’ tnax-il xahar.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mohammad Khir Amayry kien ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Isvezja fid-19 ta’ Diċembru 2014.

14

Riċerka fis-sistema Eurodac kienet uriet li l-persuna kkonċernata kienet daħlet fit-territorju Taljan fis-6 ta’ Diċembru 2014, u li hija kienet diġà talbet din il-protezzjoni fid-Danimarka fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Bord talab, fi1-15 ta’ Jannar 2015, lill-awtoritajiet Taljani jieħdu lura lil Mohammad Khir Amayry taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

15

L-awtoritajiet Taljani laqgħu din it-talba għall-finijiet tat-teħid lura tar-responsabbiltà fit-18 ta’ Marzu 2015.

16

Fit-2 ta’ April 2015, il-Bord ċaħad it-talba għal titolu ta’ residenza ta’ Mohammad Khir Amayry, inkluża t-talba tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, għalaq il-każ relatat mad-dikjarazzjoni ta’ status u ddeċieda li jittrasferixxi lill-persuna kkonċernata lejn l-Italja. Barra minn hekk, billi huwa qies li kien jeżisti riskju sinjifikanti li dan tal-aħħar jaħrab, il-Bord iddeċieda li jqiegħdu f’detenzjoni.

17

Mohammad Khir Amayry ikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm – Migrationsdomstolen (qorti amministrattiva sedenti fi Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni, l-Isvezja). Wara dan l-appell, il-Bord iddeċieda li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

18

Il-Förvaltningsrätten i Stokkolma – Migrationsdomstolen (qorti amministrattiva sedenti fi Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni) ċaħdet l-imsemmi appell fid-29 ta’ April 2015 peress li qieset, b’mod partikolari, li kien jeżisti riskju li, f’każ li jingħata l-libertà, Mohammad Khir Amayry jaħrab, jevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jew jostakolaha b’xi mod ieħor. Dan tal-aħħar appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Fit-8 ta’ Mejju 2015, id-deċiżjoni ta’ trasferiment kienet ġiet eżegwita. Sussegwentement, Mohammad Khir Amayry irritorna fl-Isvezja, fejn ippreżenta talba ġdida għall-protezzjoni internazzjonali fl-1 ta’ Ġunju 2015.

20

Fit-30 ta’ Lulju 2015, il-qorti tar-rinviju ċaħdet li tawtorizza l-appell dwar dik il-parti mis-sentenza tal-Förvaltningsrätten i Stockholm – – Migrationsdomstolen (qorti amministrattiva sedenti fi Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni, l-Isvezja) dwar it-trasferiment iżda, min-naħa l-oħra, kienet laqgħet l-appell dwar il-kwistjoni tad-detenzjoni.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kammarrätten i Stokkolma – Migrationsöverdomstolen (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma li tiddeċiedi fil-qasam ta’ immigrazzjoni, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin.

“1)

Meta l-applikant għall-ażil ma nżammx f’detenzjoni fil-mument meta l-Istat Membru responsabbli jaċċetta li jieħdu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iżda nżamm f’detenzjoni sussegwentement – għaliex huwa biss f’dak iż-żmien li jitqies li jeżisti riskju sinjifikattiv li l-persuna kkonċernata taħrab –, it-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha l-persuna nżammet f’detenzjoni jew minn data oħra u, jekk dan ikun il-każ, liema data?

2)

Meta l-applikant għall-ażil ma jkunx f’detenzjoni fil-mument meta l-Istat Membru responsabbli jaċċetta li jieħdu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-Artikolu 28 tar-Regolament [Dublin III] jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali, bħal dawk tad-dritt Svediż, li jipprovdu li barrani ma jistax jinżamm f’detenzjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni [ta’ trasferiment] għal iktar minn xahrejn fl-assenza ta’ raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni iktar fit-tul, għal iktar minn tliet xhur jekk jeżistu tali raġunijiet u għal iktar minn tnax-il xhar jekk ikun hemm probabbiltà li l-implementazzjoni tieħu iktar żmien minħabba nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-barrani jew jekk id-dokumenti neċessarji jieħdu ż-żmien biex jinkisbu?

3)

Jekk terġa’ tinbeda proċedura ta’ implementazzjoni ladarba l-appell jew ir-reviżjoni ma jkollhomx iktar effett sospensiv (ara l-Artikolu 27(3) tar-Regolament [Dublin III]), jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ sitt ġimgħat għall-implementazzjoni tat-trasferiment jew għandu jitnaqqas minnu, pereżempju, in-numru ta’ ġranet li l-persuna kkonċernata tkun diġà qattgħet f’detenzjoni wara li l-Istat Membru responsabbli jkun aċċetta li jeħodha taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew li jeħodha lura taħt ir-responsabbiltà tiegħu?

4)

Il-fatt li l-applikant għall-ażil, li appella mid-deċiżjoni ta’ trasferiment, ma talabx li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi sospiża sal-eżitu tal-appell tagħha [ara l-Artikolu 27(3)(c) u (4) tar-Regolament [Dublin III]] għandu importanza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

22

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, f’sitwazzjoni li fiha d-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali tibda wara li l-Istat Membru rikjedenti aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà, din id-detenzjoni tista’ tinżamm għal xahrejn bħala massimu fil-prinċipju, għal tliet xhur jekk jeżistu raġunijiet serji li jiġġustifikaw detenzjoni iktar fit-tul, u għal tnax-il xhar jekk ikun hemm probabbiltà li t-trasferiment ser jieħu iktar żmien minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-persuna kkonċernata jew jekk il-kisba tad-dokumenti neċessarji tieħu ż-żmien.

23

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “Akkoljenza” jirriżulta li persuna ma tistax tinżamm f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija tkun talbet protezzjoni internazzjonali.

24

Madankollu, l-Artikolu 8(3)(f) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-possibbiltà tat-tqegħid f’detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali konformement mal-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III.

25

Mill-Artikolu 28(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, jekk l-Istati Membri ma jistgħux iqiegħdu persuna f’detenzjoni, sabiex jiżguraw il-proċeduri ta’ trasferiment, għall-unika raġuni li hija s-suġġett tal-proċedura stabbilita mill-imsemmi regolament, jistgħu min-naħa l-oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet, iqiegħdu persuna f’detenzjoni meta jeżisti riskju suffiċjenti li din il-persuna taħrab.

26

Din il-fakultà hija stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 28(3) tal-istess regolament, li jippreċiża, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-detenzjoni għandha tkun għall-iktar żmien qasir possibbli u ma għandhiex tkun għal iżjed miż-żmien raġonevolment meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-proċeduri amministrattivi meħtieġa bid-diliġenza dovuta sakemm titwettaq l-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

27

Sabiex jikkonkretizzaw dan il-prinċipju, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu l-perijodi speċifiċi sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew li tittieħed lura r-responsabbiltà u sabiex jiġi mwettaq it-trasferiment. Barra minn hekk, jirriżulta mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament li, meta Stat Membru rikjedenti ma josservax dawn it-termini, il-persuna kkonċernata ma tibqax f’detenzjoni.

28

Fir-rigward tat-terminu sabiex jitwettaq it-trasferiment, rilevanti biss f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà diġà ġiet aċċettata qabel li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’detenzjoni, il-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tal-imsemmi regolament ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom persuna titqiegħed f’detenzjoni sakemm tiġi trasferita jew biss meta persuna diġà tqiegħdet f’detenzjoni meta jseħħ wieħed miż-żewġ avvenimenti msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-aċċettazzjoni tar-rikors sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew li tittieħed lura r-responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, l-għan tal-effett sospensiv tal-appell jew tar-reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ trasferiment.

29

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċeduri sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew li tittieħed lura r-responsabbiltà stabbiliti permezz tar-Regolament Dublin III għandhom bħala suġġett, definittivament, li jippermettu t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz lejn l-Istat Membru nominat, bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, bħala responsabbli tal-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn dan iċ-ċittadin.

31

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-fakultà li tqiegħed, taħt ċerti kundizzjonijiet lill-persuna kkonċernata f’detenzjoni hija intiża, kif jippreċiża l-paragrafu 2 tal-Artikolu 28, tal-imsemmi regolament, sabiex tiżgura l-proċeduri ta’ trasferiment billi tevita li din il-persuna taħrab u tevadi għalhekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni possibbli ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tagħha.

32

F’dan il-kuntest, l-għażla ta’ terminu ta’ trasferiment ta’ sitt ġimgħat kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan l-istess regolament tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li tali tul ta’ żmien seta’ kien neċessarju sabiex jitwettaq it-trasferiment ta’ persuna mqiegħda f’detenzjoni.

33

Issa, sa fejn l-ebda wieħed mit-termini stabbiliti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III ma jibdiex jiddekorri mid-detenzjoni, li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom persuna mqiegħda f’detenzjoni sad-data tat-trasferiment tagħha timplika li d-detenzjoni neċessarjament tintemm sitt ġimgħat wara l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura tar-responsabbiltà, anki jekk id-detenzjoni ma bdietx ħlief wara din l-aċċettazzjoni.

34

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal din, id-detenzjoni sabiex jitwettaq it-trasferiment kellu neċessarjament terminu ta’ żmien inqas minn sitt ġimgħat u kull detenzjoni tkun ukoll eskluża ladarba terminu ta’ sitt ġimgħat jgħaddi wara l-imsemmija aċċettazzjoni.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jkollu d-dritt li jibda d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata biss għal perijodu qasir tat-terminu ta’ sitt xhur li huwa mogħti lilu fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III sabiex iwettaq it-trasferiment, anki jekk ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab li tista’ tiġġustifika d-detenzjoni jimmanifesta ruħu tardivament.

36

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li t-terminu għat-trasferiment jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata taħrab, persuna li taħrab għal tal-inqas sitt ġimgħat tista’ titqiegħed f’detenzjoni jekk hija tkun mill-ġdid disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

37

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li l-interpretazzjoni prevista fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, minn naħa, x’aktarx li tnaqqas b’mod sinjifikanti l-effettività tal-proċeduri stabbiliti mill-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, tista’ tinkoraġġixxi lill-persuni kkonċernati sabiex jaħarbu sabiex jevadu t-trasferiment tagħhom lejn l-Istat Membru responsabbli, biex b’hekk jevadu il-prinċipji u l-proċeduri tal-istess regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2016, MirzaC‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52 u tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 37).

38

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma hijiex konsistenti max-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fil-premessa 20 tar-Regolament Dublin III, li tawtorizza d-detenzjoni filwaqt li tillimita t-tul tagħha, peress li twassal sabiex tillimita jew teskludi d-detenzjoni mhux fuq iż-żmien li matulu l-persuna kkonċernata ġiet imqiegħda f’detenzjoni, biss miż-żmien li għadda wara l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà mill-Istat Membru rikjedenti.

39

Għaldaqstant, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu massimu ta’ sitt ġimgħat li fih għandu jitwettaq it-trasferiment ta’ persuna mqiegħda f’detenzjoni li huwa previst minn din id-dispożizzjoni japplika biss fil-każ fejn il-persuna kkonċernata diġà qiegħda f’detenzjoni meta jseħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni.

40

Konsegwentement, meta d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata pendenti t-trasferiment tagħha tibda wara li l-Istat Membru rikjedenti aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà, it-tul ta’ żmien ta’ detenzjoni jkun limitat minn wieħed mit-termini preċiżi previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament li, skont il-każ, jibda jiddekorri mid-data meta l-appell jew ir-reviżjoni jitlef l-effett sospensiv tiegħu skont l-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament.

41

Fin-nuqqas ta’ perijodu massimu ta’ detenzjoni stabbilit fir-Regolament Dublin III, tali detenzjoni madankollu għandha tkun konformi, qabel kollox, mal-prinċipju ddikjarat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament, skont liema d-detenzjoni għandha tkun għal żmien qasir kemm jista’ jkun u ma għandhiex tkun għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-proċeduri amministrattivi meħtieġa b’diliġenza dovuta sakemm jitwettaq it-trasferiment.

42

Sussegwentement, l-awtorità kompetenti għandha, konformement mal-Artikolu 28(4) tal-imsemmi regolament, tosserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Akkoljenza” li tipprovdi għad-detenzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) ta’ din tal-aħħar, fejn jirriżulta b’mod partikolari li l-proċeduri amministrattivi marbuta mar-raġuni għad-detenzjoni huma eżegwiti bid-diliġenza kollha dovuta.

43

Fl-aħħar nett, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Dublin III jipprevedi limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà u għas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 49, u tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 36).

44

F’dan il-kuntest, għandha tkun l-awtorità kompetenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali, li twettaq il-proċedura ta’ trasferiment b’mod diliġenti, u ma għandhiex ittawwal id-detenzjoni għal iżjed miż-żmien li raġonevolment huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ din il-proċedura, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti konkreti tal-imsemmija proċedura f’kull każ individwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 58 u 59).

45

Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata ma tistax tinżamm f’detenzjoni għal perijodu li b’mod ġenerali jaqbeż sitt ġimgħat li matulhom jista’ validament isir it-trasferiment, sa fejn jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III li fil-prinċipju dan il-perijodu huwa suffiċjenti, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura simplifikata tal-proċedura ta’ trasferiment bejn l-Istati Membri stabbilit minn dan ir-regolament, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jipproċedu bi trasferiment (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 60).

46

Għaldaqstant, peress li ċ-ċirkustanza li d-detenzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali bdiet wara li l-Istat Membru rikjedenti aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà ma hijiex ta’ natura li tagħmel it-trasferiment ta’ dan tal-aħħar partikolarment diffiċli, detenzjoni ta’ terminu ta’ iktar minn tlieta jew tnax-il xahar li matulhom it-trasferiment seta’ ġie mwettaq validament jaqbeż it-terminu raġonevoli neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-proċeduri amministrattivi meħtieġa bid-diliġenza dovuta sal-eżekuzzjoni tat-trasferiment.

47

Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal din, fir-rigward tal-marġni diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jimplementaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, perijodu ta’ detenzjoni ta’ xahrejn ma jitqiesx neċessarjament bħala eċċessiv, l-adegwatezza tiegħu mal-karatteristiċi ta’ kull każ individwali għandha madankollu tiġi vverifikata mill-awtorità kompetenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali.

48

Madankollu, fl-ipoteżi fejn, wara d-detenzjoni, l-appell jew ir-reviżjoni jitlef l-effett sospensiv tiegħu konformement mal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III, bl-applikazzjoni tat-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament, din id-detenzjoni ma setgħetx tinżamm matul iktar minn sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru minn din id-data.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 28 tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, f’sitwazzjoni li fiha d-detenzjoni ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali tibda wara li l-Istat Membru rikjedenti aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà, din id-detenzjoni tista’ tinżamm għal perijodu massimu ta’ xahrejn, għaldaqstant, minn naħa, li t-terminu ta’ detenzjoni ma jaqbiżx iż-żmien neċessarju għall-finijiet tal-proċedura ta’ trasferiment, evalwata wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti konkreti ta’ din il-proċedura f’kull każ individwali, u, min-naħa l-oħra, li skont il-każ, dan it-terminu ma jaqbiżx is-sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mid-data minn meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, u;

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti, f’sitwazzjoni bħal din, li żżomm l-imsemmija detenzjoni matul tlieta jew tnax-il xahar li matulhom it-trasferiment seta’ ġie mwettaq validament.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jitnaqqsu mit-terminu ta’ sitt ġimgħat li bdew jiddekorru mill-mument meta l-appell jew reviżjoni ma jkollhomx iktar effett sospensiv, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, in-numru ta’ jiem li matulhom il-persuna kkonċernata kienet diġà tqiegħdet f’detenzjoni wara li Stat Membru aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura tar-responsabbiltà.

51

Għandu jitfakkar li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li meta persuna titqiegħed f’detenzjoni skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, it-trasferiment għandu jiġi mwettaq mill-iktar fis li jkun prattikament possibbli u mhux iktar tard minn sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tal-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà jew mill-mument fejn l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament.

52

Għalhekk jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 28 tal-istess regolament li dan tal-aħħar jistabbilixxi żewġ termini separati ta’ sitt ġimgħat mingħajr ma jindika jekk dawn għandhomx jiġu skambjati lanqas jekk it-tul tat-tieni terminu għandu jiġi mnaqqas f’ċerti każijiet.

53

Din l-interpretazzjoni hija korraborata mill-funzjoni attribwita lil dawn it-termini mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

54

Fil-fatt, li kieku t-termini stabbiliti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandhom bħala effett, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 28(3) ta’ dan ir-regolament, li jillimitaw it-terminu massimu tad-detenzjoni, jibqa’ l-fatt li għandhom bħala suġġett li jiddeterminaw il-perijodu li matulu għandu jitwettaq it-trasferiment u li għalhekk jissostitwixxu ruħhom mat-termini tal-bidu stabbiliti għal dan il-għan mill-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament.

55

Issa, sakemm appell jew reviżjoni ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment huwa dotat b’effett sospensiv, huwa b’definizzjoni impossibbli li jitwettaq it-trasferiment, din hija r-raġuni għaliex it-terminu previst għal dan il-għan ma jistax, f’dan il-każ, jibda jiddekorri qabel it-twettiq futur tat-trasferiment miftiehem fil-prinċipju, u jibqa’ li jiġu miftiehma l-modalitajiet ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri mid-data li fiha dan l-effett sospensiv tneħħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 45).

56

F’sitwazzjoni bħal din, kull wieħed miż-żewġ Stati Membri għandhom jegħlbu, sabiex jorganizzaw it-trasferiment, l-istess diffikultajiet prattiċi bħal dawk li kien ikollhom jegħlbu li kieku t-trasferiment seta’ jitwettaq immedjatament wara l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà u, sussegwentement, għandhom ikollhom l-istess terminu ta’ sitt ġimgħat sabiex jiftiehmu l-modalitajiet tekniċi tat-trasferiment u li jwettquh (ara b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punti 43 u 44).

57

Iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata kienet diġà tqiegħdet f’detenzjoni fid-data li fiha l-effett sospensiv tal-appell jew ir-reviżjoni tneħħa ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tiffaċilita b’mod sinjifikanti t-trasferiment, l-Istati Membri kkonċernati ma jistgħux jiftiehmu l-modalitajiet tekniċi ta’ dan tal-aħħar peress li la l-prinċipju tiegħu u a fortiori, lanqas id-data tiegħu ma huma miksuba.

58

Barra minn hekk, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ppreżentat l-appell jew ir-reviżjoni biss wara diversi ġimgħat ta’ detenzjoni, tnaqqis possibbli fit-tieni terminu stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III sal-jiem fejn il-persuna kienet diġà mqiegħda f’detenzjoni, tista’, fil-prattika, iċċaħħad lill-awtorità kompetenti minn kull possibbiltà li twettaq it-trasferiment qabel ma tkun temmet id-detenzjoni u timpedixxi għalhekk lil din tal-aħħar li tuża b’mod effikaċi l-fakultà, prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li tipproċedi bid-detenzjoni tal-persuna kkonċernata biex tilqa’ għal riskju sinjifikanti li din il-persuna taħrab.

59

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l- Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandhomx jitnaqqsu mit-terminu ta’ sitt ġimgħat li bdew jiddekorru mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, in-numru ta’ jiem li matulhom il-persuna kkonċernata kienet diġà ġiet imqiegħda f’detenzjoni wara li Stat Membru aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà.

Fuq ir-raba’ domanda

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, tapplika wkoll meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma kinitx ġiet speċifikament mitluba mill-persuna kkonċernata.

61

Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li t-tieni terminu sabiex jitwettaq it-trasferiment, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, jibda jiddekorri mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

62

Kif ġie wkoll ikkonstatat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, din ir-regola hija intiża sabiex tattribwixxi lill-awtorità kompetenti terminu suffiċjenti sabiex twettaq it-trasferiment ta’ persuna mqiegħda f’detenzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta appell jew reviżjoni huwa ppreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment huwa dotat b’effett sospensiv, huwa possibbli biss li wieħed jipproċedi bit-trasferiment ladarba dan l-effett sospensiv ikun tneħħa.

63

Għandu jiġi wkoll enfasizzat li ċ-ċirkustanza li appell jew reviżjoni jiġi rikonoxxut lilu effett sospensiv huwa, f’dan ir-rigward, determinanti, peress li huwa jostakola t-trasferiment, mingħajr l-intervent jew l-assenza ta’ intervent ta’ talba minn qabel għas-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment min-naħa tal-persuna kkonċernata jkollha rwol deċiżiv.

64

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment għat-tneħħija tal-effett sospensiv “konformement mal-Artikolu 27(3)” tar-Regolament Dublin III, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-Istati Membri li ddeċidew li jagħtu lill-appell jew ir-reviżjoni effett sospensiv bid-dritt, skont l-Artikolu 27(3)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, u l-Istati Membri li jkunu għażlu li jissuġġettaw l-għoti ta’ dan l-effett sospensiv fl-intervent ta’ deċiżjoni tal-qorti f’dan is-sens fuq talba tal-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 27(3)(c) tar-regolament imsemmi.

65

Fuq dan is-suġġett, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57).

66

Isegwi li l-Istati Membri li xtaqu jsaħħu l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti taw effett sospensiv bid-dritt lill-appell jew ir-reviżjoni eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma humiex, f’isem l-osservanza tar-rekwiżit ta’ ħeffa, imqiegħda f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li jinsabu fiha dawk l-Istati Membri li ma qisux li kien neċessarju. Issa, dan kien ikun il-każ li kieku dawn l-Istati Membri tal-ewwel ma setgħux ikollhom terminu suffiċjenti sabiex jitwettaq it-trasferiment meta l-persuna kkonċernata hija mqiegħda f’detenzjoni u hija tkun iddeċidiet li tippreżenta appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punti 49 u 50).

67

Ċertament, l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III ma jagħmilx riferiment direttament għall-ipoteżi, prevista fl-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, li fiha sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-trasferiment ma tirriżultax mill-effett tal-liġi jew minn deċiżjoni tal-qorti, iżda tirriżulta minn deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti.

68

Madankollu, f’ipoteżi bħal din, il-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni f’kull sens paragunabbli ma’ dik ta’ persuna li l-appell jew ir-reviżjoni tagħha tingħata effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3) tar-regolament imsemmi.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher minn naħa, li d-detenzjoni, għal darba oħra, tibqa’ neċessarja waqt l-istennija għall-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni u, min-naħa l-oħra, li jkunx iġġustifikat li tittawwal id-detenzjoni għal iktar minn sitt ġimgħat wara l-intervent ta’ deċiżjoni definittiva fuq l-appell jew ir-reviżjoni.

70

Barra minn hekk, minħabba x-xebh tal-kliem użati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III u l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet it-tnejn li huma għandhom bħala għan li jiddeterminaw il-perijodu li matulu għandu jiġi mwettaq it-trasferiment, normalment għandha tiġi applikata interpretazzjoni iktar restrittiva f’kull waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet, li fihom huwa biss l-effett sospensiv li jirriżulta mill-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament li huwa msemmi.

71

Konsegwentement, tali interpretazzjoni timplika, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolament, li, meta l-awtorità kompetenti tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 27(4) tal-istess regolament għall-benefiċċju ta’ persuna li ma hijiex f’detenzjoni, it-terminu sabiex jitwettaq it-trasferiment għandu xorta waħda jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tal-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà. Din l-interpretazzjoni għalhekk tkun, fil-prattika, ta’ natura li ċċaħħad sinjifikament din id-dispożizzjoni mill-effett utli, peress li hija ma tkunx tista’ tiġi użata mingħajr tissogra li tostakola t-trasferiment fit-termini stabbiliti mir-Regolament Dublin III.

72

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-imsemmija interpretazzjoni ma għandhiex lanqas tkun preferuta għar-raġuni li hija tikkontribwixxi iktar għal-libertà u s-sigurtà tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, l-interpretazzjoni opposta ma twassalx għall-estensjoni tal-possibbiltajiet ta’ tqegħid f’detenzjoni, iżda sabiex tiżgura l-applikazzjoni ta’ limitu preċiż għat-terminu massimu ta’ detenzjoni fil-każijiet kollha fejn id-detenzjoni ġiet imtawla minħabba n-natura sospensiva tal-appell jew ir-reviżjoni.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 28(3) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri mill-mument fejn l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, japplika wkoll meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma ġietx speċifikament mitluba mill-persuna kkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, f’sitwazzjoni li fiha d-detenzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali tibda wara li l-Istat Membru rikjedenti aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà, din id-detenzjoni tista’ tinżamm għal perijodu massimu ta’ xahrejn, għaldaqstant, minn naħa, li t-terminu ta’ detenzjoni ma jaqbiżx iż-żmien neċessarju għall-finijiet tal-proċedura ta’ trasferiment, evalwata wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti konkreti ta’ din il-proċedura f’kull każ individwali, u, min-naħa l-oħra, li skont il-każ, dan it-terminu ma jaqbiżx is-sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mid-data minn meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, u;

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti, f’sitwazzjoni bħal din, li żżomm l-imsemmija detenzjoni matul tlieta jew tnax-il xahar li matulhom it-trasferiment seta’ ġie mwettaq validament.

 

2)

L-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandhomx jitnaqqsu mit-terminu ta’ sitt ġimgħat li bdew jiddekorru mill-mument meta l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, in-numru ta’ jiem li matulhom il-persuna kkonċernata kienet diġà ġiet imqiegħda f’detenzjoni wara li Stat Membru aċċetta l-applikazzjoni sabiex tittieħed ir-responsabbiltà jew it-teħid lura ta’ responsabbiltà.

 

3)

L-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri mill-mument fejn l-appell jew ir-reviżjoni ma għandhomx iktar effett sospensiv, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, japplika wkoll meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma ġietx speċifikament mitluba mill-persuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top