EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0490

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017.
A.S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’eċċezzjoni għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Terminu ta’ tnax-il xahar mill-qsim tal-fruntiera – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment – Kalkolu tat-termini – Użu ta’ appell – Effett sospensiv.
Kawża C-490/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:443

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

Kawża C-490/16

A.S.

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja)]

u

Kawża C-646/16

Jafari

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Wien (qorti amministrattiva suprema, Vjenna, l-Awstrija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-ażil – Kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali – Interpretazzjoni tal-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 – Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(4)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006”

Introduzzjoni

1.

Jekk wieħed iħares lejn mappa tal-Ewropa u jpoġġi fuqha mappa tal-Unjoni Ewropea, u b’attenzjoni jiġu mmarkati l-fruntieri esterni tal-Unjoni, jirriżultaw ċerti veritajiet ovvji. Hemm fruntiera tal-art estiża lejn il-Lvant li tmiss ma’ disa’ Stati Membri tal-Unjoni ( 2 ). Kif tersaq lejn il-Balkani, il-ġeografija – bħall-istorja – issir ftit ikkumplikata ( 3 ). Il-punt essenzjali li għandu jiġi enfasizzat huwa li “pont ta’ art” iwassal direttament mit-Turkija għal ġewwa l-Unjoni. Fin-Nofsinhar tat-territorju tal-Unjoni jinsab il-Mediterran – li jista’ jinqasam b’dgħajjes imħejjija ta’ malajr jekk il-kundizzjonijiet f’art twelidek huma tal-waħx biżżejjed sabiex iwassluk tipprova dik l-avventura ddisprata. L-eqreb punti ta’ qsim iwasslu għall-artijiet tal-Greċja, ta’ Malta jew tal-Italja – jew, fit-tarf estrem tal-Punent, ta’ Spanja. Il-fruntieri tal-Lvant u tax-Xlokk tal-Unjoni huma għalhekk potenzjalment miftuħa għall-migrazzjoni fuq l-art ( 4 ); filwaqt li l-fruntiera tan-Nofsinhar hija potenzjalment miftuħa għall-migrazzjoni mill-Mediterran.

2.

It-tarf tal-Punent tal-Unjoni huwa ferm inqas miftuħ għall-migrazzjoni. L-ewwel nett, hemm il-kosta Atlantika matul it-tarf tal-Punent kollu tat-territorju tal-Unjoni. Imbagħad, fit-Tramuntana, hemm iktar baħar – il-Baħar Irlandiż, iċ-Channel u l-Baħar tat-Tramuntana ( 5 ); is-Skagerrak ( 6 ), il-Kattegat u l-Baħar Baltiku ( 7 ). Flimkien mal-Baħar Baltiku fuq il-fruntiera tan-Nofsinhar tagħha, l-Isvezja għandha fruntiera fuq l-art lejn it-tramuntana mal-ġar ŻEE tagħha, in-Norveġja. Il-Finlandja ( 8 ) għandha kemm fruntieri mal-baħar kif ukoll fruntieri fuq l-art ( 9 ). Għalhekk lejn il-Punent u t-Tramuntana, il-ġeografija u l-klima jingħaqdu sabiex jagħmlu l-migrazzjoni ferm iktar diffiċli.

3.

Is-“sistema ta’ Dublin” ( 10 ) ma tiħux il-mappa tal-Ewropa li għadni kif iddeskrivejt bħala l-punt tat-tluq tagħha. Pjuttost, hija tassumi taċitament li l-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali se jaslu bl-ajru. Kieku kellhom jagħmlu hekk, fit-teorija kien ikun hemm xi ħaġa eqreb lejn possibbiltà ugwali li (approssimattivament ħafna) numri ugwali ta’ applikanti jaslu f’kull wieħed mit-28 Stat Membru ( 11 ). F’dan l-isfond, is-sistema fis-seħħ tagħmel sens raġonevoli ħafna.

4.

Element ieħor essenzjali tas-sistema ta’ Dublin huwa li tiffoka fuq l-applikant individwali għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa dak l-applikant individwali [kif iddefinit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Dublin III] li jiġi evalwat b’riferiment għall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III sabiex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli sabiex jikkunsidra l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Ir-regolament kollu huwa fformulat f’termini tal-individwu. Dan huwa b’mod evidenti minnu nnifsu ġust u xieraq. Bnedmin individwali li qed ifittxu l-protezzjoni ma humiex statistika; huma għandhom jiġu ttrattati b’mod uman u b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali tagħhom. Fi żminijiet normali, sabiex jingħata effett lill-approċċ stabbilit fir-Regolament Dublin III jista’ jeħtieġ koordinazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti, imma ma jkun hemm l-ebda diffikultà intrinsika jew li ma tistax tingħeleb.

5.

Bejn Settembru 2015 u Marzu 2016, iż-żminijiet xejn ma kienu normali.

6.

Dan huwa kif il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea ddeskriva l-kawża ewlenija tal-migrazzjoni għall-għarrieda u qawwija lejn l-Unjoni:

“Hemm infern fuq l-art. Jissejjaħ is-Sirja. Huwa minn ewl id-dinja li miljuni ta’ nies jippruvaw jaħarbu minn dak infern. Huwa minn ewl id-dinja wkoll li jippruvaw jibqgħu qrib id-djar tagħhom kemm jista’ jkun. U huwa evidenti minnu nnifsu li huma jippruvaw isibu kenn x’imkien ieħor li jkun sigur jekk ma jirnexxilhomx. […] Iktar u iktar nies qed jaħarbu. Is-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien toffri ftit jew xi kultant l-ebda tama. Għalhekk in-nies tfittex il-kenn [permezz tat-Turkija li hija stess tħares fi ħdanha iktar minn żewġ miljun refuġjat] fl-Ewropa. Il-problema ma hijiex se ssolvi lilha nnifisha. L-influss tar-refuġjati mhux se jieqaf sakemm il-gwerra tkompli. Għandu jsir ħafna sabiex jintemm dan il-kunflitt, u d-dinja kollha se tkun involuta. Fil-frattemp, irridu nagħmlu kull sforz sabiex nieħdu ħsieb il-fluss ta’ refuġjati, sabiex noffru lin-nies post sigur fejn joqogħdu, fir-reġjun, fl-Unjoni u fil-bqija tad-dinja” ( 12 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

Numru kbir ħafna ta’ persuni spostati Sirjani għalhekk ingħaqdu ma’ xejriet eżistenti ta’ persuni li qabdu triqithom lejn l-Unjoni mill-irkejjen oħra ta’ gwerer u ġuħ madwar id-dinja ( 13 ): mill-Afganistan, u mill-Iraq. It-traġedji marittimi terribbli ta’ qxur tal-baħar li jintefħu mgħobbijin iżżejjed u li jagħmlu l-ilma li għerqu jaqsmu l-Mediterran matul ix-xhur tas-sajf tal-2015 ġibdu l-parti l-kbira tal-attenzjoni tal-midja. Imma kien hemm rotta migratorja ewlenija oħra fuq l-art lejn l-Unjoni: “ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent”.

8.

Dik ir-rotta kienet tinvolvi vjaġġ bil-baħar u/jew bl-art mit-Turkija lejn il-Punent lejn il-Greċja, imbagħad għal ġol-Balkani tal-Punent. L-individwi vvjaġġaw primarjament mill-FYROM, mis-Serbja, mill-Kroazja, mill-Ungerija u mis-Slovenja. ( 14 ) Ir-rotta l-ewwel saret passaġġ popolari għal ġewwa l-Unjoni fl-2012 meta restrizzjonijiet tal-viża ta’ Schengen ġew irrilassati għal ħames pajjiżi tal-Balkani – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-FYROM. Sa Marzu 2016 ħafna nies setgħu għalhekk jivvjaġġaw fuq rotta waħda maġġuri li twassal mit-Turkija lejn il-Greċja u mbagħad lejn it-Tramuntana permezz tal-Balkani tal-Punent ( 15 ).

9.

Dawk li jivvjaġġaw matul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent ma ridux jibqgħu joqogħdu fil-pajjiżi li kellhom jgħaddu minnhom sabiex jaslu fid-destinazzjoni tal-għażla tagħhom. Dawk il-pajjiżi lanqas ma xtaquhom jibqgħu hemmhekk. Il-FYROM u l-awtoritajiet Serbi pprovdew it-trasport (li kien tħallas mill-individwi li użawh) ( 16 ) u ppermettew lil nies li użaw ir-rotta sabiex jaqsmu l-fruntiera mal-Kroazja, b’mod partikolari wara li l-fruntiera mal-Ungerija ngħalqet. L-awtoritajiet Kroati u Sloveni pprovdew ukoll trasport (din id-darba, mingħajr ħlas) u ppermettew lill-individwi sabiex jaqsmu l-fruntieri rispettivi tagħhom lejn l-Awstrija u l-Ġermanja. Il-politika tal-Istati Balkani tal-Punent meta ppermettew lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorji tagħhom u meta pprovdew faċilitajiet bħal trasport sabiex jeħduhom lejn il-fruntiera fi triqithom lejn id-destinazzjoni tal-għażla tagħhom ġiet deskritta bħala tolleranti (“waving through” jew “wave through”).

10.

Fis-27 ta’ Mejju 2015 il-Kummissjoni pproponiet, inter alia, deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ emerġenza sabiex jassisti prinċipalment lill-Italja u lill-Greċja billi kienu ġeneralment l-ewwel Stati Membri tad-dħul u għalhekk ġew ikkonfrontati b’influss f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din kienet l-ewwel proposta li saret sabiex tiġi attivata dik id-dispożizzjoni. Fl-14 ta’ Settembru 2015 il-Kunsill adotta deċiżjoni fuq il-bażi ta’ dik il-proposta ( 17 ). Meta għamel hekk il-Kunsill innota li s-sitwazzjoni speċifika tal-Greċja u l-Italja kellha implikazzjonijiet f’reġjuni ġeografiċi oħra, bħar-“Rotta migratorja tal-Balkani tal-Punent” ( 18 ). L-għanijiet tad-Deċiżjoni 2015/1523 kienu jinkludu r-rilokazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil f’wieħed minn dawk l-Istati. Għan ieħor kien li tiġi permessa s-sospensjoni temporanja tar-regoli previsti fir-Regolament Dublin III, notevolment il-kriterju li poġġa r-responsabbiltà sabiex ikunu eżaminati applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq l-Istat Membru tal-ewwel dħul fejn l-applikant ikun qasam b’mod irregolari l-fruntiera minn pajjiż terz. L-għan iddikjarat tal-miżura kien li jiġu rrilokati 40000 applikant fi żmien sentejn lejn Stati Membri oħra. Id-deċiżjoni ġiet adottata b’vot unanimu.

11.

Fi żmien ġimgħa l-Kunsill adotta t-tieni deċiżjoni li tipprovdi għal skema ta’ rilokazzjoni għal 120000 ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ( 19 ). Id-Deċiżjoni 2015/1601 introduċiet wkoll skeda ta’ tqassim li tindika kif iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati kellhom jitqiegħdu fl-Istati Membri ( 20 ). Dik id-deċiżjoni kienet politikament kontroversjali u ġiet adottata b’vot ta’ maġġoranza kkwalifikata ( 21 ). Fil-25 ta’ Ottubru 2015 saret laqgħa ta’ livell għoli fuq stedina tal-President tal-Kummissjoni li inkludiet Stati kemm tal-Unjoni kif ukoll Stati li ma humiex ( 22 ). Il-parteċipanti qablu fuq sensiela ta’ miżuri (stabbiliti fi “Stqarrija”), sabiex titjieb il-kooperazzjoni u sabiex tiġi stabbilita konsultazzjoni bejn il-pajjiżi tul il-Rotta tal-Balkani tal-Punent. Huma ddeċidew ukoll dwar miżuri (li kellhom jiġu implementati immedjatament) immirati sabiex jillimitaw il-movimenti sekondarji, sabiex jiġi pprovdut kenn għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sabiex jiġu ġestiti l-fruntieri u sabiex jiġu miġġielda l-kontrabandu u t-traffikar ( 23 ). Kemm il-bażi legali preċiża kif ukoll l-effett legali preċiż ta’ dawn il-miżuri ma humiex ċari ( 24 ).

12.

Sadanittant, fil-21 ta’ Awwissu 2015, il-Ġermanja ġiet deskritta fl-istampa li “eżentat” liċ-ċittadini Sirjani mir-Regolament Dublin III ( 25 ). F’Settembru 2015 hija reġgħet stabbiliet kontrolli fuq il-fruntieri mal-Awstrija wara li rċeviet mijiet ta’ eluf ta’ nies fi ftit jiem. Hija neħħiet l-hekk imsejħa “eżenzjoni” f’Novembru 2015.

13.

Fil-15 ta’ Settembru 2015 l-Ungerija għalqet il-fruntiera tagħha mas-Serbja. Konsegwenza tal-għeluq kienet li influss kbir ta’ nies ġie dirett minflok lejn is-Slovenja. Fis-16 ta’ Ottubru 2015 l-Ungerija bniet ilqugħ tul il-fruntiera tagħha mal-Kroazja. Bejn Novembru 2015 u Frar 2016 il-FYROM bniet ilqugħ tul il-fruntiera tagħha mal-Greċja.

14.

Sa tmiem Ottubru 2015 kważi 700000 persuna kienu vvjaġġaw tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent mill-Greċja lejn l-Ewropa Ċentrali. In-numri ġew deskritti kemm bħala “mingħajr preċedent”, bħala “influss massiv” u “eċċezzjonali”. L-istatistika dwar id-dħul u r-reġistrazzjoni tvarja bejn il-pajjiżi tul ir-rotta. Wasliet ta’ kuljum approssimattivi fis-Serbja kienu ta’ 10000 (Ottubru) u 5000 (Novembru) ( 26 ).

15.

Fil-11 ta’ Novembru 2015 is-Slovenja bdiet tibni lqugħ tul il-fruntiera tagħha mal-Kroazja. F’Diċembru tal-2015 l-Awstrija bniet ilqugħ fil-qsim ewlieni tal-fruntieri mas-Slovenja. L-Awstrija kienet sadanittant introduċiet temporanjament mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni fis-16 ta’ Settembru 2015.

16.

Fl-14 ta’ Frar 2016 l-Awstrija ħabbret li kienet qed iddaħħal nies mill-Afganistan, mill-Iraq u mis-Sirja biss. Fit-18 ta’ Frar 2016 il-kapijiet ta’ diversi servizzi tal-pulizija kellhom laqgħa f’Żagreb u nħarġet Stqarrija ( 27 ). Il-politika li n-nies jitħallew jgħaddu mill-Istati Balkani tal-Punent waqfet meta l-Awstrija bidlet il-politika tal-ażil liberali tagħha (jiġifieri fi Frar 2016).

17.

Fir-rigward ta’ Stati oħra, Franza introduċiet mill-ġdid temporanjament kontrolli fuq il-fruntieri interni bejn Lulju 2016 u Jannar 2017. Id-Danimarka introduċiet inizjattiva simili, u sussegwentement tawlet il-kontrolli mill-4 ta’ Jannar 2016 sat-12 ta’ Novembru 2016. In-Norveġja introduċiet mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni mis-26 ta’ Novembru 2015 sal-11 ta’ Frar 2017 u l-Isvezja adottat miżuri tal-istess tip mit-12 ta’ Novembru 2015 sal-11 ta’ Novembru 2016.

18.

Il-kwantità kbira ta’ nies li vvjaġġaw tul il-Rotta tal-Balkani tal-Punent fl-ispazju relattivament qasir ta’ żmien fl-aħħar tal-2015 u kmieni fl-2016 flimkien mad-diffikultajiet politiċi li segwew huma komunement deskritti flimkien fil-qosor bħala “l-kriżi tar-refuġjati” jew “il-kriżi umanitarja” fil-Balkani tal-Punent. Dan kien l-ikbar moviment ta’ massa ta’ persuni fi ħdan l-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn u jikkostitwixxi ċ-ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali li jiffurmaw l-isfond għal dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari.

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Genève

19.

L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 28 ) dwar l-istatus tar-refuġjati, jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ penalitajiet, minħabba d-dħul illegali tagħhom jew il-preżenza tagħhom, fuq refuġjati li jaħarbu minn territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienu mhedda, fejn huma preżenti fi Stat mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm dawn jippreżentaw ruħhom lill-awtoritajiet u juru li għandhom kawża tajba għad-dħul jew il-preżenza illegali tagħhom. Skont l-Artikolu 31(2), l-Istati ma għandhomx japplikaw restrizzjonijiet fuq il-movimenti tar-refuġjati fit-territorju tagħhom għajr dawk li huma meħtieġa. Kwalunkwe restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati biss sakemm l-istatus tar-refuġjati jiġi rregolarizzat jew jiksbu dħul f’pajjiż ieħor. L-Istati għandhom jippermettu lir-refuġjati perijodu raġonevoli u l-faċilitajiet meħtieġa sabiex jiksbu dħul lejn pajjiż ieħor.

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

20.

L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 29 ) jipprovdi li ħadd ma għandu jkun suġġett għal tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Il-Karta

21.

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 30 ) jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB. L-Artikolu 18 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għall-ażil bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

Is-sistema ta’ Dublin

Ir-Regolament Dublin III

22.

Ir-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Dublin III huma kumplessi. Il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament Dublin II, kien japplika fid-Danimarka mill-2006 bis-saħħa tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u “Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 31 ). Ma hemm l-ebda ftehim korrispondenti fir-rigward tar-Regolament Dublin III. Skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, mehmuż mat-TUE u mat-TFUE, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Ir-Regolament japplika għal Stati Membri oħra tal-Unjoni bil-mod ordinarju, mingħajr kwalifika.

23.

Bis-saħħa tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera, ir-Regolament Dublin III japplika għal dak l-Istat ( 32 ).

24.

Il-preambolu tar-Regolament Dublin III jinkludi l-istqarrijiet li ġejjin.

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (iktar ’il quddiem is-“SEKA”) hija parti mill-għan tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi progressivament spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħa għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ifittxu b’mod leġittimu protezzjoni fl-Unjoni. Din is-sistema hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Is-SEKA għandha tinkludi, f’terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 33 ).

Tali metodu għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jippermetti li jiġi ddeterminat minnufih l-Istat Membru responsabbli, sabiex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ( 34 ).

Is-sistema ta’ Dublin hija l-pedament tas-SEKA billi talloka b’mod ċar ir-responsabbiltà fost l-Istati Membri għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ( 35 ).

Fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ Dublin huwa meħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-ażil tal-Unjoni ( 36 ).

Il-protezzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal u r-rispett għall-ħajja tal-familja huma kunsiderazzjonijiet primarji fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ( 37 ). L-ipproċessar flimkien ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali tal-membri ta’ familja waħda minn Stat Membru wieħed jikkonforma mal-osservanza tal-prinċipju ta’ unità tal-familja ( 38 ).

Sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, inkonformità, b’mod partikolari, mal-Artikolu 47 tal-Karta. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant ( 39 ).

Il-ħolqien progressiv ta’ żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ persuni jkun iggarantit skont it-TFUE u l-istabbiliment ta’ politika tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi sforzi komuni lejn l-amministrazzjoni ta’ fruntieri esterni, jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn kriterji ta’ responsabbiltà fi spirtu ta’ solidarjetà ( 40 ).

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, l-Istati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 41 ).

Ir-Regolament Dublin III jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-Karta ( 42 ).

25.

Kif jindika l-Artikolu 1, ir-Regolament Dublin III “jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’)”.

26.

Id-definizzjonijiet li ġejjin huma stabbiliti fl-Artikolu 2:

“(a)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li mhijiex ċittadin ta’ Stat li jipparteċipa [fir-Regolament Dublin III] permezz ta’ ftehim mal-Unjoni Ewropea;

(b)

‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva dwar il-kwalifika];

(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

(d)

‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-[Direttiva dwar il-proċeduri] u d-[Direttiva dwar il-kwalifika] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont [ir-Regolament Dublin III];

[…]

(1)

‘dokument ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jew persona apolida biex joqgħod fit-territorju tiegħu, inklużi d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx iktar, ħlief viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perjodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’dan ir-Regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza;

(m)

‘viża’ tfisser l-awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru rekwiżita għal transitu jew dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri. In-natura tal-viża għandha tkun iddeterminata skont id-definizzjonijiet li ġejjin:

‘viża għal soġġorn twil’ tfisser awtorizzazzjoni jew deċiżjoni maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu jew il-liġi tal-Unjoni rekwiżita għal dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru ta’ aktar minn tliet xhur,

‘viża għal soġġorn qasir’ tfisser awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ transitu minn jew soġġorn intenzjonat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kollha ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur li jibda fid-data tal-ewwel dħul fuq it-territorju tal-Istati Membri;

‘viża għal tranżitu f’ajruport’ tfisser viża valida għal transitu miż-żoni ta’ transitu internazzjonali f’ajruport wieħed jew aktar tal-Istati Membri;

[…]”

27.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) l-Istati Membri għandhom jeżaminaw kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplikaw fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-fruntieri jew fiż-żoni ta’ tranżitu. Kull applikazzjoni bħal din għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw li huwa responsabbli.

28.

L-Artikolu 3(2) jipprovdi:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

29.

Il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (għall-finijiet tal-Artikolu 1) huma stabbiliti fil-Kapitolu III (iktar ’il quddiem il-“kriterji tal-Kapitolu III”). L-Artikolu 7(1) jgħid li l-kriterji għandhom jiġu applikati skont il-ġerarkija stabbilita f’dak il-kapitolu. L-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant l-ewwel ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali ma’ Stat Membru kif ipprovdut fl-Artikolu 7(2). Fil-quċċata tal-ġerarkija hemm il-kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-minuri (Artikolu 8) u l-membri tal-familja (Artikoli 9, 10 u 11). Dawn ma huma direttament inkwistjoni fl-ebda waħda mill-kawżi prinċipali ( 43 ).

30.

Imbagħad fil-ġerarkija hemm l-Artikolu 12, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kriterju relatat mal-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew ta’ viżas. Skont l-Artikolu 12(1), fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 12(2), meta applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali, sakemm il-viża ma tkunx inħarġet f’isem Stat Membru ieħor taħt arranġament ta’ rappreżentanza kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 ( 44 ). F’każ bħal dan, l-Istat Membru rrappreżentat għandu jkun responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

31.

L-Artikolu 13 għandu t-titolu “Dħul u/jew permanenza”. L-Artikolu 13(1) jipprovdi:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [ ( 45 )], li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

32.

Il-kriterju ta’ qabel tal-aħħar, stabbilit fl-Artikolu 14, jirrigwarda “Dħul b’rinunzja għall-viża”. Dan jgħid:

“1.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li fih il-ħtieġa li jkollu viża tkun irrinunzjata, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu.

2.   Il-prinċipju stipulat fil-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jiddepożita l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor, li fih il-ħtieġa li jkollu viża għad-dħul fit-territorju tkun ukoll irrinunzjata. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.”

33.

Il-kriterju finali (Artikolu 15) jikkonċerna applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ssir f’żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport u ma huwiex rilevanti għar-rinviji preżenti.

34.

L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni taħt l-Artikolu 17(1) li jidderogaw mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III u li jiddeċiedu li jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk, skont il-kriterji tal-Kapitolu III, tali eżami ma jkunx ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

35.

Il-Kapitolu V fih id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-“Istat Membru responsabbli”. Fi ħdan dak il-kapitolu, l-Artikolu 18 jelenka ċerti obbligi, li jinkludu t-teħid tal-inkarigu ta’ applikant li jkun ippreżenta applikazzjoni fi Stat Membru differenti [Artikolu 18(1)(a)] jew it-teħid lura ta’ applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza [Artikolu 18(1)(b)].

36.

L-Artikolu 20(1) jipprovdi li l-proċess sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru. Applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jitqiesu li ġew ippreżentati meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, kif previst fl-Artikolu 20(2) ( 46 ).

37.

Bis-saħħa tal-Artikolu 21, meta Stat Membru li għandu kienet ippreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni, huwa jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor sabiex jieħu l-inkarigu tal-applikant. Skont l-Artikolu 22(1) ( 47 ), l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba sabiex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha jirċievi t-talba. L-Artikolu 22(7) jipprovdi li nuqqas ta’ azzjoni f’dak il-perijodu jfisser aċċettazzjoni tat-talba ( 48 ).

38.

Bl-istess mod, talba skont l-Artikolu 23 sabiex jittieħed lura applikant li jippreżenta applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali għandha ssir kemm jista’ jkun malajr. Skont l-Artikolu 25 l-Istat Membru mitlub għandu jwieġeb malajr kemm jista’ jkun – mhux iktar tard minn xahar mid-data li fiha jirċievi t-talba. Skont l-Artikolu 25(2), nuqqas li jagħmel hekk huwa ttrattat bħala aċċettazzjoni tat-talba.

39.

Ċerti salvagwardji proċedurali huma stabbiliti fl-Artikoli 26 u 27. Tal-ewwel jipprovdi li meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu l-inkarigu tal-applikant jew li jieħdu lura, l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli. Dik id-deċiżjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

40.

Skont l-Artikolu 27(1), l-applikanti għandhom id-dritt għal rimedju effettiv fil-forma ta’ appell jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, mid-deċiżjoni ta’ trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

41.

L-Artikolu 29 jipprovdi:

“1.   It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]” ( 49 ).

42.

L-Artikolu 33 huwa intitolat “Mekkaniżmu għal twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni ta’ kriżijiet”. L-Artikolu 33(1) jgħid: “Fejn, fuq il-bażi ta’, b’mod partikolari, l-informazzjoni miġbura mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO)] skont ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 [ ( 50 )], il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tista’ titqiegħed fil-perikolu minħabba jew l-identifikazzjoni ta’ riskju ssostanzjat ta’ pressjoni partikolari li titpoġġa fuq is-sistema ta’ asil ta’ Stat Membru u/jew minħabba problemi fil-funzjonament tas-sistema ta’ asil ta’ Stat Membru, hija għandha, b’kooperazzjoni mal-EASO, tagħmel rakkomandazzjonijiet lil dak l-Istat Membru u tistiednu jfassal pjan ta’ azzjoni preventiva.

[…]”

Ir-regoli li jimplementaw ir-Regolament Dublin III

43.

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 ( 51 ) stabbilixxa s-sistema Eurodac. L-għan ta’ din is-sistema huwa li tassisti sabiex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli skont ir-Regolament Dublin III sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

44.

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ( 52 ) fih żewġ listi li jindikaw il-mezzi ta’ prova sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Dublin III. Il-Lista “A” tirreferi għal prova formali li tiddetermina r-responsabbiltà sakemm ma tkunx ikkontradetta bi prova kuntrarja. Il-Lista “B” tirreferi għal evidenza ċirkustanzjali: elementi indikattivi li, għalkemm konfutabbli, jistgħu jkunu suffiċjenti, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex jiddeterminaw ir-responsabbiltà.

Schengen

45.

Taħt sura jew oħra, il-moviment liberu bejn il-pajjiżi Ewropej ilu jseħħ mill-Medju Evu ( 53 ). Il-Ftehim ta’ Schengen, iffirmat fl-14 ta’ Ġunju 1985, kopra l-abolizzjoni gradwali tal-fruntieri interni u pprovda kontroll tal-fruntiera esterna tal-Istati firmatarji. Fid-19 ta’ Ġunju 1990 ġiet iffirmata l-Konvenzjoni li Timplementa l-Ftehim Schengen ( 54 ). Il-konvenzjoni kopriet kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntiera esterna u l-abolizzjoni ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-proċeduri għall-ħruġ ta’ viża uniformi u l-operazzjoni ta’ database unika għall-membri kollha [is-Servizz ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (iktar ’il quddiem “is-SIS”)], kif ukoll tistabbilixxi mezz għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta’ immigrazzjoni tal-membri. Dawn il-kwistjonijiet inġiebu fil-qafas tal-acquis tal-Unjoni bit-Trattat ta’ Amsterdam. Mhux it-28 Stat Membru kollha tal-Unjoni jipparteċipaw bis-sħiħ fl-acquis ta’ Schengen ( 55 ). Hemm arranġamenti partikolari għall-Irlanda u r-Renju Unit ( 56 ).

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

46.

Il-premessi fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 57 ) jagħmlu l-istqarrijiet rilevanti li ġejjin. Il-ħolqien ta’ żona fejn l-individwi jiċċaqalqu b’mod liberu għandu jkun sostnut minn miżuri oħra, bħal politika komuni ta’ qsim tal-fruntieri esterni ( 58 ). F’dak ir-rigward, l-istabbiliment ta’ “korp komuni” ta’ leġiżlazzjoni huwa wieħed mill-komponenti fundamentali tal-politika komuni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni ( 59 ). Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, imma tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

47.

Il-premessi jkomplu jgħidu li l-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u sabiex tkun ipprevenuta kwalunkwe theddida għas-sigurtà interna, għall-politika pubblika, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri ( 60 ). Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu b’mod li tiġi rrispettata għal kollox d-dinjità tal-bniedem. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom isiru b’mod professjonali u rispettuż u għandhom ikunu proporzjonat mal-għanijiet segwiti ( 61 ). Il-kontrolli fuq il-fruntieri jikkonsistu mhux biss fil-verifiki fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza bejn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera, imma wkoll analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna u analiżi tat-theddid li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-fruntieri esterni. Għalhekk hemm bżonn li jkunu stabbiliti l-kundizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli dettaljati li jirregolaw il-verifiki f’punti ta’ qsim u s-sorveljanza ( 62 ). Għandu jiġi pprovdut li jiġu rrilassati kontrolli fuq il-fruntieri esterni fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli sabiex jiġi evitat ħin ta’ stennija eċċessiv f’punti ta’ qsim tal-fruntiera. Anki jekk kontrolli fuq il-fruntieri jiġu rrilassati, madankollu, l-ittimbrar sistematiku tad-dokumenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibqa’ obbligatorju. L-ittimbrar jagħmilha possibbli li jkunu stabbiliti, b’ċertezza, id-data u l-post ta’ qsim tal-fruntiera, mingħajr ma jiġi stabbilit fil-każijiet kollha li l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll tad-dokument tal-ivvjaġġar ikunu twettqu ( 63 ).

48.

L-Artikolu 1 effettivament jistabbilixxi għan doppju għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-ewwel nett, huwa jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri bejn l-Istati Membri parteċipanti. It-tieni nett, huwa jistabbilixxi regoli dwar il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Istati Membri tal-Unjoni.

49.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

2.

‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]

5.

‘persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni’ tfisser:

(a)

ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) [TFUE], u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ ( 64 )];

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, li skond xi ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u dawk il-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra, għandhom id-drittijiet għal moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni;

6.

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta’ l-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) [TFUE] u li mhix koperta mill-punt 5 [tal-Artikolu 2];

7.

‘persuni li għalihom ikun inħareġ allert sabiex ma jitħallewx jidħlu’ tfisser kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li għalih ikun inħareġ allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (‘SIS’) skond u għall-finijiet ta’ l-Artikolu 96 [tal-KFS];

8.

‘punt ta’ qsim tal-fruntiera’ tfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni;

[…]

9.

‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10.

‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11.

‘sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera;

[…]

13.

‘gwardja tal-fruntiera’ tfisser kull uffiċjal pubbliku assenjat, skond il-liġi nazzjonali, ma’ xi punt ta’ qsim tal-fruntiera jew matul xi fruntiera jew fil-viċinanza immedjata ta’ dik il-fruntiera li jwettaq, skond dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali, xogħol ta’ kontroll ta’ fuq il-fruntiera;

[…]

15.

‘permess ta’ residenza’ tfisser:

(a)

il-permessi ta’ residenza kollha maħruġa mill-Istati Membri skont il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 [ ( 65 )] u għall-karti ta’ residenza maħruġa skont id-Direttiva 2004/38/KE;

(b)

kull dokument ieħor maħruġ minn Stat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jawtorizzah joqgħod fit-territorju tiegħu, li kien is-suġġett ta’ notifika u pubblikazzjoni sussegwenti skont l-Artikolu 34, bl-eċċezzjoni ta’:

(i)

permessi temporanji maħruġa sakemm tiġi eżaminata l-ewwel applikazzjoni għal permess ta’ residenza kif stipulat fil-punt (a) jew applikazzjoni għal asil u

(ii)

viżi maħruġa mill-Istati Membri fil-format uniformi stipulat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 […];

[…]” ( 66 )

50.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ikopri “kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni ta’ l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju: (a) għad-drittijiet ta’ persuni li jgawdu mid-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni; u (b) għad-drittijiet ta’ refuġjati u persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tan-non refoulement”

51.

Skont l-Artikolu 3a, l-Istati Membri għandhom jaġixxu inkonformità sħiħa mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Karta, il-Konvenzjoni ta’ Genève u d-drittijiet fundamentali meta japplikaw dan ir-regolament. Dak jinkludi obbligu li jittieħdu deċiżjonijiet fuq bażi individwali.

52.

L-Artikolu 5 għandu t-titolu “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”. Skont l-Artikolu 5(1), il-kundizzjonijiet għal tali persuni li s-soġġorn ippjanat tagħhom ma jkunx ta’ iktar minn 90 jum f’kull perijodu ta’ 180 jum ( 67 ) huma dawn li ġejjin: (a) pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera; (b) pussess ta’ viża valida; (c) ikun hemm ġustifikazzjoni tal-għan u tal-kundizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu biħsiebu jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu biħsiebu jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’pożizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment; (d) ma jkunux persuna li għaliha jkun inħareġ allert fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul; u (e) ma humiex meqjusa bħala, inter alia, theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna ( 68 ).

53.

Bħala deroga minn dawk ir-rekwiżiti, l-Artikolu 5(4)(ċ) jipprovdi li “[ċ]ittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Meta ċ-ċittadin minn pajjiż terz konċernat ikun soġġett għal xi allert kif imsemmi fil-paragrafu 1 punt (d), l-Istat Membru li jkun qed jawtorizza d-dħul tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan”.

54.

L-Artikolu 8 jippermetti lill-gwardji tal-fruntieri li jirrilassaw il-kontrolli li għandhom isiru fil-fruntiera esterna f’ċirkustanzi eċċezzjonali u imprevedibbli. Tali ċirkustanzi eċċezzjonali u imprevedibbli għandhom jitqiesu li huma dawk meta avvenimenti imprevedibbli jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija fil-fruntieri jsir eċċessiv, u r-riżorsi kollha jkunu ġew eżawriti fir-rigward tal-persunal, tal-faċilitajiet u tal-organizzazzjoni.

55.

Madankollu, l-Artikolu 8(3) jgħid li, anki meta l-verifiki jiġu rrilassati, il-gwardja tal-fruntiera għandu madankollu jittimbra d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kemm mad-dħul kif ukoll mal-ħruġ, skont l-Artikolu 10(1), li jipprovdi li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu ttimbrati sistematikament mad-dħul u mal-ħruġ. It-timbri għandhom isiru fuq: (a) id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, li tippermetti ċittadini minn pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera; (b) id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li favur tagħhom tkun inħarġet viża fil-fruntiera minn Stat Membru sabiex jaqsmu l-fruntiera; u (c) id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex suġġetti għal ħtieġa ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntiera.

56.

L-Artikolu 13 jgħid li ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-ażil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

Is-SIS

57.

Is-SIS hija essenzjalment sistema ta’ informazzjoni li tappoġġja kontroll tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-Istati li huma partijiet fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (iktar ’il quddiem “l-Istati Schengen”). L-għan ewlieni tagħha huwa li tassisti fil-preżervazzjoni tas-sigurtà interna f’dawk l-Istati fl-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni ( 69 ). Dan jiġi żgurat, inter alia, permezz ta’ proċedura awtomatizzata ta’ tiftix li tipprovdi aċċess għal allerti dwar persuni għall-finijiet ta’ kontrolli fuq il-fruntieri. Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (jiġifieri, individwi li ma humiex ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini ta’ Stati li skont ftehimiet mal-Unjoni Ewropea u l-Istati kkonċernati jgawdu minn drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni) ( 70 ), l-Istati Membri għandhom idaħħlu allert fis-SIS meta awtorità kompetenti jew qorti tieħu deċiżjoni li tirrifjuta dħul jew soġġorn, ibbażata fuq theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li tista’ toħloq l-preżenza ta’ dak individwu ( 71 ). L-allerti jistgħu jiddaħħlu wkoll meta dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien suġġett għal miżura li tinvolvi tkeċċija, ċaħda ta’ dħul jew tneħħija li ma ġietx irrevokata jew sospiża ( 72 ).

Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95

58.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 ( 73 ) jistabbilixxi format uniformi (sticker) għall-viżi maħruġa mill-Istati Membri li għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet fl-Anness tiegħu. L-ispeċifikazzjonijiet ikopru “karatteristiċi ta’ sigurtà”, bħal ritratt integrat, marka ottikament varjabbli, logo tal-Istat Membru li jagħmel il-ħruġ, il-kelma “viża”, u numru nazzjonali b’disa’ ċifri.

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

59.

L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa ( 74 ). Dak ir-rekwiżit huwa bla ħsara għall-Ftehim Ewropew dwar l-Abolizzjoni tal-Viżi għal Refuġjati ( 75 ). Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-Istati elenkati fl-Anness II huma eżentati minn dan ir-rekwiżit għal viżi għal soġġorni qosra. L-Istati Membri huma intitolati wkoll li jipprevedu eċċezzjoni minn dan ir-rekwiżit għal ċerti kategoriji limitati ta’ persuni ( 76 ).

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża

60.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (iktar ’il quddiem il-“VIS”) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE ( 77 ). Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 ( 78 ), il-VIS tippermetti lill-Istati ta’ Schengen jiskambjaw data tal-viża dwar applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn qasir u dwar deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħhom. L-Artikolu 2(f) jgħid li l-għanijiet tal-VIS jinkludu li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin II. Skont l-Artikolu 4, “viża” hija ddefinita b’riferiment għas-KFS. Sticker tal-viża tirreferi għall-format uniformi għall-viżi ddefinit fir-Regolament Nru 1683/95. L-espressjoni “dokument tal-ivvjaġġar” tfisser passaport jew dokument ieħor ekwivalenti li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li miegħu tista’ titwaħħal viża.

61.

L-Artikolu 21 jipprovdi li għall-iskop uniku tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil meta dan jinvolvi li jiġi stabbilit jekk Stat Membru jkunx ħareġ viża jew jekk l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali “ikun[x] qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” (skont dawk li llum huma l-Artikoli 12 u 13 rispettivament tar-Regolament Dublin III), l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għal tiftix fid-database mal-marki tas-swaba tal-applikant għall-ażil ikkonċernat.

Ir-Regolament Nru 810/2009

62.

Kif jgħid l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 810/2009, dan ir-regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum. Ir-rekwiżiti japplikaw għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu jkollu viża valida meta jaqsam il-fruntieri esterni ta’ Stat Membru.

63.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi ċittadin ta’ pajjiż terz bħala kull persuna li ma hijiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Viża hija l-awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bil-għan ta’ tranżitu jew ta’ soġġorn previst fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ tul ta’ mhux iktar minn tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur li jibda jgħodd mid-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ passaġġ miż-żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti tal-Istati Membri. Sticker tal-viża tfisser il-format uniformi tal-viżi kif imfisser bir-Regolament Nru 1683/95. Dokumenti tal-ivvjaġġar irrikonoxxuti huma dokumenti rrikonoxxuti minn Stat Membru wieħed jew iktar għall-fini ta’ twaħħil ta’ viżi ( 79 ).

Id-Direttiva dwar il-proċeduri

64.

Kif jissuġġerixxi t-titolu tagħha, id-Direttiva dwar il-proċeduri tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-kwalifika. L-Artikolu 3 jiddikjara li d-Direttiva dwar il-proċeduri tapplika għal dawn l-applikazzjonijiet kollha magħmula fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea.

65.

Skont l-Artikolu 31, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati skont il-proċedura ta’ eżami stabbilita fid-Direttiva mill-aktar fis possibbli ( 80 ). Ir-regola ġenerali hija li l-proċedura ta’ eżami għandha tintemm fi żmien sitt xhur minn meta tiġi ppreżentata applikazzjoni. Madankollu, fejn l-applikazzjonijiet ikunu suġġetti għall-proċedura stabbilita fir-Regolament Dublin III, it-terminu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tal-individwu jiġi ddeterminat skont dan ir-regolament ( 81 ). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-proċedura ta’ eżami għandha tiġi aċċelerata u/jew imwettqa fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu jekk applikant, inter alia, jidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat “b’mod illegali”, jew jirrifjuta li jkollu l-marki tas-swaba’ meħudin skont ir-Regolament Eurodac ( 82 ).

Id-Direttiva dwar ir-ritorn

66.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115/KE ( 83 ) jgħid li din id-direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri sabiex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skont id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

67.

L-Artikolu 2 jipprovdi li d-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt għas-soġġorn f’dak l-Istat Membru.

68.

Skont l-Artikolu 3, ċittadin ta’ pajjiż terz tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni Ewropea u li ma tgawdix drittijiet ta’ moviment ħieles kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-espressjoni “soġġorn illegali” hija ddefinita bħala li “tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru” ( 84 ).

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari

69.

F’dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti gwida fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-kawża A.S. ( 85 ) hija rinviju mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja). Il-kawża Jafari ( 86 ) hija rinviju mill-Verwaltungsgerichtshof Wien (qorti amministrattiva suprema, Vjenna, l-Awstrija).

70.

Id-domandi magħmula miż-żewġ qrati tar-rinviju huma marbuta u jikkoinċidu b’mod sostanzjali. Jien għalhekk se nittratta ż-żewġ kawżi flimkien f’dawn il-konklużjonijiet. Se nuża l-kelma “migrazzjoni” b’mod ġeneriku sabiex tiddeskrivi l-influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 (iktar ’il quddiem iż-“żmien materjali”). Dak l-influss inkluda kemm nies li kienu refuġjati jew li kellhom il-ħsieb li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea u kemm migranti fis-sens iktar ġenerali ta’ dik il-kelma ( 87 ).

Il-Kawża C‑490/16, A.S.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

71.

Il-qorti tar-rinviju tindika li A.S., ċittadin Sirjan, telaq mis-Sirja għal-Libanu u, minn hemm, ivvjaġġa lejn it-Turkija, imbagħad il-Greċja, il-FYROM, is-Serbja, il-Kroazja u s-Slovenja. Huwa aċċettat bejn il-partijiet li huwa vvjaġġa fis-Serbja b’mod organizzat permezz ta’ dik li hija deskritta bħala “ferrovija tal-migranti”, li huwa daħal fil-Kroazja mis-Serbja u li, fil-punt ta’ qsim indikat tal-fruntiera nazzjonali, huwa kien akkumpanjat mill-awtoritajiet Statali Serbi. Huwa kien ittrasferit lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri nazzjonali Kroati. Dawn tal-aħħar ma waqqfuhx milli jidħol fil-Kroazja, ma bdewx proċedura tat-tkeċċija tiegħu mit-territorju Kroat u ma vverifikawx jekk huwa kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul legali fil-Kroazja. Pjuttost, l-awtoritajiet Kroati organizzaw trasport lejn il-fruntiera nazzjonali Slovena.

72.

Fl-20 ta’ Frar 2016 A.S. daħal fis-Slovenja mal-fluss ta’ nies fuq il-“ferrovija tal-migranti” fuq il-post ta’ fruntiera ta’ Dobova, fejn kien irreġistrat. Fil-jum ta’ wara (il-21 ta’ Frar 2016) huwa flimkien ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu qed jivvjaġġaw permezz tal-Balkani tal-Punent ittieħdu għand l-awtoritajiet tas-sigurtà Awstrijaċi fuq il-fruntiera Slovena mal-Awstrija, li bagħtuhom lura lejn is-Slovenja. Fit-23 ta’ Frar 2016 A.S. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet Sloveni. Fl-istess jum l-awtoritajiet Sloveni bagħtu ittra lill-awtoritajiet Kroati skont l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi fuq l-estradizzjoni u r-ritorn ta’ individwi li daħlu jew issoġġornaw irregolarment fit-territorju Sloven (ftehim internazzjonali). Is-Slovenja talbet lill-Kroazja sabiex tieħu lura 66 persuna, li A.S. kien wieħed minnhom. B’ittra tal-25 ta’ Frar 2016 l-awtoritajiet Kroati kkonfermaw li huma kienu se jieħdu dawk il-persuni lura. Fid-19 ta’ Marzu 2016 is-Slovenja ressqet talba formali għal teħid lura taħt ir-Regolament Dublin III. Fit-18 ta’ Mejju 2016, l-awtoritajiet Kroati kkonfermaw l-aċċettazzjoni tagħhom li l-Kroazja kienet l-Istat Membru responsabbli.

73.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016 il-Ministeru Sloven tal-Intern (iktar ’il quddiem il-“Ministeru Sloven”) informa lil A.S. li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx se tiġi eżaminata mis-Slovenja u li kien se jiġi ttrasferit lejn il-Kroazja, bħala l-Istat Membru responsabbli (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Ministeru Sloven”).

74.

Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-kriterju fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Skont dik id-dispożizzjoni, meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qasam b’mod irregolari l-fruntiera ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru jkun responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Jekk kienx hemm qsim irregolari ta’ fruntiera fi kwalunkwe każ partikolari jiġi stabbilit b’riferiment għal prova jew evidenza ċirkustanzjali kif deskritti fiż-żewġ listi fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin li jinkludi kull data disponibbli fl-Eurodac.

75.

Il-Ministeru Sloven kien tal-fehma li A.S. daħal fil-Kroazja irregolarment matul Frar tal-2016. Huwa kkunsidra wkoll li fit-18 ta’ Mejju 2016 l-awtoritajiet Kroati rrispondew b’mod pożittiv għat-talba tal-awtoritajiet Sloveni sabiex jieħdu responsabbiltà għall-applikazzjoni ta’ A.S. skont ir-Regolament Dublin III fuq il-bażi tal-kriterju fl-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-regolament, fis-sens li l-Kroazja hija l-Istat Membru kompetenti sabiex jeżamina l-applikazzjoni ta’ A.S. ( 88 ). Is-sistema Eurodac ma pprovdietx tqabbil pożittiv għall-Kroazja għal A.S., imma dan ma huwiex deċiżiv għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. L-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali meta individwi mill-“ferrovija tal-migranti” qasmu l-fruntiera nazzjonali għal ġol-Kroazja kienet l-istess bħal fil-każijiet meta l-migranti kienu ġew irreġistrati fis-sistema Eurodac.

76.

Fis-27 ta’ Ġunju 2016 A.S. ikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja) fuq il-bażi li l-kriterju tal-Artikolu 13(1) kien ġie applikat b’mod żbaljat. L-aġir tal-awtoritajiet statali Kroati għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kien daħal fil-Kroazja legalment.

77.

Fl-4 ta’ Lulju 2016 dik il-kontestazzjoni ġiet miċħuda, iżda A.S. irnexxielu jikseb is-sospensjoni tad-deċiżjoni tal-Ministeru.

78.

Huwa appella mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju fis-7 ta’ Lulju 2016. Din tal-aħħar hija tal-fehma li sabiex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni ta’ A.S. għall-protezzjoni internazzjonali, hija teħtieġ gwida dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III li “applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru”. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod partikolari jekk il-kliem “qasam b’mod irregolari” għandux jiġi interpretat b’mod awtonomu jew flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn u mal-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li A.S. qasam il-fruntiera mis-Serbja għall-Kroazja taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet Kroati, minkejja li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (billi ma kellux id-dokumenti meħtieġa, bħalma hija viża valida), huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk id-dħul fit-territorju tal-Unjoni tiegħu kienx irregolari.

79.

Il-qorti tar-rinviju trid ukoll gwida dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti proċedurali tar-Regolament Dublin III, jiġifieri jekk id-dritt ta’ A.S. għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 27 ta’ dak ir-regolament ikoprix l-evalwazzjoni fil-liġi dwar kif il-kliem “irregolari” jew “dħul illegali” fi Stat Membru fl-Artikolu 13(1) għandhom jiġu applikat. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, imbagħad ikun meħtieġ li jiġi stabbiliti kif joperaw it-termini fl-Artikoli 13(1) u 29(2) tar-Regolament Dublin III. Essenzjalment il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk iż-żmien ikomplix jiddekorri meta tiġi ppreżentata kontestazzjoni skont l-Artikolu 27(1), b’mod partikolari meta trasferiment ikun ġie eskluż skont l-Artikolu 27(3).

80.

Fit-13 ta’ Settembru 2016 il-qorti tar-rinviju għalhekk għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kriterju skont l-Artikolu 13(1), fir-rigward ta’ deċiżjoni li Stat Membru mhux ser jeżamina t-talba għal protezzjoni internazzjonali, li Stat Membru ieħor diġà assuma r-responsabbiltà sabiex jeżamina t-talba tar-rikorrent fuq l-istess bażi u meta r-rikorrent jikkontesta dan?

2.

Il-kundizzjoni ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Dublin III] għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u indipendenti jew flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva dwar ir-ritorn] u l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jiddefinixxu l-qsim b’mod irregolari tal-fruntiera u din l-interpretazzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-Artikolu 13(1) ta’ [dak ir-regolament]?

3.

Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, il-kunċett ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Dublin III] fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx qsim b’mod irregolari tal-fruntiera meta l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jorganizzaw il-qsim tal-fruntiera bil-għan ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor tal-UE?

4.

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, l-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Dublin III] għandu konsegwentement jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn l-Istat [Membru] fejn huwa daħal inizjalment fit-territorju tal-UE?

5.

L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 29(2) ma jiddekorrux meta r-rikorrent jeżerċita d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja, a fortiori meta dan jirrigwarda wkoll domanda preliminari jew meta l-qorti nazzjonali tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal tali domanda magħmula f’kawża oħra? Sussidjarjament, it-termini jiddekorru f’tali każ, bl-Istat Membru responsabbli madankollu ma jkollux id-dritt li jiċħad l-akkoljenza?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

81.

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Settembru 2016. Madankollu, il-kawża sussegwentement ingħatat trattament prijoritarju permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2016, peress li tqajjem kwistjonijiet komuni mal-Kawża C‑646/16, Jafari, li hija suġġetta għall-proċedura mħaffa.

82.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn A.S., mill-Greċja, mill-Ungerija, mis-Slovenja, mir-Renju Unit u mill-Isvizzera, u mill-Kummissjoni Ewropea. Minħabba x-xebh mal-Kawża C‑646/16, Jafari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li torganizza seduta konġunta taż-żewġ kawżi ( 89 ).

Il-Kawża C‑646/16, Jafari

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

83.

K. Jafari u Z. Jafari huma ċittadini tal-Afganistan. Huma aħwa. K. Jafari għandha tifel li twieled fl-2014, u Z. Jafari għandha żewġt ibniet li twieldu fl-2011 u fl-2007. It-tfal huma ċittadini Afgani wkoll.

84.

Iż-żewġ aħwa flimkien mat-tfal rispettivi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“familji Jafari”) ħarbu mill-Afganistan, minħabba li żwieġhom rispettivi kienu ttieħdu mit-Talibani u kienu meħtieġa jiġġieldu fl-armata tat-Talibani. Huma rrifjutaw li jagħmlu dan u nqatlu mit-Talibani. Il-missirijiet tar-rispett taż-żewġ nisa aħwa Jafari mbagħad żammew lin-nisa msakkra, fil-magħluq: wieħed minnhom ikkunsidra li ż-żamma ta’ bintu tar-rispett maqfula kien xieraq għal raġunijiet reliġjużi; l-ieħor ħaseb li jkun aktar sigur għat-tifla tar-rispett tiegħu li tinżamm maqfula. Missier l-aħwa Jafari rnexxielu jirranġalhom sabiex jaħarbu mill-Afganistan. L-aħwa jibżgħu li jekk imorru lura l-Afganistan jerġgħu jinqaflu mill-familji rispettivi tagħhom u huma wkoll f’riskju li jitħaġġru għall-mewt.

85.

Il-familji Jafari ħallew l-Afganistan matul Diċembru 2015. Bl-għajnuna ta’ “traffikant tan-nies” dawn l-ewwel ivvjaġġaw lejn l-Iran (fejn qattgħu tliet xhur) imbagħad lejn it-Turkija (fejn qattgħu madwar 20 jum) u mbagħad lejn il-Greċja (fejn qattgħu tlett ijiem). L-awtoritajiet Griegi ħadu data bijometrika mingħand Z. Jafari u ttrażmettew il-marki tas-swaba diġitali tagħha permezz tal-Eurodac. Il-familji Jafari mbagħad ivvjaġġaw mill-FYROM, mis-Serbja, mill-Kroazja u mis-Slovenja, qabel finalment waslu fl-Awstrija. Ma għaddewx iktar minn ħamest ijiem bejn it-tluq tagħhom mill-Greċja u dħul mill-ġdid tagħhom fit-territorju tal-Unjoni.

86.

Mit-18 ta’ Novembru 2015 ’il quddiem, il-Kroazja kienet bdiet tgħarbel l-influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Hija ppermettiet biss dawk mill-Afganistan, mill-Iraq u mis-Sirja – li kienu probabbli li jikkwalifikaw għall-istatus ta’ refuġjati – sabiex jgħaddu mit-territorju tagħha. Il-familji Jafari ssodisfaw dak it-test. Fil-Kroazja huma talbu aċċess għal tabib sabiex jikkuraw waħda mill-bniet ta’ Z. Jafari. Ma ngħatat l-ebda assistenza. Huma damu siegħa jistennew xarabank u mbagħad qasmu l-fruntiera għal ġewwa s-Slovenja.

87.

Fil-15 ta’ Frar 2016 l-awtoritajiet kompetenti fis-Slovenja fformulaw dokument li rreġistra d-dettalji personali tal-familji Jafari. Dan indika “NEMČIJA/DEU” (“destinazzjoni tal-vjaġġ il-Ġermanja”) għal Z. Jafari. Għal K. Jafari, l-ittri “DEU” kienu nqatgħu bl-idejn u mibdula bi “AUT” bl-idejn (għalhekk, “NEMČIJA/AUT” (“destinazzjoni tal-vjaġġ l-Awstrija”) ( 90 ). Fl-istess jum l-aħwa qasmu l-fruntiera Awstrijaka flimkien u għamlu l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali għalihom innifishom u għat-tfal tagħhom f’dak l-Istat. L-awtoritajiet Awstrijaċi ddikjaraw li huma kienu oriġinarjament indikaw li xtaqu jivvjaġġaw lejn l-Isvezja. Madankollu, dan huwa kkontestat mill-aħwa.

88.

L-awtorità kompetenti Awstrijaka [l-Uffiċċju Federali Awstrijak għall-immigrazzjoni u l-ażil (Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali” jew il-“BFA”)] ma vverifikatx l-istqarrija tal-aħwa dwar il-fatt li kienu ħarbu mill-Afganistan, għaliex kienet tal-fehma li l-Kroazja kienet l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. Wara li l-ewwel avviċinat lill-awtoritajiet Sloveni, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2016, il-BFA talbet lill-awtorità kompetenti Kroata sabiex tieħu l-inkarigu tal-aħwa u ta’ wliedhom skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Dublin III. Il-BFA affermat li, peress li l-familji Jafari kienu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri b’mod irregolari permezz tal-Kroazja, dak l-Istat Membru kien responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom. L-awtorità kompetenti Kroata ma weġbitx. Għaldaqstant, il-BFA informatha, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 2016, li, skont l-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali issa kienet b’mod irrevokabbli tal-Kroazja.

89.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Settembru 2016, l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali bħala “inammissibbli”, innota li l-Kroazja kienet responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III u ħareġ ordni ta’ tkeċċija fis-sens li l-familji Jafari kellhom jiġu rritornati lill-Kroazja. Fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu, l-Uffiċċju Federali pproċeda fuq is-suppożizzjoni li l-aħwa u wliedhom kienu daħlu l-ewwel fit-territorju tal-Unjoni fil-Greċja. Skont il-BFA, huma kienu, madankollu, imbagħad telqu mill-ġdid mit-territorju tal-Unjoni u sussegwentement reġgħu daħlu fit-territorji tal-Istati Membri fil-Kroazja. Id-dħul fil-Greċja u fil-Kroazja ntqal li kien irregolari. Madankollu, fil-Greċja kien hemm nuqqasijiet sistemiċi kontinwi fil-proċedura tal-ażil. Għalhekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, il-Kroazja kellha titqies bħala l-Istat Membru responsabbli. Intqal li ma kien hemm ebda nuqqas sistemiku fis-sistema tal-ażil hemmhekk. L-aħwa jikkontestaw din il-konklużjoni ( 91 ).

90.

Kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, l-Awstrija), li ddeċidew dwar ir-rikors tagħhom kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, ikkunsidraw li l-istqarrija tal-familji Jafari u l-informazzjoni mogħtija dwar il-vjaġġ tagħhom mill-Afganistan kienu plawsibbli. Barra minn hekk, ma hemmx kontestazzjoni li l-odissea tal-familji Jafari seħħet matul l-influss tal-massa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Unjoni mill-Balkani tal-Punent bejn Settembru 2015 u Marzu 2016.

91.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ottubru 2016, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) ma laqgħetx l-appelli tal-familji Jafari. Meta għamlet hekk hija essenzjalment ikkonfermat il-konstatazzjonijiet tal-BFA. Hija ddeċidiet li meta l-familji Jafari kienu daħlu fil-Kroazja mis-Serbja dawn kienu qasmu l-fruntiera mingħajr viża ta’ dħul, għalkemm bħala ċittadini Afgani suppost kellhom waħda. Għalhekk, id-dħul minn dik il-fruntiera kien irregolari. Sa fejn seta’ jiġi stabbilit, anki d-dħul fl-Awstrija kien mingħajr viża u għalhekk kien ukoll “irregolari”.

92.

Iż-żewġ aħwa (iżda mhux it-tfal tagħhom) ikkontestaw dik id-deċiżjoni fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każijiet rispettivi tagħhom għandhom jitqiesu sabiex jiġi stabbilit liema Stat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. Huma jsostnu li daħlu fit-territorju tal-Unjoni skont l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (jiġifieri, għal raġunijiet umanitarji). Għaldaqstant, il-qsim tal-fruntiera ma kienx “dħul irregolari” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Dak kien ir-raġunament wara l-Ftehim tat-18 ta’ Frar 2016 li jippermetti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni sabiex jaqsmu l-Istati Membri sabiex jilħqu l-post fejn xtaqu jitolbu l-ażil ( 92 ). Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Dublin III, l-Awstrija hija għalhekk l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali.

93.

Il-qorti tar-rinviju kienet taf li kien diġà sar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja) fil-Kawża C‑490/16, A.S. Madankollu, hija tal-fehma li ċ-ċirkustanzi sottostanti fil-kawża tal-familji Jafari huma differenti minn dawk fil-kawża A.S. Fil-każ tal-familji Jafari, l-awtorità kompetenti Kroata naqset milli tirrispondi għat-talba sabiex jittieħed l-inkarigu magħmula skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Dublin III. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III huwa l-kriterju rilevanti tal-Kapitolu III li japplika sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli. Dak ir-regolament madankollu ma jiddefinixxix “qsim irregolari” tal-fruntiera. Il-qorti tar-rinviju għalhekk titlob gwida dwar jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretat b’mod awtonomu jew b’riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni li jirregolaw ir-rekwiżiti relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni, bħal dawk fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Sa fejn l-awtoritajiet Kroati ppermettew lill-familji Jafari li jidħlu f’pajjiżhom u ssorveljaw it-trasport tagħhom lejn il-fruntiera Slovena, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-aġir huwiex fil-fatt “viża” fis-sens tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III.

94.

Il-familji Jafari jsostnu li l-kriterju rilevanti tal-Kapitolu III huwa l-Artikolu 14 (rinunzja tar-rekwiżiti tal-viża). Il-qorti tar-rinviju ma hijiex konvinta li dik il-fehma hija korretta. Hija għalhekk tixtieq tkun taf jekk dik id-dispożizzjoni jew l-Artikolu 13(1) humiex il-kriterju xieraq sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Ghezelbash u Karim ( 93 ), il-qorti tar-rinviju tosserva li applikant jista’ jistrieħ fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ Dublin III f’appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fuq il-bażi ta’ dak ir-regolament. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi aċċertat liema huwa l-kriterju korrett li għandu jiġi applikat.

95.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar il-pretenzjoni tal-familji Jafari li huma jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Hija għalhekk titlob ukoll il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta ta’ dik id-dispożizzjoni.

96.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domandi li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 2(m), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13 tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra marbuta mar-Regolament Dublin III, jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw tifsira awtonoma?

2.

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati b’mod indipendenti minn strumenti legali oħra:

(a)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto minn Stat Membru għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa ‘viża’ fis-sens tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

(b)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-‘viża’ ma tibqax valida?

(c)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-‘viża’ tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-‘viża’ ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

(d)

Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-‘viża’, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-‘viża’ ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 2(a):

(e)

L-espressjoni ‘qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz’, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti tal-kawżi prinċipali, għandu jitqies li ma kienx hemm qsim irregolari tal-fruntiera esterna?

3.

Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra:

(a)

Sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm ‘qsim irregolari’ tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jitqies b’mod partikolari jekk id-dħul fit-territorju jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u b’mod partikolari l-Artikolu 5 ta’ [dak l-att], dispożizzjoni din li tapplika għall-kawżi prinċipali minħabba d-data tad-dħul fit-territorju?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 3(a):

(b)

Liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu partikolarment inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ikunx hemm ‘qsim irregolari’ tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

(c)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto, mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi individwali, minn Stat Membru, għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c):

(d)

L-awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju taħt l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen twassal sabiex ikollu jitqies li hemm awtorizzazzjoni ekwivalenti għal viża fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u, għaldaqstant, ‘viża’ li tissodisfa l-Artikolu 2(m) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li jkollhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III billi jittieħed inkunsiderazzjoni ukoll l-Artikolu 12 tiegħu?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a), 3(c) u 3(d):

(e)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-‘viża’ ma tibqax valida?

(f)

Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-‘viża’ tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-‘viża’ ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

(g)

Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-‘viża’, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-‘viża’ ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c) iżda domanda negattiva għad-domanda 3(d):

(h)

L-espressjoni ‘qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz’, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti fil-kawżi prinċipali, għandu jitqies li l-qsim tal-fruntiera, li jiġi kklassifikat bħala awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma għandux jitqies li huwa qsim irregolari tal-fruntiera esterna?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

97.

Skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża għandha tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa. Dik it-talba ntlaqgħet b’digriet tal-President tal-15 ta’ Frar 2017.

98.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-familji Jafari, mill-Awstrija, minn Franza, mill-Ungerija, mill-Italja, mill-Isvizzera u mill-Kummissjoni Ewropea.

99.

Fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2017 miżmuma flimkien mal-Kawża C‑490/16, A.S., skont l-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura, A.S. u l-familji Jafari, kif ukoll l-Awstrija, Franza, il-Greċja, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ressqu l-argumenti orali tagħhom.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

Is-sistema ta’ Dublin: ħarsa fil-qosor

100.

Is-sistema ta’ Dublin tistabbilixxi proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 94 ). Il-possibbiltà li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod liberu fiż-żona Schengen ( 95 ) ħolqot diffikultajiet potenzjali u tfassal mekkaniżmu sabiex jiġi żgurat li, bħala prinċipju, Stat parteċipant wieħed biss ikun responsabbli sabiex jeżamina kull applikazzjoni għall-ażil. L-għanijiet huma, inter alia, li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli malajr, li jiġi evitat u skoraġġut il-forum shopping ( 96 ), li jiġu preklużi u skoraġġuti movimenti sekondarji ( 97 ) u li jiġi evitat il-fenomenu ta’ dawk li jfittxu ażil “fl-orbita” – jiġifieri, li tiġi evitata sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jsostni li ma għandu l-ebda responsabbiltà għaliex Stat Membru ieħor jikkostitwixxi pajjiż terz sigur u għalhekk għandu jkun responsabbli ( 98 ). Ir-Regolament Eurodac jirfed ir-Regolament Dublin III.

101.

L-ewwel sett ta’ kriterji fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III jalloka r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-garanzija tar-rispett lejn l-unità tal-familja ( 99 ). Il-kriterji suċċessivi għandhom l-għan li jiddeterminaw liema Stat ikkontribwixxa bl-ikbar mod għad-dħul jew għar-residenza tal-applikant fit-territorju tal-Istati Membri billi ħareġ viża jew permess ta’ residenza, billi naqas milli jkun diliġenti fil-kontroll tal-fruntieri tiegħu, jew billi neħħa l-ħtieġa għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li jkollu viża ( 100 ).

Schengen

102.

Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom obbligu li tinżamm l-integrità tal-fruntiera esterna tal-Unjoni, li għandha tinqasam f’ċerti punti awtorizzati biss. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti ( 101 ). Ċittadin ta’ pajjiż terz li qasam il-fruntiera b’mod irregolari u li ma għandu l-ebda dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkun arrestat u għandu jkun suġġett għall-proċeduri ta’ ritorn ( 102 ). Fil-prattika, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaslu fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri ħafna drabi ma jixtiqux jitolbu ażil hemmhekk u jirrifjutaw li jittieħdulhom il-marki tas-swaba tagħhom, jekk fil-fatt l-awtoritajiet kompetenti jipprovaw jagħmlu dan ( 103 ). Bħala prinċipju, minn dak il-mument ’il quddiem il-persuni kkonċernati jistgħu jiġu indikati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn ( 104 ).

103.

Il-proċedura ppreferuta skont id-Direttiva dwar ir-ritorn hija r-ritorn volontarju. F’każijiet ta’ ritorn forzat, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ projbizzjoni ta’ dħul mal-Unjoni kollha u jista’ jqiegħed dik l-informazzjoni fis-SIS.

104.

Is-sistema ta’ Dublin, l-acquis ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn jidhru li jipprovdu pakkett komprensiv ta’ miżuri. Madankollu, iż-żewġ każijiet inkwistjoni jesponu l-lakuni u d-diffikultajiet prattiċi fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli meta għadd straordinarjament kbir ta’ nies jivvjaġġaw bl-art, iktar milli bl-ajru, lejn l-Unjoni fi żmien relattivament qasir ta’ żmien sabiex ifittxu l-kenn. Diġà ddeskrivejt iċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 ( 105 ).

It-temi ġenerali fid-domandi tal-qrati tar-rinviju

105.

Id-domandi magħmula miż-żewġ qrati tar-rinviju jirrigwardaw numru ta’ temi komuni.

106.

L-ewwel nett, x’metodoloġija ġenerali għandha tiġi applikata għall-interpretazzjoni tal-kriterji fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament Dublin III? B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinqraw flimkien mal-acquis ta’ Schengen ( 106 )? It-tieni nett, il-kooperazzjoni u l-faċilitajiet mogħtija mill-Istati ta’ tranżitu tal-Unjoni (b’mod partikolari, il-Kroazja u s-Slovenja) jammontaw fil-fatt għal viżi fit-tifsira tal-Artikoli 2(m) u 12 ta’ dak ir-regolament? (Din il-kwistjoni ma tqajmitx espressament fil-kawża A.S., imma r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tkun ta’ għajnuna għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali) ( 107 ). It-tielet nett, kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III? B’mod partikolari, x’inhi t-tifsira tal-frażi “qasam b’mod irregolari l-konfini” u x’inhi r-relazzjoni (jekk hemm) bejn dik id-dispożizzjoni u l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn? ( 108 ) Ir-raba’ nett, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tħallew jidħlu fiż-żona Schengen matul il-kriżi umanitarja fil-Balkani tal-Punent jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għall-kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 109 )? Il-ħames nett, x’jikkostitwixxi “dħul b’rinunzja għall-viża” fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III?

107.

Fil-kawża A.S., il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba wkoll li teżamina ċerti aspetti proċedurali tar-Regolament Dublin III ( 110 ). Finalment, huwa meħtieġ li jiġu evalwati l-konsegwenzi prattiċi tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għaż-żewġ kawżi ( 111 ).

108.

Dawn id-domandi qed isiru f’kuntest li fih Stat Membru wieħed kien deskritt bħala li ssospenda l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III għal perijodu ta’ żmien, filwaqt li oħrajn kienu deskritti bħala li “ssospendew Schengen” billi dawn bnew ilqugħ madwar il-fruntieri interni tagħhom ma’ Stati Membri oħra tal-Unjoni li huma wkoll fiż-żona Schengen ( 112 ).

109.

Il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija esklussivament ġudizzjarja: li tiżgura, skont l-Artikolu 19(1) TUE, li “d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati”. Huwa evidenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tidħol fl-arena politika sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni (ikkumplikata) ta’ kif, minħabba l-ġeografija tal-Ewropa, applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu allokati fost l-Istati Membri tal-Unjoni. Iċ-ċirkustanzi mingħajr preċedent li kienu jeżistu fil-Balkani tal-Punent bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 poġġew madankollu fid-dieher id-diskrepanza bejn il-ġeografija u l-kriterji elaborati fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III. Bla tlaqliq jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tintalab tipprovdi soluzzjoni legali u tpoġġiha retrospettivament f’sitwazzjoni fattwali li r-regoli legali applikabbli ftit li xejn huma xierqa sabiex jittrattawha. Tkun liema tkun is-soluzzjoni magħżula, din x’aktarx li tkun kontroversjali ma’ xi wħud.

L-ewwel kwistjoni: il-metodoloġija applikabbli meta jiġu interpretati l-kriterji fl-Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament Dublin III

110.

Il-qrati tar-rinviju fil-kawżi A.S. u Jafari jixtiequ jaċċertaw jekk huwiex meħtieġ li jiġu kkunsidrati atti oħra tal-Unjoni marbuta mar-Regolament Dublin III jew jekk dak ir-regolament [b’mod partikolari l-Artikoli 2(m), 12, 13 u 14 tiegħu] għandux jiġi interpretat indipendentement minn dawn l-atti. Huwa aċċettat li ġie rranġat tranżitu bil-kooperazzjoni tal-Istati kkonċernati. Għalhekk, tqum neċessarjament il-kwistjoni dwar jekk ir-regoli relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni jaffettwawx l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III.

111.

Ir-rikorrenti fil-kawża Jafari flimkien mal-Awstrija, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Isvizzera u l-Kummissjoni jsostnu li l-kriterji tal-Kapitolu III għandhom jiġu interpretati flimkien ma’ atti oħra, jiġifieri l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn.

112.

A.S. isostni li l-interpretazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III ma għandhomx ikunu bbażati fuq ir-regoli nazzjonali jew internazzjonali biss. Tali interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali u l-obbligi tal-Istati ta’ tranżitu tal-Unjoni, li aġixxew skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Artikolu 3 tal-KEDB (il-projbizzjoni kontra t-tortura), kif ukoll l-Artikoli 4(2) u 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

113.

L-Italja tikkunsidra li l-kwistjoni ewlenija ma hijiex jekk l-approċċ ġenerali għall-interpretazzjoni jqisx atti oħra tal-Unjoni jew le. L-ewwel nett l-Italja tgħid li, bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 l-Istati ta’ tranżitu tal-Unjoni ma ħarġux viżi lil dawk li jgħaddu mit-territorju tagħhom. It-tieni nett, hija tenfasizza li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

114.

Fil-fehma tar-Renju Unit il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn ma għandhom l-ebda effett legali fuq l-espressjoni “qasam b’mod irregolari” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat indipendentement minn dawk l-atti.

115.

Jiena ma narax l-approċċ għall-interpretazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III bħala xelta binarja bejn żewġ għażliet: l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III b’mod iżolat totali, jew l-interpretazzjoni tiegħu b’mod li jirriżulta li t-termini ta’ dak ir-regolament jiġu ddefiniti b’riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ promulgazzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni.

116.

Hija ġurisprudenza stabbilita li meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, imma anki l-kuntest li qiegħda fih u l-għanijiet tar-regoli li minnhom tifforma parti ( 113 ). L-ewwel wieħed mill-“Prinċipji ġenerali” fil-“Gwida konġunta prattika għal persuni involuti fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni” ( 114 ) jgħid li l-leġiżlazzjoni għandha tkun ċara, sempliċi u preċiża, b’tali mod li ma tħalli l-ebda inċertezza fil-moħħ tal-qarrej. Meta att jikkondividi definizzjonijiet komuni ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, ikun raġonevoli li wieħed jistenna li jsib riferiment reċiproku espress, billi l-kunċett ta’ definizzjoni li għandha tiġi inkorporata impliċitament huwa inkonsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 115 ). La l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u lanqas id-Direttiva dwar ir-ritorn ma jinkludu definizzjonijiet li jagħmlu riferiment reċiproku għall-kriterji tal-Kapitolu III fir-Regolament Dublin III.

117.

Il-kliem tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III huwa differenti mill-Artikoli 13 u 14 sa fejn dan fil-fatt jagħmel espressament riferiment reċiproku għall-Kodiċi dwar il-Viżi li huwa parti mill-acquis ta’ Schengen. Dak ir-riferiment huwa ċar, sempliċi u preċiż biżżejjed sabiex jindika li l-Kodiċi dwar il-Viżi huwa rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ( 116 ). B’dan premess, ma jsegwix li l-kelma “viża” fl-Artikolu 12 hija limitata għad-definizzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-Kodiċi dwar il-Viżi ( 117 ).

118.

L-ewwel nett, ir-Regolament Dublin III japplika għal Stati Membri li ma humiex parti mill-acquis ta’ Schengen, notevolment l-Irlanda u r-Renju Unit. Fir-rigward ta’ dawk l-Istati, “viża” għandha tirreferi għal dokument irrikonoxxut bħala tali taħt ir-regoli nazzjonali. It-tieni nett, “viża” tkopri kategoriji ta’ dokumenti li ma humiex il-viża għal soġġorn qasir li taqa’ fl-ambitu tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Huwa ċar mill-kliem tal-Artikolu 2(m) tar-Regolament Dublin III li dan l-att japplika għal tliet tipi differenti ta’ viża ( 118 ).

119.

Dak ir-raġunament japplika ugwalment għall-Artikolu 14 fejn il-kelma “viża” tintuża wkoll. Dak it-terminu għandu jiġi interpretat ukoll bl-istess mod bħall-Artikolu 12 għal finijiet ta’ koerenza u ta’ konsistenza.

120.

Minn dan isegwi li l-acquis ta’ Schengen huwa element rilevanti li għandu jiġi kkunsidrat għall-interpretazzjoni tal-kelma “viża”, imma ma jiddeterminax it-tifsira għall-finijiet tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III.

121.

L-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III ma jagħmel ebda riferiment espress għal xi miżura fl-acquis ta’ Schengen jew għad-Direttiva dwar ir-ritorn.

122.

Madankollu, il-kuntest statutorju jindika li r-Regolament Dublin III huwa parti integrali mis-SEKA li hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 119 ). Dik il-konvenzjoni tipprovdi l-qafas internazzjonali għall-ħarsien tar-refuġjati u dawk li jfittxu status ta’ refuġjat. Skont l-Artikolu 31(2) tal-imsemmija konvenzjoni, l-Istati ma għandhomx, bħala prinċipju, jirrestrinġu l-movimenti tar-refuġjati ġewwa t-territorju tagħhom; u kwalunkwe restrizzjoni li titqies li hija meħtieġa għandha tiġi applikata biss sakemm l-istatus tar-refuġjati jiġi rregolarizzat jew jiġu ammessi f’pajjiż ieħor. L-Istati għandhom jippermettu lir-refuġjati żmien raġonevoli u l-faċilitajiet meħtieġa sabiex jiġu ammessi f’pajjiż ieħor. Hemm bżonn li dik id-dispożizzjoni tiġi kkunsidrata fl-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III ( 120 ). Għaldaqstant, ir-regolament għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tiegħu u b’mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan jirriżulta mill-Artikolu 78(1) TFUE. Mill-premessa 39 jirriżulta wkoll li r-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta ( 121 ).

123.

Peress li r-Regolament Dublin III huwa parti integrali tas-SEKA, l-acquis tal-ażil tal-Unjoni huwa fattur rilevanti wkoll ( 122 ). Hemm referenzi espressi għad-Direttiva dwar il-kwalifika, għad-Direttiva dwar l-akkoljenza u għad-Direttiva dwar il-proċeduri ( 123 ). Is-SEKA kienet ikkonċepita f’kuntest fejn kien raġonevoli li wieħed jassumi li l-Istati parteċipanti kollha, kemm jekk Stati Membri kif ukoll Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève u l-Protokoll tal-1967 u fuq il-KEDB ( 124 ), u li l-Istati Membri jistgħu għalhekk ikollhom fiduċja f’xulxin f’dak ir-rigward ( 125 ). “Huwa preċiżament minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament Nru 343/2003 bil-għan li jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tat-talbiet għal ażil u li jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet statali li jipproċessaw talbiet multipli ppreżentati mill-istess persuna li tkun qegħda tfittex l-ażil, u bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tat-talba għal ażil u b’hekk li jiġi evitat ‘forum shopping’, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tat-talbiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti” ( 126 ). Dawn il-kwistjonijiet jmorru fil-qalba tal-kunċett ta’ “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja” ( 127 ) u, b’mod partikolari, is-SEKA, ibbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali ( 128 ).

124.

L-għanijiet prinċipali tar-Regolament Dublin III jikkonfermaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġu stabbiliti regoli organizzattivi dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, eżatt kif kien il-każ għall-Konvenzjoni ta’ Dublin ta’ qabel ( 129 ). Il-premessi 4, 5 u 7 tar-Regolament Dublin III jirreferu wkoll għall-istabbiliment ta’ metodu ċar u li jiffunzjona sabiex jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil sabiex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat u sabiex ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar b’ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ( 130 ).

125.

Sa liema punt miżuri li ma humiex tas-SEKA, bħall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn, huma rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III fl-Artikoli 12, 13(1) u 14?

126.

Diġà spjegajt li nikkunsidra li l-Artikoli 12 u 14 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, għalkemm il-Kodiċi dwar il-Viżi huwa rilevanti għat-tifsira tal-kelma “viża” f’ċerti aspetti ( 131 ).

127.

Rigward l-interpretazzjoni ta’ “qsim irregolari” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, ma hemmx terminu korrispondenti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għaldaqstant ma hemmx kwistjoni ta’ tentattivi għat-traspożizzjoni ta’ dak it-terminu mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għar-Regolament Dublin III.

128.

Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-regoli fil-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni ma huwiex l-istess bħal dak tal-Regolament Dublin III. Dan tal-aħħar japplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali ( 132 ): kategorija ta’ persuni li tgawdi minn status speċjali taħt id-dritt internazzjonali bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

129.

L-istorja leġiżlattiva turi li l-arranġamenti sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għall-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li l-Konvenzjoni ta’ Dublin issostitwixxiet kienu inizjalment parti mill-Konvenzjoni intergovernattiva ta’ Schengen ( 133 ), filwaqt li l-oriġini tar-Regolament Dublin III u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen it-tnejn jistgħu jiġu ttraċċati lura għall-KFS. Il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ atti huwa differenti u l-għanijiet rispettivi tagħhom ma humiex l-istess. Għalhekk, ma għandu jkun hemm l-ebda preżunzjoni li minħabba li hemm rabta storika, iż-żewġ atti għandhom jiġu interpretati bl-istess mod.

130.

Ir-Renju Unit jenfasizza li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn ma japplikawx għal ċerti Stati Membri (notevolment għalih stess). Huwa jikkunsidra li għalhekk ikun żbaljat li r-Regolament Dublin III jiġi interpretat b’riferiment għal leġiżlazzjoni li ma testendix mal-Unjoni Ewropea kollha.

131.

Huwa veru li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li ma tapplikax għall-Istati Membri kollha ma għandux jiġi estiż fil-konfront tagħhom jekk mhux mill-bieb mit-tieqa. Madankollu, il-ġeometrija varjabbli misjuba fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bħala riżultat, inter alia, tal-pożizzjoni speċjali tar-Renju Unit ma ħolqotx mudell konsistenti. Ir-Renju Unit ipparteċipa f’ċerti elementi tal-acquis ta’ Schengen filwaqt li evita oħrajn ( 134 ). Il-fatt li r-Renju Unit ma huwiex marbut bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew bid-Direttiva dwar ir-ritorn ma jistax ibiddel in-natura vinkolanti tal-Regolament Dublin III ( 135 ). Lanqas l-assenza tar-Renju Unit minn ċerti strumenti tal-Unjoni ma tista’ toħloq restrizzjoni qawwija de facto fuq l-interpretazzjoni li għandha loġikament tingħata lill-miżuri li jiffurmaw parti minn pakkett. L-għażliet tar-Renju Unit ma jistgħux jiddettaw lill-Unjoni.

132.

B’dan premess, ma hemm l-ebda referenza għad-Direttiva dwar ir-ritorn fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Il-leġiżlatur fil-fatt għamel tali referenza fl-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna t-tressiq ta’ talba ta’ teħid lura meta l-ebda applikazzjoni ġdida ma tkun ġiet ippreżentata għand l-Istat Membru rikjedenti. Għalhekk, li kieku l-leġiżlatur xtaq jirreferi espressament għad-Direttiva dwar ir-ritorn fl-Artikolu 13(1), wieħed jista’ jimmaġina li huwa seta’ u kien jagħmel dik l-għażla.

133.

Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali” fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn ikopri kategorija usa’ ta’ nies minn dak li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Dublin III. Din id-direttiva tkopri ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi (kif iddefiniti). Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat għall-kategorija partikolari ta’ ċittadini barranin li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali sakemm it-talbiet tagħhom jibqgħu pendenti ( 136 ).

134.

It-terminu “soġġorn illegali” fid-Direttiva dwar ir-ritorn jittratta sitwazzjoni differenti minn dik ta’ “qsim tal-fruntiera irregolari” kif previst fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Affum ( 137 ) li ċittadin ta’ pajjiż terz fuq xarabank fi tranżitu fi Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn, għaliex jekk il-persuna kkonċernata tkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-kundizzjonijiet għad-dħul, soġġorn jew residenza, huwa jkun “preżenti hemmhekk illegalment”. Dan huwa minnu, imma dan ma huwiex il-kwistjoni li hemm fil-kawżi A.S. jew Jafari. Hawnhekk, il-qrati tar-rinviju jridu jistabbilixxu jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati qasmux b’mod irregolari l-fruntiera esterna tal-Unjoni.

135.

Naturalment, xi kultant jista’ jkun hemm sovrappożizzjoni bejn iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal qsim irregolari tal-fruntiera u għal “soġġorn illegali” għall-iskopijiet tad-Direttiva dwar ir-ritorn, imma ma humiex l-istess ħaġa ( 138 ). Ma jkunx ta’ għajnuna għaċ-ċarezza fil-komprensjoni li ż-żewġ kunċetti f’żewġ atti legali differenti jingħaqdu.

136.

Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-regolamenti huma ta’ applikazzjoni ġenerali, jorbtu fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Minħabba n-natura stess tagħhom u minħabba posthom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, ir-regolamenti b’hekk joperaw sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom id-dmir li jipproteġu ( 139 ). Minħabba l-ġerarkija tar-regoli, tkun ħaġa stramba li wieħed jinterpreta regolament b’riferiment għal direttiva li lanqas ma tipprovdi definizzjoni preċiża tat-termini użati f’kull miżura minnhom.

137.

Għalhekk, jiena ma naċċettax is-sottomissjoni li r-Regolament Dublin III għandu jiġu interpretat b’riferiment għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

138.

Fl-aħħar nett, filwaqt li r-Regolament Dublin III, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn kollha jaqgħu taħt it-Titolu V tat-TFUE dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-bażi legali ma hijiex l-istess għat-tliet atti kollha. In-nuqqas ta’ bażi legali komuni tindika li l-kuntest u l-għanijiet tat-tliet atti ma humiex kompletament l-istess ( 140 ).

139.

B’dan premess, l-Artikoli 77, 78 u 79 TFUE jikkonċernaw politiki li huma parti mill-istess Kapitolu u l-Artikolu 80 TFUE jagħmilha ċara li dawn il-politiki huma rregolati “mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha bejn l-Istati Membri”. Il-premessa 25 tar-Regolament Dublin III wkoll tiddikjara li l-politiki tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi sforzi komuni fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, jagħmluha neċessarja li jintlaħaq bilanċ bejn kriterji ta’ responsabbiltà fi spirtu ta’ solidarjetà.

140.

Minħabba d-direzzjoni ċara fit-TFUE sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni bejn il-politiki differenti tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ikun b’mod ċar żbaljat li r-Regolament Dublin III jiġi interpretat bħallikieku l-acquis ta’ Schengen huwa totalment irrilevanti.

141.

Jien għalhekk nikkonkludi li r-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-kliem, il-kuntest u l-għanijiet tal-imsemmi regolament biss, iktar milli flimkien ma’ atti oħra tal-Unjoni – inkluż b’mod partikolari l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttiva dwar ir-ritorn, minkejja li meta jiġi interpretat ir-Regolament Dublin III id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti għandhom jitqiesu sa fejn ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi politiki fil-Kapitolu 2 tal-Titolu V tat-Trattat FUE.

It-tieni kwistjoni: l-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III

142.

Bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 l-awtoritajiet Kroati u Sloveni, affaċċjati b’influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li riedu jgħaddu fi tranżitu mit-territorji tagħhom, ippermettew id-dħul ta’ dawk li xtaqu jippreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fi Stat Membru ieħor ( 141 ). Fil-kawża Jafari l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-permess sabiex jgħaddu mit-territorji tagħhom li tawhom dawk l-Istati Membri għandux jitqies bħala “viża” fis-sens tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III. Hija tistaqsi wkoll x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi ta’ viża bħal dik [Domandi 2(b) sa (d)].

143.

Ma hemmx domanda espliċita dwar it-tifsira tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III fil-kawża A.S. Madankollu, A.S. ivvjaġġa wkoll matul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent u tħalla jidħol fit-territorju ta’ diversi Stati Membri sabiex jasal fid-destinazzjoni tal-għażla tiegħu. Il-kwistjoni ta’ jekk l-approċċ tolleranti (“wave through”) jammontax għal viża għall-finijiet tal-kriterji tal-Kapitolu III hija għalhekk rilevanti wkoll għas-sitwazzjoni tiegħu u hija impliċita fid-Domanda 3 fil-każ tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-fatt li domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirreferi biss għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-gwida kollha fuq elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu ta’ assistenza sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża pendenti quddiemha, irrispettivament minn jekk dik il-qorti għamlitx jew le riferiment għalihom fit-test tad-domandi tagħha ( 142 ).

144.

Ir-rikorrenti fil-kawża Jafari, l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u l-Kummissjoni jaqblu li r-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun “le”. L-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III moqrija flimkien ma jfissrux li l-Istati Membri li jippermettu ċittadini minn pajjiżi terzi jidħlu fit-territorju tagħhom u jgħaddu fi triqithom lejn Stat Membru fejn jixtiequ jissottomettu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu kkunsidrati li nħarġulhom viżi. L-Isvizzera ma għamlet l-ebda osservazzjoni bil-miktub fuq dak il-punt.

145.

Jiena naqbel ma’ dik il-fehma ġenerali.

146.

L-aħwa Jafari l-ewwel nett jirrilevaw li huma ma kellhomx permessi ta’ residenza validi meta daħlu fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III ma huwiex rilevanti għalihom.

147.

Bħala ċittadini Afgani l-familji Jafari kienu meħtieġa li jkollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni ( 143 ). Huma ma ssodisfawx dik il-kundizzjoni ( 144 ). Il-kwistjoni hija jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-mogħdija tagħhom minn Stati Membri differenti qabel il-wasla tagħhom fis-Slovenja jew fl-Awstrija skont il-każ, huma għandhomx jitqiesu li nħarġulhom viżi fid-dawl tat-termini tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

148.

Jekk dan huwa hekk, l-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III ikun il-kriterju rilevanti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

149.

Ir-regoli dwar il-ħruġ tal-viżi huma kkumplikati u jinvolvu l-konformità ma’ numru ta’ formalitajiet. Hemm raġunijiet tajbin għal dan. L-iktar fundamentali huwa li jeħtieġu l-kunsinna ta’ biċċa karta. Madankollu l-ebda digriet tar-rinviju ma jissuġġerixxi li Stat Membru ħareġ viża skont it-tifsira ordinarja ta’ dak il-kliem: jiġifieri, li Stat Membru ħa azzjoni billi formalment bagħat jew ikkunsinna viża lil applikant ( 145 ). Huwa aċċettat li ebda waħda mill-kundizzjonijiet tas-soltu ma kienet issodisfatta hawn. Ma kien hemm ebda timbru li jindika li l-applikazzjoni għall-viża kienet ammissibbli, l-ebda perijodu ta’ validità u l-ebda sticker tal-viża ( 146 ). Għalhekk, l-ebda rekwiżit stabbilit fir-Regolament Nru 1683/95 ma seta’ konċepibbilment jiġi ssodisfatt.

150.

Il-formalitajiet huma partikolarment importanti għat-tħaddim xieraq tal-VIS, li tippermetti lill-gwardji tal-fruntieri li jivverifikaw li persuna li tippreżenta viża tkun id-detentur leġittimu tagħha u li jidentifikaw persuni misjuba fiż-żona Schengen b’dokumenti frawdolenti ( 147 ).

151.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li ċ-ċirkustanzi deskritti mill-qrati tar-rinviju fid-digrieti tar-rinviju rispettivi fil-kawżi A.S. u Jafari ma jistgħux jiġu interpretati bħala li taw lok għall-ħruġ ta’ “viża” fis-sens tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Dublin III.

152.

Jekk il-kliem “ħareġ il-viża” fl-Artikolu 12 jiġi interpretat b’mod differenti, dan ikun kuntrarju għat-tifsira naturali tiegħu. Hemm saħħa fl-argument tar-rikorrenti li jekk approċċ tolleranti (“wave through”) informali kellu jkun ekwivalenti għal viża jkun impossibbli li jiġu applikati l-Artikolu 12(4) u (5) tar-Regolament Dublin III. Dan ikun inkonsistenti ma’ dak ir-regolament. Interpretazzjoni bħal dik toħloq kaos sħiħ fir-regoli elaborati u kumplessi relatati mal-viżi fil-Kodiċi dwar il-Viżi u fl-atti relatati u tiġi mminata l-operazzjoni tal-VIS ( 148 ).

153.

Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali li fihom influss massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi daħlu fl-Unjoni bejn l-aħħar tal-2015 u kmieni fl-2016 u kienu tħallew jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-fatt li ċerti Stati Membri ppermettew liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni u sussegwentement jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari ma huwiex ekwivalenti għal ħruġ ta’ “viża” għall-għanijiet tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Nru 604/2013.

154.

Fid-dawl tal-konklużjoni li għadni kif għamilt ma hemmx bżonn li nirrispondi d-Domandi 2(b), (c) u (d) fil-kawża Jafari.

It-tielet kwistjoni: interpretazzjoni ta’ “qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III

155.

Iż-żewġ qrati tar-rinviju jixtiequ gwida dwar it-tifsira tal-kliem “l-applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Essenzjalment, dawn jixtiequ jkunu jafu jekk is-sitwazzjoni għal kollox eċċezzjonali fiż-żmien materjali li fih l-Istati Membri ppermettew espressament influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorji tagħhom sabiex jippermettulhom jgħaddu fi tranżitu sabiex jitolbu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tal-Unjoni tal-għażla tagħhom tikkostitwixxix “qsim irregolari” u għalhekk taqax taħt dik id-dispożizzjoni.

156.

Franza, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovenja, ir-Renju Unit, l-Isvizzera u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III japplika f’ċirkustanzi bħal dawn. L-Awstrija hija tal-fehma li minħabba ċ-ċirkustanzi eżistenti fiż-żmien materjali, l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jippermetti lil ċittadini minn pajjiżi terzi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5(1) għall-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni sabiex xorta waħda jkunu awtorizzati jidħlu għal raġunijiet umanitarji. L-Italja tqis li ma kienx hemm “qsim irregolari” għall-finijiet tar-Regolament Dublin III, peress li l-kriterji tal-Kapitolu III għandhom jiġu interpretati b’riferiment għall-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

157.

Ir-rikorrenti fiż-żewġ kawżi jenfasizzaw li huma qasmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni bl-awtorizzazzjoni u l-assistenza espressa tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Għalhekk huma ma qasmux “b’mod irregolari l-konfini” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

158.

L-isfond għal dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jagħti lok għal kwistjoni kumplessa u kontroversjali ( 149 ). Meta ċittadini minn pajjiżi terzi jaqsmu fruntiera esterna tal-Unjoni b’mod li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dak jattiva awtomatikament konsegwenzi fis-sistema ta’ Dublin b’tali mod li l-ewwel Stat Membru li fit-territorju tiegħu huma jaqsmu jibqa’ responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali? Għalkemm huwa ċar mill-kliem li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III japplika meta applikant ikun qasam b’mod irregolari l-fruntiera ta’ Stat Membru, xejn ma huwa ċar li l-leġiżlatur ried li dik id-dispożizzjoni tapplika fiċ-ċirkustanzi bla preċedent taż-żewġ kawżi ineżami.

159.

Il-Gvern Ungeriż, dak Taljan, dak Sloven u dak Svizzeru josservaw li xi verżjonijiet tat-test jirreferu għal “qsim illegali ta’ konfini” ( 150 ), filwaqt li oħrajn jitkellmu dwar “qsim irregolari ta’ konfini” ( 151 ).

160.

L-aġġettivi “irregolari” u “illegali” ma jitqisux bħala sinonimi fid-dritt internazzjonali tar-refuġjati partikolarment fil-kuntest tal-moviment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn il-fruntieri. Il-kelma “irregolari” hija usa’ minn “illegali”. Hija għandha wkoll il-mertu li hija inqas tendenzjuża peress li ma għandhiex il-konnotazzjoni jew l-isfumatura ta’ kriminalità (impliċita) fir-rigward tal-persuna hekk deskritta ( 152 ).

161.

B’dan premess, jien naqbel mal-osservazzjoni tal-partijiet li d-differenzi lingwistiċi ma jfissrux li hemm ambigwità fis-sens li dawn neċessarjament jagħtu lok għal interpretazzjonijiet diverġenti tal-kliem “l-applikant qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” ( 153 ). Id-differenzi identifikati huma r-riżultat ta’ traduzzjonijiet differenti tat-test oriġinali. Dik il-fehma hija kkonfermata mill-fatt li t-test Ingliż tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin ma huwiex konsistenti mat-test bl-Ingliż tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Dublin III. Il-punt 7 tal-lista A tal-imsemmi anness huwa intitolat: “Dħul illegali minn fruntiera esterna (Artikolu 13(1))”. Dan jistabbilixxi l-elementi probatorji li huma rilevanti f’tali evalwazzjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Dan il-punt jagħmel referenza reċiproka espressa għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta Dublin III; iżda l-kelma “illegali” tintuża flok “irregolari” [it-terminu li jinsab fl-Artikolu 13(1) innifsu]. Ma huwiex kredibbli li l-leġiżlatur ried li jkun hemm differenza sostanzjali bejn iż-żewġ aġġettivi fiż-żewġ testi.

162.

Inżid li l-premessa 12 tgħid li d-Direttiva dwar il-proċeduri tapplika flimkien ma’ u bla ħsara għas-salvagwardji proċedurali stabbiliti fir-Regolament Dublin III. L-Artikolu 31(8)(h) ta’ dik id-direttiva jipprovdi li applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi eżaminata skont proċedura mgħaġġla u/jew mwettqa fuq il-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu fejn applikant jidħol fit-territorju tal-Istat Membru “illegalment”. Il-kelma “illegalment” hija fil-fatt it-tielet aġġettiv applikat mil-leġiżlatur għall-mod li bih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun qasam il-fruntiera ta’ Stat Membru. Wieħed jimmaġina li dan għandu jinqara b’mod li jkun koerenti mal-kliem “qasam b’mod irregolari” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludih ( 154 ).

163.

Ir-Regolament Dublin III ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “qsim b’mod irregolari tal-konfini”.

164.

Ir-riferimenti għall-elementi ta’ prova fl-Artikolu 22(3) tar-Regolament Dublin III u r-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin jindikaw b’mod ċar li l-kwistjoni ta’ jekk hemmx dħul irregolari fi kwalunkwe każ partikolari hija primarjament kwistjoni ta’ fatt għall-awtoritajiet nazzjonali.

165.

Għalhekk, jekk qsim tal-fruntiera huwiex “irregolari” huwa stabbilit b’riferiment għall-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin, li fih żewġ listi ta’ kriterji li għandhom jintużaw għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għal applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 155 ). Il-Lista A ssemmi l-elementi rilevanti ta’ prova formali. L-elementi indikattivi (jew evidenza ċirkustanzjali) huma fil-lista B ( 156 ). L-evidenza elenkata tinkludi t-“timbru tad-dħul fuq passaport; timbru tal-ħruġ minn pajjiż li jkollu l-fruntiera ma’ dik ta’ Stat Membru, filwaqt li titqies ir-rotta meħuda mill-applikant u d-data meta nqasmet il-fruntiera; biljetti li b’mod konkludenti jistabbilixxu d-dħul minn fruntiera esterna”.

166.

L-għan tas-sistema Eurodac huwa wkoll li tgħin fid-determinazzjoni ta’ liema Stat Membru għandu jkun responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Dublin III ( 157 ). L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu minnufih il-marki tas-swaba’ ta’ applikanti li għandhom mill-inqas 14-il sena u jittrażmettuhom (mhux iktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni) lis-Sistema Eurodac Ċentrali ( 158 ). L-Istati Membri huma suġġetti għal obbligu simili li jieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinqabdu f’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-konfini ( 159 ).

167.

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin jispeċifika li qbil pożittiv fis-sistema Eurodac joħloq preżunzjoni li kien hemm dħul irregolari ( 160 ).

168.

Għaż-żona Schengen, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa wkoll għodda utli sabiex jiġi stabbilit jekk id-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Unjoni kienx regolari. Il-kundizzjonijiet għad-dħul huma stabbiliti fl-Artikolu 5(1), filwaqt li l-Artikolu 7 jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifiki fuq il-fruntieri. Huwa probabbli li jekk tali kontrolli juru li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma kinux issodisfatti, tiġi stabbilita l-evidenza probatorja elenkata fil-punt 7 tal-lista A tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin jew l-evidenza ċirkustanzjali elenkata fil-punt 7 tal-lista B.

169.

Għalhekk, f’każijiet fejn kien hemm nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali formali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jaqsmu l-fruntiera esterna normalment huwa probabbli li kien hemm qsim irregolari.

170.

Huwa aċċettat li l-applikanti fiż-żewġ proċeduri prinċipali ma kkonformawx mal-formalitajiet preskritti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

171.

Madankollu, ir-Regolament Dublin III ma kienx ikkonċepit bħala strument sabiex jittratta d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-protezzjoni internazzjonali fil-każ ta’ influss massiv ta’ nies ( 161 ). Iċ-ċirkustanzi fiż-żmien materjali jaqgħu f’lakuna fejn ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali preċiża fit-Trattati jew leġiżlazzjoni sekondarja.

172.

Jistgħu d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu interpretati b’mod li jkopru dawk iċ-ċirkustanzi?

173.

Il-Konvenzjoni ta’ Genève ma fihiex pjan ġenerali għal sistema sabiex ikun iddeterminat l-Istat responsabbli li jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ( 162 ). Dan l-att (b’differenza mill-acquis tal-Unjoni) huwa bbażat f’sistema separata ta’ dritt internazzjonali. Madankollu, jiena naqbel mal-Gvern Taljan li, fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE, huwa sew li wieħed jirreferi għall-Artikoli 31 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève bħala l-punt tat-tluq fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, l-Istati li ppermettew lir-rikorrenti jgħaddu mit-territorji tagħhom aġixxew b’mod konsistenti mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Genève meta għamlu hekk.

174.

Id-dritt għall-ażil huwa stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta u l-projbizzjoni kontra t-tortura u t-trattament inuman u degradanti fl-Artikolu 4 għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni ( 163 ). Dan tal-aħħar huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’kundizzjonijiet li jiksru l-Artikolu 4 jew taż-żamma tagħhom fil-limbu fil-fruntieri nazzjonali f’kundizzjonijiet li huma degradanti ( 164 ).

175.

Id-domanda verament diffiċli hija, kif għandu jinżamm bilanċ?

176.

Minn naħa, jidher ċar li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pożizzjoni ta’ A.S. u l-familji Jafari mhux probabbli li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1). Għalhekk, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li qasmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni “b’mod regolari”. Min-naħa l-oħra, huwa ugwalment ċar li, fiż-żmien materjali l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ tranżitu tal-Unjoni mhux biss ittolleraw il-qsim tal-fruntieri fil-massa, u b’hekk awtorizzawhom taċitament, iżda ffaċilitaw b’mod attiv kemm id-dħul kif ukoll it-tranżitu fit-territorji tagħhom. Qsim bħal dan huwa “irregolari” fis-sens ordinarju ta’ din il-kelma? Żgur li le. Imma kif għandna niddefinixxu dak it-terminu; u dan verament jiddeskrivi bis-sens dak li kien qiegħed jiġri?

177.

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III huwa l-iktar kriterju tal-Kapitolu III użat għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ( 165 ). L-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex ikunu viġilanti fil-garanzija tal-integrità tal-fruntiera esterna tal-Unjoni. Dan jiskoraġġixxi wkoll movimenti sekondarji u forum shopping mill-applikanti ( 166 ).

178.

Għal mument, nagħmlu pass lura u nagħtu ħarsa l-ewwel lejn is-sitwazzjoni “normali” skont ir-Regolament Dublin III qabel ma nerġgħu lura għaż-żewġ kawżi inkwistjoni.

179.

F’ċirkustanzi normali, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III jiġi applikat lil individwu li, b’sotterfuġju jew b’mezzi klandestini, daħal fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma dak id-dħul ikun ġie approvat (proċeduralment u sostantivament) mill-awtoritajiet kompetenti. Id-dħul u s-soġġorn sussegwenti ta’ dak l-individwu huma b’mod ċar “irregolari”. Hemm sett ta’ regoli li kellhom ikunu, iżda ma kinux, osservati. Id-dħul ma kienx permess mill-Istat Membru kkonċernat – iżda dan naqas milli jipprevjeni li d-dħul iseħħ. Forsi kieku l-Istat Membru qagħad iktar attent fid-difiża tal-fruntiera esterna tal-Unjoni, dak l-individwu ma kienx jirnexxielu jidħol baxx baxx fit-territorju tal-Unjoni.

180.

F’ċirkustanzi bħal dawn wieħed jista’ jifhem għal kollox il-loġika li Stat Membru jinżamm responsabbli skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni sussegwenti ta’ dak l-individwu għall-protezzjoni internazzjonali.

181.

Issa niġu lura għall-kriżi umanitarja li ġrat fil-perijodu bejn Settembru 2015 u Marzu 2016.

182.

Hemm mewġa umana ta’ nies iddisprati – dawk li qed jaħarbu l-gwerra fis-Sirja jiżdiedu man-numri ta’ dawk li terrqu mill-Iraq jew mill-Afganistan. Fil-mijiet u fl-eluf tagħhom dawn jaslu sal-fruntiera Kroata ( 167 ). Ta’ fuqhom senduqhom. Jekk ma jitħallewx jidħlu, b’xi mod jagħmlu kampijiet improvviżati, bl-għajnuna internazzjonali – kif u meta tiġi – minn korpi bħall-UNHCR, is-Salib l-Aħmar u l-Médecins Sans Frontières, sabiex jitemgħuhom, jagħtuhom kenn u kura. Se jkun hemm kriżi umanitarja fuq l-għatba tal-Unjoni. Hemm riskju ovvju li l-Istati ġirien Balkani se jkun distabbilizzati, u jinħoloq perikolu reali għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun. Ġejja x-xitwa.

183.

Il-ġeografija u mhux l-għażla tiddetta liema Stati Membri tal-Unjoni qegħdin fuq quddiem. Dawk l-Istati Membri – bħall-Istati Membri tal-Unjoni kollha – għandhom obbligi internazzjonali taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève. Għal raġunijiet umanitarji, huma għandhom idaħħlu dawn il-bnedmin bħalhom li qed isofru ġewwa t-territorju tagħhom. Imma jekk jagħmlu dan, dawk l-Istati Membri mhux se jkunu jistgħu jiggarantixxu kundizzjonijiet xierqa ta’ akkoljenza għal kulħadd ( 168 ). U lanqas ma jistgħu jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ kulħadd għall-protezzjoni internazzjonali malajr jekk l-amministrazzjonijiet tagħhom jingħelbu bin-numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet għall-ipproċessar ( 169 ).

184.

Minn meta l-Konvenzjoni ta’ Dublin ġiet introdotta l-ewwel darba kien hemm tensjoni bejn żewġ għanijiet differenti ( 170 ). Minn naħa, is-sistema ta’ Dublin hija intiża li tistabbilixxi sistema li tipprovdi mekkaniżmu interstatali li jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw malajr il-pajjiż responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Fit-twettiq ta’ dak l-għan l-Istati Membri jridu jipprevjenu żewġ fenomeni, il-forum shopping u movimenti sekondarji. Il-Kummissjoni reċentement sostniet li l-“aktar importanti, l-Istati Membri kollha jridu jimpenjaw ruħhom biex itemmu l-approċċ tolleranti għal dawk li juru interess f’li japplikaw għall-ażil band’oħra. Il-persuni li jaslu fl-Unjoni jridu jkunu jafu li jekk huma għandhom bżonn ta’ protezzjoni dawn se jirċevuha, iżda mhix l-għażla tagħhom li jiddeċiedu fejn” ( 171 ). Min-naħa l-oħra, dak l-approċċ jikkuntrasta mal-għan imħaddan minn ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-UNHCR, li huwa bbażat fuq allokazzjoni tar-responsabbiltà skont fejn issir applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dan tal-aħħar qatt ma mexa ’l quddiem minħabba li r-rieda politika sa issa ma kinitx preżenti ( 172 ).

185.

Ma hemm xejn li jissuġġerixxi li A.S. jew il-familji Jafari biħsiebhom jagħmlu diversi applikazzjonijiet f’ħafna Stati Membri ( 173 ). Bl-istess mod, it-tħassib dwar movimenti sekondarji lanqas ma huwa ġġustifikat f’dawn iż-żewġ każijiet. Id-dħul ta’ A.S. u tal-familji Jafari fl-Unjoni kien iddokumentat. Il-vjaġġi rispettivi tagħhom ma kinux illeċiti bil-mod kif tantiċipa l-leġiżlazzjoni ( 174 ).

186.

Huwa evidenti li l-qsim tal-fruntieri li seħħ f’dawn il-kawżi ma kienx “regolari”. Imma jien ma naċċettax li dak il-qsim tal-fruntiera jiġi kklassifikat sewwa bħala “irregolari” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, klassifikazzjoni li twassal sabiex l-Istat Membru li l-fruntiera tiegħu nqasmet “b’mod irregolari” jsir responsabbli għad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-protezzjoni internazzjonali.

187.

Hawnhekk, ninnota diffikultà oħra dwar l-argumenti mressqa b’mod partikolari minn Franza u mill-Kummissjoni. A.S. u l-familji Jafari daħlu l-ewwel fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiż terz meta qasmu l-fruntiera fil-Greċja, li għalhekk huwa l-ewwel Stat Membru tad-dħul. Interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III twassal sabiex il-Greċja tkun b’hekk l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali. Madankollu, ġie rrikonoxxut mill-2011 li l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jintbagħtu lura lejn il-Greċja ( 175 ).

188.

Bħala parti mill-istess vjaġġ fuq l-art, A.S. u l-familji Jafari mbagħad ħallew għal ftit it-territorju tal-Unjoni qabel ma daħlu mill-ġdid billi qasmu l-fruntiera Kroata. Din tal-aħħar hija għalhekk it-tieni Stat Membru li huma daħlu fih minn pajjiż terz. Bir-riskju li ngħid l-ovvju, mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni għandhom fruntieri kontigwi tal-art ma’ Stati Membri oħra ( 176 ). Ma hemm xejn fit-test tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III li jappoġġa l-qari li r-responsabbiltà taħt dik id-dispożizzjoni tgħaddi fuq it-tieni Stat Membru tad-dħul.

189.

Il-verità sempliċi hija li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III kien maħsub sabiex jittratta s-sitwazzjoni normali ta’ qsim tal-fruntieri individwali u applikazzjonijiet individwali meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jidħol fi Stat Membru tal-Unjoni b’mod illeċitu minn pajjiż terz. La din id-dispożizzjoni u lanqas ir-Regolament Dublin III b’mod ġenerali ma kienu maħsuba sabiex ikopru sitwazzjoni ta’ qsim awtorizzat tal-fruntieri minn influss massiv ta’ applikanti potenzjali għall-protezzjoni internazzjonali. Dan ir-regolament ma huwiex intiż sabiex jiżgura diviżjoni sostenibbli ta’ responsabbiltà għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni bi tweġiba għal influss tali ta’ nies. Madankollu, dan huwa preċiżament l-isfond li fih tressqu r-rinviji għal deċiżjoni preliminari ineżami ( 177 ).

190.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-kliem “applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III ma jkoprix sitwazzjoni fejn, bħala riżultat ta’ influss massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni u sussegwentement jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari.

Ir-raba’ kwistjoni: l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

191.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-approċċ tolleranti (“wave through”) ifissirx li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ikkonċernati ġewx “awtorizzati” jaqsmu fruntiera esterna tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

192.

Fid-dawl tal-approċċ li qiegħda nipproponi għall-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III (spjegat fil-punt 141 iktar ’il fuq), strettament ma huwiex meħtieġ li dik id-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tiġi eżaminata. Madankollu, se nagħmel hekk għal finijiet ta’ kompletezza.

193.

A.S. u l-familji Jafari inizjalment qasmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni fil-Greċja. Huma mbagħad qasmu l-fruntiera esterna ta’ pajjiż terz, il-FYROM. Fl-aħħar nett, huma qasmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni għat-tieni darba meta daħlu fil-Kroazja mis-Serbja. Jidher li prima facie dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 178 ).

194.

L-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul għal “soġġorni qosra” ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz ( 179 ). Ċittadin ta’ pajjiż terz (partikolarment, hawnhekk, ċittadin tal-Afganistan jew tas-Sirja) għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu ( 180 ); (ii) ikollu fil-pussess tiegħu viża valida ( 181 ); u (iii) ikun jista’ jiġġustifika l-għan u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn previst ( 182 ). Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat ma għandux ikun ukoll suġġett għal allert SIS u ma għandux jitqies bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà interna, għas-saħħa pubblika jew għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istat ikkonċernat ( 183 ). Il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(1) huma kumulattivi.

195.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi li l-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom jitwettqu skont l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan il-kodiċi. Hemm maħsub li dawn il-kontrolli jiġu llaxkati f’ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux previsti ( 184 ). Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom madankollu jiġu ttimbrati sistematikament mad-dħul u mal-ħruġ skont l-Artikolu 10. L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri msemmija fl-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa li jiġi prekluż qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, li tiġi missielta l-kriminalità transkonfinali u li jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod “illegali” ( 185 ). Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha fl-Artikolu 5(1) għandu jiġi rrifjutat id-dħul, sakemm ma tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 5(4).

196.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(4)(ċ) tippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw id-dħul, inter alia, għal raġunijiet umanitarji jew sabiex jikkonformaw ma’ obbligi internazzjonali.

197.

Franza u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma japplikax għaż-żewġ kawżi inkwistjoni. Huma jargumentaw li l-Istati Membri huma meħtieġa li jwettqu evalwazzjoni individwali f’kull każ sabiex jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni hijiex attivata. Ma saret l-ebda evalwazzjoni bħal din la fil-kawża A.S. u lanqas fil-kawża Jafari. Huma għalhekk jikkonkludu li l-Artikolu 5(4)(ċ) ma jistax jiġi invokat.

198.

Jiena ma naqbilx.

199.

L-ewwel nett, il-kliem użat fid-deroga fl-Artikolu 5(4)(ċ) huwa simili għal dak użat fl-Artikolu 5(2) tal-KFS. It-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni fih il-kliem addizzjonali li ġej: “[d]awn ir-regoli m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw id-dritt għal ażil […]”.

200.

L-istorja leġiżlattiva turi li l-proposta tal-Kummissjoni għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen spjegat li r-regolament propost ġeneralment irriproduċa l-Artikoli 3 sa 8 tal-Kapitolu 1 tal-KFS ( 186 ). It-test tal-Artikolu 5(2) tal-KFS ġie stabbilit fl-Artikoli 5(6) u 11(1) tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew introduċa d-deroga li issa hija l-Artikolu 5(4)(ċ) sabiex jiġu ċċarati r-regoli ( 187 ).

201.

Jien ma ninterpretax l-assenza ta’ referenza speċifika għal “disposizzjonijiet speċjali dwar id-dritt għall-ażil” fis-sens li d-deroga ma tistax tiġi applikata f’ċirkustanzi bħal dawk li kienu jeżistu bejn Settembru 2015 u Marzu 2016. Jista’ jkun li l-leġiżlatur ikkunsidra t-test tal-Artikolu 5(4)(ċ), moqri flimkien mal-Artikolu 3a u fid-dawl tal-premessa 7 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, bħala li huwa ċar biżżejjed mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi introdott kliem addizzjonali.

202.

It-tieni nett, it-terminu “raġunijiet umanitarji” ma huwiex iddefinit fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-Avukat Ġenerali Mengozzi reċentement esprima l-fehma li l-espressjoni hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni ( 188 ). Jiena naqbel miegħu. Din hija espressjoni wiesgħa li tkopri l-pożizzjoni ta’ persuni li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni u li huma suġġetti għall-prinċipju ta’ non-refoulement. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ dik l-espressjoni fl-Artikolu 5(4)(ċ) għandha tqis l-obbligu fl-Artikolu 3a – li l-Istati Membri huma meħtieġa li jaġixxu f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni rilevanti, inkluż mal-Karta, mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mad-drittijiet fundamentali.

203.

Għalhekk jidhirli li s-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ A.S. u tal-familji Jafari jaqgħu fi ħdan l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

204.

Ma hemm xejn li jindika li evalwazzjoni individwali twettqet fiż-żewġ każijiet. Jidher probabbli ħafna li ma ġarax hekk. Madankollu, din id-dispożizzjoni tapplika?

205.

Jiena ngħid li iva.

206.

Huwa veru li t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen teħtieġ evalwazzjoni individwali sabiex jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata hijiex is-suġġett ta’ allert tas-SIS. Madankollu, il-kliem ma jindikax li l-ewwel sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata biss jekk il-kundizzjoni fit-tieni sentenza tkun diġà ġiet issodisfatta. Iż-żewġ partijiet tal-Artikolu 5(4)(ċ) huma mingħajr dubju marbutin, imma tal-ewwel tista’ jinqara b’mod indipendenti mit-tieni waħda.

207.

Jien għalhekk tal-fehma li, anki jekk il-kriterju tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III għandu jinqara flimkien mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, Stat Membru fuq il-fruntiera kien ikun intitolat li jagħżel li jiddependi fuq id-deroga fl-Artikolu 5(4)(ċ) ta’ dan tal-aħħar sabiex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu awtorizzati jaqsmu l-fruntiera esterna tiegħu mingħajr ma jagħmel evalwazzjoni individwali fiċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fiż-żmien materjali. Filwaqt li Stat Membru bħal dan għandu, jekk possibbli, jipprova jikkonforma wkoll mat-tieni sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(4)(ċ) ma tiddependix fuq dik il-konformità.

208.

Meta Stat Membru jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jidħol fit-territorju tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 5(4)(ċ), il-persuna kkonċernata hija xi ħadd li essenzjalment ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Sa fejn dawk il-kundizzjonijiet tad-dħul ma jkunux issodisfatti, il-qsim tal-fruntiera esterna miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, fis-sens formali, ikun irregolari. Madankollu, id-dħul ta’ dik il-persuna huwa de facto awtorizzat u l-bażi legali għal dik l-awtorizzazzjoni hija d-deroga fl-Artikolu 5(4)(ċ).

209.

Dik l-awtorizzazzjoni ma tistax tiġi injorata għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

210.

Għalhekk, nikkonkludi, b’mod sussidjarju, li, meta Stat Membru jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jidħol fit-territorju tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwa, essenzjalment, xi ħadd li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-regolament. Sa fejn dawk il-kundizzjonijiet ta’ dħul ma jkunux ġew issodisfatti, il-qsim tal-fruntiera esterna miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkun, fis-sens formali, irregolari. Madankollu, id-dħul tiegħu jkun ġie awtorizzat de facto u l-bażi legali għal dik l-awtorizzazzjoni hija d-deroga fl-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Il-ħames kwistjoni: l-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III

211.

Mill-konklużjonijiet tiegħi fil-punti 152 u 190 iktar ’il fuq isegwi li jiena nikkunsidra li l-kriterji tal-Kapitolu III fl-Artikoli 12 (viżi) u 13 (dħul irregolari) tar-Regolament Dublin III ma japplikawx fiċ-ċirkustanzi fil-Balkani tal-Punent li kienu jeżistu minn Settembru 2015 sa Marzu 2016.

212.

Ir-rikorrenti fil-kawża Jafari jsostnu li l-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III (dħul b’rinunzja għall-viża) huwa l-kriterju rilevanti.

213.

Ma nikkunsidrax li din il-pożizzjoni hija konvinċenti.

214.

L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 539/2001 jistabbilixxi regoli li jelenkaw il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu fit-territorju tal-Unjoni mill-fruntieri esterni tagħha. Fejn japplikaw dawk ir-regoli (bħala hawnhekk), iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jippossjedi l-viża meħtieġa ( 189 ). Ir-regolament jinkludi ċerti eżenzjonijiet minn dak ir-rekwiżit ġenerali, bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-Istati elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 539/2001 li biħsiebhom jagħmlu “soġġorn qasir” fl-Unjoni ( 190 ). Huwa possibbli wkoll li jsiru eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali meta japplikaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 4 ta’ dak ir- regolament ( 191 ). Madankollu, minbarra dawk l-eċċezzjonijiet espressi għar-regola ġenerali ma hemm ebda ċirkustanzi oħra li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżit li jkollu viża.

215.

It-tieni nett, fin-nuqqas ta’ formulazzjoni espressa fl-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III jidhirli li l-kliem “il-ħtieġa li [ċittadin ta’ pajjiż terz li] jkollu viża tkun irrinunzjata” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ b’mod unilaterali ma japplikax, għal raġunijiet oħra jew għal raġunijiet addizzjonali, ir-rekwiżit ġenerali ta’ pussess ta’ viża kif stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 539/2001 (moqri mal-Anness I tiegħu għal ċerti pajjiżi terzi). Wara kollox, ir-regolament huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 288 TFUE. Pjuttost, jiena ninterpreta dak il-kliem bħala li jirreferi primarjament għar-rekwiżiti tal-viża li ma humiex irregolati mir-Regolament Nru 539/2001, bħal viżi għal soġġorn fit-tul.

216.

It-tielet nett, bħala ċittadini Afgani l-familji Jafari kienu meħtieġa li jkollhom viżi sabiex jidħlu fl-Unjoni ( 192 ). Dak ir-rekwiżit huwa obbligatorju kemm għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kif ukoll għall-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001. Jidher li huwa aċċettat li l-familji Jafari ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet fl-Artikoli 1(2) jew 4 ta’ dak ir-regolament ( 193 ).

217.

Interpretazzjoni alternattiva tal-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III tista’ tkun li Stat Membru jista’ jwarrab ir-rekwiżit tal-viża f’każ individwali speċifiku, filwaqt li jirrikonoxxi li meta jagħmel hekk ikun qiegħed jieħu fuqu r-responsabbiltà għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dak l-individwu għall-protezzjoni internazzjonali. Imma tali rinunzja tkun, naħseb, teħtieġ evalwazzjoni individwali. L-ebda evalwazzjoni bħal din ma hija rreġistrata bħala li seħħet hawn. Iċ-ċirkustanzi fil-fatt jindikaw il-kuntrarju, jiġifieri li kien hemm politika li ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Afganistan, mill-Iraq u mis-Sirja jiġu awtorizzati jaqsmu l-fruntieri interni tal-Istati Membri mingħajr ebda evalwazzjoni individwali ( 194 ).

218.

Jien għalhekk ma naċċettax is-sottomissjoni li fiċ-ċirkustanzi tal-każ tal-familji Jafari, l-awtorizzazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni tikkostitwixxi dħul b’rinunzja għall-viża għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Dublin III. Lanqas ma naċċetta li l-Artikolu 14(2) japplika fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Awstrija (l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali). Jidhirli li l-istess raġunament japplika loġikament kemm għall-Artikolu 14(1) u kemm għall-Artikolu 14(2).

Applikazzjoni tar-Regolament Dublin III għaż-żewġ każijiet inkwistjoni

219.

Il-kriterji tar-relazzjoni familjari fl-Artikoli 8 sa 11 u l-Artikolu 15 tar-Regolament Dublin III la huma rilevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ A.S. u lanqas għal dawk tal-familji Jafari.

220.

Wasalt għall-fehma li ebda wieħed mill-kriterji tal-Kapitolu III ma japplika għal dawn iż-żewġ każijiet fiċ-ċirkustanzi li kien hemm bejn Settembru 2015 u Marzu 2016 fil-Balkani tal-Punent. Dawn il-kriterji ma jistgħux jiġu interpretati u applikati b’mod li jintlaħaq l-għan deskritt fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, jiġifieri l-istabbiliment ta’ “[m]etodu […] ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”.

221.

Ma hemm l-ebda kriterju fil-Kapitolu III li speċifikament jindirizza s-sitwazzjoni fejn Stat Membru wieħed jew iktar jkunu kkonfrontati b’influss massiv f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jidher improbabbli li l-leġiżlatur, meta adotta regolament ġdid li jaġġorna r-Regolament Dublin II u żamm l-approċċ ta’ dan tal-aħħar sabiex jiġi identifikat l-Istat Membru responsabbli (ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni ta’ kull applikazzjoni individwali għall-protezzjoni internazzjonali b’mod iżolat), qatt ippreveda li kienet se tqum sitwazzjoni bħal dik.

222.

Huwa veru li l-Artikolu 78(3) TFUE jipprovdi bażi legali għal azzjoni konġunta tal-Unjoni sabiex tiġi ttrattata sitwazzjoni ta’ emerġenza bħal din. Huwa wkoll veru li kien hemm ċerti inizjattivi, bħall-miżuri adottati sabiex jiġu rrilokati ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Greċja u l-Italja ( 195 ). Kien hemm ukoll inizjattivi inqas formali, bħall-laqgħa dwar ir-“Rotta ta’ migrazzjoni tal-Balkani tal-Punent” li saret fi Brussell fil-25 ta’ Ottubru 2015 fuq stedina tal-Kummissjoni li wasslet għal ħruġ ta’ dikjarazzjoni immirata għat-titjib tal-kooperazzjoni u tal-konsultazzjoni bejn l-Istati kkonċernati ( 196 ). Il-Kummissjoni ntalbet tissorvelja l-implementazzjoni tad-dikjarazzjoni.

223.

B’mod kruċjali, ma kienx hemm kunsens politiku dwar soluzzjoni għall-Balkani tal-Punent ( 197 ).

224.

Il-pożizzjoni liberali tal-Ġermanja kienet deskritta fl-istampa bħala “il-Ġermanja tissospendi l-Ftehim ta’ Dublin fir-rigward tar-refuċjati Sirjani” ( 198 ) u r-Regolament Dublin III kien iddikjarat li huwa “miksur”. Il-politika inizjali tal-Ġermanja (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) li jitħallew jidħlu, mingħajr ebda limitazzjoni, Sirjani li kienu qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, kienet irrapportata bħala “l-Ġermanja waqfet tuża [Dublin]” ( 199 ). Madankollu, il-Ġermanja ma kinitx l-uniku Stat Membru li ħa inizjattivi fiż-żmien materjali. Stati Membri oħra ħadu approċċ pjuttost differenti ( 200 ).

225.

Għalhekk, l-Istati Membri aġixxew kultant b’mod unilaterali, kultant bilateralment, u kultant fi gruppi, flimkien ma’ jew mingħajr Stati terzi. L-istatus legali preċiż ta’ dawn l-arranġamenti fir-rigward tal-qafas legali tal-Unjoni ma huwiex ċar għal kollox, anki jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fit-Titolu V tat-TFUE fil-fatt iħallu lok għal flessibbiltà.

226.

Fi kwalunkwe każ baqa’ l-fatt li l-ebda kriterju mfassal apposta ma ddaħħal fir-Regolament Dublin III sabiex ikopri s-sitwazzjoni fil-Balkani tal-Punent fiż-żmien materjali. U lanqas kien hemm xi att legali ieħor propost jew adottat sabiex jimla l-vojt.

227.

Dak huwa l-isfond li fih il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti interpretazzjoni koerenti tar-Regolament Dublin III.

228.

Minn naħa (u kuntrarjament għal opinjonijiet li jien esprimejt iktar ’il fuq) Franza u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma japplikax u li l-kriterju fl-Artikolu 13(1) tal-Kapitolu III huwa rilevanti u għandu jiġi applikat b’mod strett. Minn din is-sottomissjoni jsegwi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qasmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni għandhom iressqu talbiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri fil-fruntieri li fihom ikunu waslu l-ewwel “b’mod irregolari”.

229.

Min-naħa l-oħra, jekk il-politika ta’ “wave through” tfisser li ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma intitolati għal tranżitu fi Stat Membru wieħed jew iktar sabiex iressqu t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru sussegwenti tal-għażla tagħhom, dak huwa forsi inkonsistenti mal-għanijiet tar-Regolament Dublin III, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji u ta’ forum shopping?

230.

Għal darba oħra din hija kwistjoni ta’ fejn għandu jinsab bilanċ bejn iż-żewġ perspettivi opposti ( 201 ).

231.

Id-diffikultà ewlenija marbuta mal-interpretazzjoni stretta sostnuta minn Franza u l-Kummissjoni hija li ma tqisx b’mod realistiku ċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fil-Balkani tal-Punent fiż-żmien materjali u tinjora l-elementi fattwali dwar il-qsim tal-fruntieri. Bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom, l-Istati Membri tal-fruntiera – b’mod partikolari l-Kroazja u s-Slovenja (li ma tikkonfinax ma’ pajjiż terz) imma hija l-ewwel Stat Schengen ( 202 ) – kienu jegħrqu bl-għadd ta’ applikanti li kellhom jirċievu u n-numru korrispondenti ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li kienu jkunu obbligati li jipproċessaw. Bejn is-16 ta’ Settembru 2015 u l-5 ta’ Marzu 2016 total ta’ 685068 persuna daħlu fil-Kroazja. Wasliet ta’ kuljum kienu fil-medja ta’ madwar 5500 ċittadin ta’ pajjiżi terzi; fis-17 ta’ Settembru 2015 iċ-ċifra qabżet għall-11 000 ( 203 ).

232.

Tali eżitu ma jistax jiġi ekwiparat mal-għanijiet li d-determinazzjoni tiġi bbażata fuq “kriterji ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll l-persuni kkonċernati” ( 204 ). Meta s-sistema tal-ażil nazzjonali ta’ Stat Membru tkun mgħobbija żżejjed, dak l-Istat Membru ma jistax jiggarantixxi aċċess effettiv għall-proċeduri tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali; u l-għan tal-ipproċessar malajr ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali stipulat fid-Direttiva dwar il-proċeduri jkun inevitabbilment kompromess. Huwa probabbli li l-Istat Membru kkonċernat se jsibha wkoll diffiċli jekk mhux impossibbli li jikkonforma mar-regoli fid-Direttiva dwar l-akkoljenza li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 205 ).

233.

Fis-sentenza N.S. et ( 206 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ksur tad-Direttiva dwar il-proċeduri jew tad-Direttiva dwar l-akkoljenza ma huwiex fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, peress li jekk isir hekk ikun qiegħed jiżdied kriterju, li jgħaddi mit-tieqa minflok mill-bieb, ma’ dawk elenkati fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin II ( 207 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiddeċiedi li “fl-eventwalità li jkun hemm lok għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil fl-Istat Membru responsabbli, nuqqasijiet li jimplikaw trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil u li jkunu ttrasferiti lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, dan it-trasferiment ikun inkompatibbli [mar-Regolament Dublin II]” ( 208 ). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-pożizzjoni fil-Greċja u l-predeċessur tar-Regolament Dublin III.

234.

Jiena nipperċepixxi riskju reali li jekk l-Istati Membri tal-fruntiera, bħall-Kroazja, jitqiesu li huma responsabbli għall-aċċettazzjoni u għall-ipproċessar ta’ għadd eċċezzjonalment kbir ta’ applikanti għall-ażil, dawn se jkunu ffaċċjati b’piż sproporzjonat fir-rigward tal-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu ttollerati jidħlu (“waved through”) bejn Settembru 2015 u Marzu 2016. Xi wħud minn dawk l-applikanti, bħal A.S. u l-familji Jafari, sussegwentement saru s-suġġett ta’ talbiet għal trasferiment li l-Istat Membru tal-fruntiera kkonċernat għandu mbagħad jipproċessa. Dan l-Istat Membru mbagħad x’aktarx ser ikollu jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Huwa ċar li ż-żieda fin-numru ta’ applikanti għall-ażil mibgħuta lura skont ir-Regolament Dublin III diġà għamlet pressjoni addizzjonali fuq is-sistema tal-ażil Kroata ( 209 ). Huwa kompletament possibbli li l-Kroazja – kif diġà huwa l-każ għall-Greċja – sempliċement mhux ser tkun tista’ tlaħħaq mas-sitwazzjoni jekk, barra minn hekk, tkun meħtieġa tirċievi numri kbar ta’ applikanti li qabel għaddew fi tranżitu mill-Kroazja.

235.

Is-Slovenja kienet affaċċjata b’numru simili ta’ persuni li fittxew aċċess għat-territorju tagħha u l-kapaċitajiet amministrattivi tagħha għall-akkoljenza tal-applikanti kienu wkoll iġġebbdu lil hinn mill-kapaċità tagħha ( 210 ). Il-Gvern Sloven iddeskriva l-pożizzjoni bħala li tikkostitwixxi waħda mill-ikbar sfidi umanitarji li kellu quddiemu sa mit-Tieni Gwerra Dinjija ( 211 ). Dan seta’ mbagħad ipoġġi lill-Istat Membru f’pożizzjoni wkoll fejn ma jkunx jista’ jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta u taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB ( 212 ).

236.

Jien ma naħsibx li fiż-żmien materjali l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali setgħu raġonevolment ikunu mistennija jew meħtieġa li jagħmlu talba għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru li huma qasmu fih, kif donnha tidher li ssuġġeriet il-Kummissjoni waqt is-seduta. Huwa veru li s-sistema ta’ Dublin hija maħsuba sabiex taħdem fuq din il-premessa u li l-marki tas-swaba’ ta’ applikant individwali jittieħdu u jiddaħħlu fl-Eurodac fuq dik il-bażi. Madankollu, xejn minn dan ma jirrifletti r-realtà tas-sitwazzjoni bejn Settembru 2015 u Marzu 2016, fejn l-awtoritajiet kompetenti kellhom ilaħħqu ma’ influss ta’ massa ta’ nies. Inżid ngħid li n-nies ma jistgħux jiġu sfurzati jagħtu l-marki tas-swaba’ taħt ir-regoli kurrenti (possibbilment, minħabba li kemm ir-Regolament Dublin III kif ukoll ir-Regolament Eurodac jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u prattika bħal dik tista’ ma tkunx kompatibbli ma’ dak għan) – iżda probabbilment dak kien ikun l-uniku mod sabiex jiġi żgurat li jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ kulħadd hekk kif jgħaddu.

237.

Preċiżament peress li s-sitwazzjoni tant kienet mingħajr preċedent, ma naħsibx li tħassib (leġittimu) dwar movimenti sekondarji u forum shopping jimmaterjalizzaw bl-istess mod bħalma kienu jimmaterjalizzaw f’ċirkustanzi normali. Dawn il-kawżi ma jikkonċernawx individwi li għamlu qsim klandestin għal ġewwa l-fruntieri tat-territorju tal-Unjoni. Il-qsim fiż-żewġ każijiet kienu awtorizzati. Il-persuni kkonċernati għarrfu lill-awtoritajiet bl-intenzjonijiet tagħhom u dawn ġew irreġistrati ( 213 ). Mhux qed nittrattaw hawn movimenti sekondarji illeċiti. Ma hemm xejn fil-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li r-rikorrenti xtaqu jagħmlu “forum shopping”. Huma sempliċement xtaqu li jagħmlu l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom fi Stati Membri partikolari li kienu wrew xewqa li jirċievu u li jeżaminaw dawk it-talbiet. Is-sitwazzjoni ma taqbilx mal-arketipi eżistenti. Għalhekk, dan ma jfissirx neċessarjament li t-tħassib dwar movimenti sekondarji u forum shopping – tħassib li leġittimament japplika għall-applikant individwali konvenzjonali – huwa rilevanti hawnhekk.

238.

Il-kriterji tal-Kapitolu III ma kinux imfassla bl-intenzjoni tas-sitwazzjoni fil-Balkani tal-Punent ( 214 ). L-insistenza fuq l-applikazzjoni rigoruża ta’ dawk il-kriterji tmur kontra l-għan iddikjarat ieħor tar-Regolament Dublin III, jiġifieri li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jżommux lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali “fl-orbita” ( 215 ).

239.

Dan ifisser li r-Regolament Dublin III huwa “miksur”?

240.

Ma naħsibx li huwa hekk.

241.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III jintroduċi ċerti prinċipji u salvagwardji ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jużaw. Ir-regola fl-Artikolu 3(1), li l-applikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati minn Stat Membru wieħed, tkompli tapplika. L-Artikolu 3(2) jipprovdi li f’ċirkustanzi fejn “ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha”. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jużaw il-klawżola diskrezzjonali fl-Artikolu 17(1) li permezz tagħha huma jistgħu jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, anki jekk eżami bħal dak ma jkunx ir-responsabbiltà tagħhom taħt il-kriterji tal-Kapitolu III.

242.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali fil-Balkani tal-Punent fil-perijodu minn Settembru 2015 sa Marzu 2016, l-Istat Membru responsabbli jista’ jiġi determinat fuq il-bażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III. Fl-ebda każ bħalissa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma l-Istat Membru kkonċernat volontarjament assuma r-responsabbiltà taħt l-Artikolu 17(1). L-Istat Membru responsabbli għandu, għaldaqstant, jinħatar fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2). Dik il-fehma tonora s-salvagwardja fir-rigward tad-drittijiet fundamentali introdotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni u hija konsistenti mal-għan ġenerali fil-premessa 7, sa fejn talloka b’mod ċar ir-responsabbiltà sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fost l-Istati Membri.

243.

Nikkonkludi li l-fatti fil-kawżi prinċipali ma jħallux li kwalunkwe “Stat Membru responsabbli” jinħatar għall-finijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III. Minn dan isegwi li l-applikazzjonijiet rispettivi għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu eżaminati mill-ewwel Stat Membru li fih dawk l-applikazzjonijiet ikunu ppreżentati skont l-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-regolament.

Il-Kawża C‑490/16, A.S.

244.

Il-qorti tar-rinviju tqajjem kwistjoni addizzjonali f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kif jiġu kkalkolati t-termini.

245.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk A.S. huwiex intitolat li jikkontesta, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti Sloveni li jitolbu li l-Kroazja tieħu r-responsabbiltà sabiex teżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-regolament.

246.

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Ghezelbash ( 216 ), ir-risposta għal dik id-domanda għandha tkun mingħajr tlaqliq “iva”. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “l-Artikolu 27(1) tar-Regolament [Dublin III], moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament […]” ( 217 ).

247.

Nikkonkludi li, meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi tal-argument li l-kriterju tal-Artikolu 13(1) kien applikat b’mod żbaljat, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-individwu kkonċernat huwa intitolat jinvoka, f’appell mid-deċiżjoni li jiġi ttrasferit, l-applikazzjoni żbaljata ta’ dak il-kriterju sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dak ir-regolament.

248.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-termini fl-Artikoli 13(1) u 29(2) tar-Regolament Dublin III jkomplux jiddekorru meta applikant għall-protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(1).

249.

L-Artikolu 13(1) jipprovdi li, f’każijiet fejn id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina talba għall-protezzjoni internazzjonali tkun ibbażata fuq il-fatt li l-applikant qasam b’mod irregolari l-fruntiera u daħal f’dak l-Istat minn pajjiż terz, ir-responsabbiltà sabiex jeżamina l-applikazzjoni tintemm 12-il xahar wara d-data li fiha jkun seħħ il-qsim irregolari tal-fruntiera.

250.

Peress li A.S. eżerċita d-dritt tiegħu li jappella mid-deċiżjoni tat-trasferiment, it-terminu fl-Artikolu 13(1) kien ikun skada qabel ma tiġi riżolta l-litigazzjoni. Dan huwa saħansitra iktar evidenti peress li l-proċeduri nazzjonali bħalissa huma sospiżi sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

251.

Jidhirli, mill-formulazzjoni, li t-terminu fl-Artikolu 13(1) huwa mmirat biss sabiex jiżgura li l-Istat Membru li jitlob it-trasferiment (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru rikjedenti”) lill-Istat fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun qasam l-ewwel il-fruntiera esterna u daħal fit-territorju tal-Unjoni jaġixxi minnufih ( 218 ). Jekk l-Istat rikjedenti jonqos milli jaġixxi fi żmien 12-il xahar, imbagħad huwa jsir awtomatikament l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dak it-terminu ma huwiex marbut mad-dritt tal-appell ta’ applikant. Jekk dak il-perijodu ta’ 12-il xahar jiġi interpretat b’dak il-mod, dan ikun imur kontra l-għan li jiġi stabbilit malajr l-Istat Membru responsabbli fis-sistema ta’ Dublin.

252.

L-Artikolu 29(2) jipprovdi li, f’każijiet meta t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru rikjedenti (hawnhekk, is-Slovenja) lill-Istat Membru responsabbli (hawnhekk, il-Kroazja) ma jsirx fi żmien sitt xhur minn meta tkun intlaqgħat it-talba ta’ trasferiment, l-Istat Membru responsabbli jinħeles mill-obbligi tiegħu. Skont l-Artikolu 27(3), il-preżentazzjoni ta’ appell jew ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment għandha effetti ta’ sospensjoni għall-applikant. Madankollu, ir-regolament ma jgħid xejn dwar jekk kontestazzjoni ta’ dik in-natura tissospendix it-termini stabbiliti fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

253.

Fejn kontestazzjonijiet għal deċiżjonijiet ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jkollhom effett ta’ sospensjoni fis-sens tal-Artikolu 27(3)(a) u (b), kwalunkwe deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi sospiża b’mod konformi mal-formulazzjoni espressa ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Jidher ċar li f’ċirkustanzi bħal dawk it-terminu fl-Artikolu 29(2) ma jiddekorrix.

254.

Il-pożizzjoni hija inqas sempliċi fejn japplika l-Artikolu 27(3)(ċ). F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jippermettu applikant l-opportunità li jitlob is-sospensjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment. It-terminu skont l-Artikolu 29(2) ma jistax jiddekorri matul il-perijodu ta’ sospensjoni. Jekk l-applikant ma jirnexxilux, madankollu, is-sospensjoni tispiċċa u l-perijodu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri mill-ġdid.

255.

Jidhirli li interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 29 fis-sens li terminu ta’ sitt xhur ikompli jiddekorri minkejja kull kontestazzjoni legali għad-deċiżjoni tat-trasferiment tkun inkompatibbli mal-għan u mal-iskema tar-Regolament. Dan ikun ifisser li l-proċess ta’ trasferiment jista’ jiġi sovvertit minn proċeduri legali fit-tul.

256.

Jiena għalhekk tal-fehma li t-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma jibqax jiddekorri meta kontestazzjoni legali skont l-Artikolu 27(1) ikollha effett ta’ sospensjoni fis-sens tal-Artikolu 27(3) ta’ dak ir-regolament.

257.

Ma huwiex ċar preċiżament x’jistgħu jkunu l-implikazzjonijiet għal A.S. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda informazzjoni quddiemha li tindika kif is-Slovenja għażlet li timplementa l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

258.

Madankollu, huwa aċċettat li l-kundizzjonijiet li fihom A.S. daħal fl-Unjoni kienu bla preċedent. Huwa aċċettat ukoll li huwa kien awtorizzat jidħol fil-Kroazja mill-awtoritajiet Kroati u li huwa b’mod simili kiseb dħul awtorizzat fiż-żona Schengen meta qasam il-fruntiera mill-Kroazja għal ġewwa s-Slovenja. Waqt is-seduta, is-Slovenja indikat li l-awtorizzazzjoni kienet saret fuq il-bażi tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. F’dawk iċ-ċirkustanzi jidhirli, kif diġà għidt, li d-dħul ta’ A.S. ma kienx “irregolari” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Huwa kien irreġistrat kif qasam il-fruntiera esterna u ma hemm xejn li jindika li huwa kien is-suġġett ta’ allert tas-SIS. Huwa ma jistax jiġi rritornat lejn il-Greċja (il-punt ta’ dħul oriġinali tiegħu fl-Unjoni) ( 219 ). Minn dan isegwi li s-Slovenja hija l-Istat Membru responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

Il-Kawża C‑646/16, Jafari

259.

Mill-punt 243 iktar ’il fuq jirriżulta li jiena nikkunsidra li l-applikazzjonijiet tal-familji Jafari għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu eżaminati mill-awtoritajiet Awstrijaċi fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Jiena ma nikkunsidrax li l-politika tolleranti (wave through) tal-Istati tal-Balkani tal-Punent tammonta għal viża għall-finijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III. Lanqas ma kien hemm eżenzjoni mill-viża fit-tifsira tal-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III.

260.

Madankollu, id-dħul fl-Unjoni tal-familji Jafari minn Stat terz kien awtorizzat, kif kien il-qsim sussegwenti tagħhom tal-fruntieri interni tal-Unjoni. Ma huwiex ċar jekk dan kienx espressament fuq il-bażi legali tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Huwa inkonfutabbli li dawn tħallew jidħlu u kienu tabilħaqq megħjuna jagħmlu dan mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fiċ-ċirkustanzi mingħajr preċedent li kien hemm fil-Balkani tal-Punent bejn Settembru 2015 u Marzu 2016, dan huwa biżżejjed sabiex jagħmel inapplikabbli l-kriterju tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

261.

Il-familji Jafari ma jistgħux jiġu rritornati lejn il-Greċja (il-punt ta’ dħul oriġinali tagħhom fl-Unjoni) ( 220 ). Minn dan isegwi li l-Awstrija hija l-Istat Membru responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

Konklużjoni

262.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara dan li ġej:

Fir-rigward kemm tal-Kawża C‑490/16, A.S., kif ukoll l-Kawża C‑646/16, Jafari:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-kliem, għall-kuntest u għall-għanijiet ta’ dak ir-regolament biss, iktar milli flimkien ma’ atti oħra tal-Unjoni Ewropea – inkluż b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, minkejja li fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013 id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti għandhom jitqiesu sa fejn ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi politiki fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat FUE.

(2)

F’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali li fihom influss massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi daħlu fl-Unjoni bejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016 u kienu tħallew jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-fatt li ċerti Stati Membri ppermettew liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni u sussegwentement jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari ma huwiex ekwivalenti għall-ħruġ ta’ “viża” għall-għanijiet tal-Artikoli 2(m) u 12 tar-Regolament Nru 604/2013.

(3)

Il-kliem “applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jkoprix sitwazzjoni fejn, bħala riżultat ta’ influss massiv ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, l-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni u sussegwentement jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni sabiex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari.

(4)

Sussidjarjament, meta Stat Membru jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fit-territorju tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun, essenzjalment, xi ħadd li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-regolament. Sa fejn dawk il-kundizzjonijiet ta’ dħul ma jkunux issodisfatti, il-qsim tal-fruntiera esterna miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jkun, fis-sens formali, irregolari. Madankollu, id-dħul ikun de facto ġie awtorizzat u l-bażi legali għal dik l-awtorizzazzjoni hija d-deroga fl-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(5)

Fiċ-ċirkustanzi li kien hemm fil-Balkani tal-Punent bejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016, l-awtorizzazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni ma tikkostitwixxix dħul b’rinunzja għall-viża għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

(6)

Il-fatti tal-kawżi fil-kawża prinċipali ma jippermettux li kwalunkwe “Stat Membru responsabbli” jinħatar għall-finijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013. Minn dan isegwi li l-applikazzjonijiet rispettivi għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu eżaminati mill-ewwel Stat Membru li fih dawk l-applikazzjonijiet kienu ppreżentati skont l-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-regolament.

Fir-rigward tal-Kawża C‑490/16, A.S.:

(7)

Meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-kriterju tal-Artikolu 13(1) ġie applikat b’mod żbaljat, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-individwu kkonċernat huwa intitolat jinvoka, f’appell minn deċiżjoni li jiġi ttrasferit, l-applikazzjoni żbaljata ta’ dak il-kriterju għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dak ir-regolament.

(8)

It-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jibqax jiddekorri meta l-kontestazzjoni legali skont l-Artikolu 27(1) ikollha effett ta’ sospensjoni fis-sens tal-Artikolu 27(3) ta’ dak ir-regolament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Nimxu mit-Tramuntana san-Nofsinhar: il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Bulgarija u r-Rumanija. It-territorju Russu ta’ Kaliningrad Oblast huwa mdawwar mill-Polonja, mil-Litwanja u mill-Baħar Baltiku.

( 3 ) Għalhekk, il-Kroazja, minbarra l-fruntieri tagħha mal-ġirien tagħha tal-Unjoni s-Slovenja u l-Ungerija, għandha wkoll fruntieri esterni mal-Bosnja-Ħerzegovina, mas-Serbja u mal-Montenegro. Il-Greċja għandha fruntiera interna tal-Unjoni mal-Bulgarija u fruntieri esterni mal-Albanija, ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (iktar ’il quddiem il-“FYROM”) u mat-Turkija.

( 4 ) Il-Konvenzjoni ta’ Genève (ara l-punt 19 iktar ’il quddiem) tiddefinixxi refuġjati bħala nies li qed jaħarbu kunflitt jew persekuzzjoni; it-terminu “refuġjati” huwa wkoll użat f’sens wiesa’ sabiex ikopri dawk in-nies li huma parti minn fluss minn pajjiż jew reġjun li jkunu milquta minn kunflitt, qabel ma jkollhom l-opportunità li japplikaw formalment għal u li jingħataw status ta’ refuġjat. Il-migrazzjoni hija kunċett differenti ħafna. Fil-livell internazzjonali ma hemm l-ebda definizzjoni universalment aċċettata tal-kelma “migrant”. It-terminu normalment jinftiehem fis-sens li jkopri l-każijiet kollha fejn id-deċiżjoni li wieħed jemigra tkun ittieħdet liberament mill-individwu kkonċernat għal raġunijiet ta’ “konvenjenza personali” u mingħajr l-intervent ta’ fattur ta’ ġegħil estern. Din hija differenza kruċjali bejn “migranti” u “refuġjati”. L-espressjoni “migrant” hija ta’ spiss użata fl-istampa sabiex tkopri l-hekk imsejħa “migranti ekonomiċi” – dawk li jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom purament għal raġunijiet ekonomiċi li ma humiex relatati mal-kunċett ta’ “refuġjat”, sabiex ifittxu titjib materjali għall-kwalità tal-ħajja tagħhom; ara l-Glossarju tal-Uffiċċju Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Glossarju tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni, kif ukoll id-dikjarazzjoni maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem l-“UNHCR”) tal-11 ta’ Lulju 2016, “‘Refugee’ or ‘migrant’ – which is right?” [“Refuġjat” jew “migrant” - liema hija t-tajba?].

( 5 ) Bejn (rispettivament): l-Irlanda u r-Renju Unit; ir-Renju Unit u Franza u l-Belġju; u r-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja.

( 6 ) Is-Skaggerak jissepara d-Danimarka mill-ġar tagħha taż-ŻEE, in-Norveġja.

( 7 ) Il-Kattegat u l-Baħar Baltiku jisseparaw lid-Danimarka u lill-Ġermanja mill-Isvezja.

( 8 ) Il-Baħar Baltiku, il-Golf ta’ Bothnia u l-Golf tal-Finlandja.

( 9 ) Il-fruntieri tal-art tal-Finlandja huma l-Isvezja (Stat Membru sieħeb tal-Unjoni), in-Norveġja (stat taż-ŻEE) u r-Russja (pajjiż terz).

( 10 ) Nuża dan it-terminu sabiex niddeskrivi, suċċessivament, sensiela ta’ strumenti legali. Inizjalment kien hemm il-Konvenzjoni ta’ Dublin (Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej; ĠU 1997, C 254, p. 1.). L-Istati Membri ffirmaw dik il-konvenzjoni f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990. Il-Konvenzjoni ta’ Dublin daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1997 għat-12-il firmatarju oriġinali, fl-1 ta’ Ottubru 1997 għar-Repubblika tal-Awstrija u għar-Renju tal-Isvezja, u fl-1 ta’ Jannar 1998 għar-Repubblika tal-Finlandja. Din ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”). Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31 u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ħassar ir-Regolament Dublin II u huwa l-verżjoni attwali fis-seħħ.

( 11 ) Ninnota li, fil-prattika, liema Stati Membri huma moqdija faċilment minn liema linji tal-ajru li jaslu minn liema destinazzjonijiet ikollu sehem fid-determinazzjoni ta’ liema hu l-Istat Membru li fih applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jasal bl-ajru jinżel l-ewwel.

( 12 ) Kummenti Editorjali fil-Common Market Law Review 52, Nru 6, tas-6 ta’ Diċembru 2015, paġni 1437 sa 1450, li jiċċitaw l-ittra tal-Ewwel Viċi President Frans Timmermans lill-grupp S & D fil-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2015.

( 13 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni [COM (2016) 85 final].

( 14 ) Deskritti kollettivament bħala l-“Istati ta’ tranżitu”.

( 15 ) “Migration to Europe through the Western Balkans – Serbia & the Former Yugoslav Republic of Macedonia, Report, December 2015 to May 2016” minn REACH, p. 4. Ir-rotta hija deskritta bħala passaġġ ta’ faċilità u sigurtà relattiva meta mqabbla ma’ rotot oħra; ara p. 19 ta’ dak ir-rapport.

( 16 ) “At the Gate of Europe”, rapport dwar ir-refuġjati fuq ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent minn Šelo Šabić u Sonja Borić. Ladarba l-influss ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi wasal f’Šid, belt fuq il-fruntiera Kroata, ġie pprovdut it-trasport b’xejn sabiex jaqsmu l-fruntiera lejn ċentru ta’ akkoljenza fil-Kroazja.

( 17 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523, tal-14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146).

( 18 ) Premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1523.

( 19 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).

( 20 ) Sa Frar 2017 (18-il xahar mill-bidu tal-perijodu ta’ rilokazzjoni), total ta’ 11966 applikant għall-ażil kienu ġew irrilokati mill-Greċja u l-Italja: ara r-rapport tad-Direttorat Ġenerali għall-politiki interni intitolat “Implementation of the 2015 Council decisions establishing provisional measures in the area of international protection for the benefit of Italy and of Greece” (“Implementazzjoni tal-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-2015 li jistabbilixxu l-miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja”), ippubblikat mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni ddeskriviet il-livell ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ rilokazzjoni bħala “mhux sodisfaċenti”: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, L-ewwel rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, tas-16 ta’ Marzu 2016 (COM (2016) 165 final).

( 21 ) L-Ungerija ma kkunsidratx lilha nnifisha bħala Stat li qiegħed fuq il-linja ta’ quddiem u qieset li ma kinitx se tibbenefika mill-miżura. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakkja u r-Rumanija vvotaw kontra, il-Finlandja astjeniet – ara r-rapport “Legislation on emergency relocation of asylum seekers in the European Union” (“Il-leġiżlazzjoni dwar ir-rilokazzjoni ta’ emerġenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Unjoni Ewropea”) tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew.

( 22 ) Dawk li ħadu sehem kienu l-Albanija, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-FYROM, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Serbja u s-Slovenja.

( 23 ) Stqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni IP/15/5904 tal-25 ta’ Ottubru 2015.

( 24 ) L-analiżi l-iktar plawsibbli hija forsi li dan kien maħsub bħala azzjoni bejn Stati taħt id-dritt internazzjonali iktar milli taħt id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm qiegħed jingħad dan, ma huwiex ċar jekk l-Istati Membri żammewx il-kompetenza meħtieġa sabiex jieħdu azzjoni bħal din.

( 25 ) Dan ma jidhirlix li hija riflessjoni strettament eżatta tal-pożizzjoni. Hija turi, madankollu, kif is-sitwazzjoni kienet meqjusa minn xi wħud.

( 26 ) Id-diversi rapporti dwar is-sitwazzjoni jinkludu “d-dikjarazzjoni Frontex dwar ix-xejriet u r-rotot li jikkonċernaw il-Rotta tal-Balkani tal-Punent”.

( 27 ) Iltaqgħu l-kapijiet tas-servizzi tal-pulizija tal-Awstrija, tal-Kroazja, tal-FYROM, tas-Serbja u tas-Slovenja. Il-punti 5, 6 u 7 ta’ dik l-istqarrija jgħidu li l-parteċipanti qablu li jawtorizzaw l-ewwel dħul biss ta’ persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ċittadini tal-Iraq u s-Sirja kellhom jitħallew jidħlu għal raġunijiet umanitarji sakemm dawn jissodisfaw ċertu kundizzjonijiet (bħal pereżempju prova ta’ nazzjonalità); u ġew stabbiliti kriterji komuni li kellhom jiġu vverifikati waqt ir-reġistrazzjoni. Kien hemm numru ta’ inizjattivi fil-livell tal-Unjoni u minn diversi Stati Membri (deskritti fil-punti 12 sa 17 iktar ’il fuq). Jien semmejt din l-istqarrija partikolari minħabba li hija relatata direttament mad-domandi preliminari.

( 28 ) Iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 [Serje ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

( 29 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 30 ) ĠU 2010, C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta ngħatat l-istatus ta’ dritt primarju [Artikolu 6(1) TUE].

( 31 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/188/KE, tal-21 ta’ Frar 2006, dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka li jestendi għad-Danimarka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 72.)

( 32 ) Il-Ftehim u l-Protokoll mal-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2008 (ĠU 2008, L 53, p. 5). Il-Ftehim kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/147/KE, tat-28 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008 L 53, p. 3) u l-Protokoll bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/487/KE, tal-24 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2009 L 161, p. 6). Għalhekk, is-sistema ta’ Dublin tapplika wkoll għall-Prinċipat tal-Liechtenstein. L-Islanda u n-Norveġja japplikaw ukoll is-sistema ta’ Dublin permezz ta’ ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea li ġew approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258, tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76).

( 33 ) Premessi 2, 3 u 4.

( 34 ) Premessa 5.

( 35 ) Premessa 7.

( 36 ) Il-premessi 10, 11, u 12 jirreferu għal dawn l-atti: (i) id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”); (ii) id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 6; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”); u (iii) id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 96; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-akkoljenza”).

( 37 ) Premessi 13 u 14.

( 38 ) Premssi 15 u 16.

( 39 ) Premessa 19.

( 40 ) Premessa 25.

( 41 ) Premessa 32.

( 42 ) Premessa 39.

( 43 ) Ara l-punt 88 iktar ’il quddiem.

( 44 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (ĠU 2009 L 243, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”).

( 45 ) Regolament Eurodac: ara l-punt 43 iktar ’il quddiem.

( 46 ) It-tifsira preċiża ta’ din id-dispożizzjoni hija inkwistjoni fil-Kawża C‑670/16, Mengesteab, li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 47 ) L-Artikolu 22(3) jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi atti ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu listi li jindikaw l-elementi rilevanti ta’ prova u xhieda ċirkustanzjali li jiddeterminaw ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tar-Regolament Dublin III; ara f’iktar dettall il-punt 44 iktar ’il quddiem.

( 48 ) Mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tqajmu bl-istess mod fil-Kawża C‑670/16, Mengesteab (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

( 49 ) Domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III tqajmu fil-Kawża C-201/16, Shiri (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

( 50 ) Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU 2010 L 132, p. 11).

( 51 ) Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013 L 180, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”); ara l-Artikolu 1.

( 52 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2014 L 39, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin”).

( 53 ) Ara, pereżempju, il-Lega Anseatika, maħluqa sabiex tipproteġi ċerti interessi kummerċjali u privileġġi diplomatiċi fl-ibliet u fil-pajjiżi affiljati tagħha, u b’hekk iffaċilitat u rregolat il-moviment liberu tal-persuni rrelatat mal-kummerċ. Uffiċjalment imwaqqfa fl-1356, l-oriġini tal-Lega jmorru lura għall-bini mill-ġdid ta’ Lübeck fl-1159 minn Neriku l-Iljun. Hija kellha rwol importanti fl-ekonomika, fil-kummerċ u fil-politika fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntan u fil-Baħar Baltiku għal iktar minn 300 sena.

( 54 ) Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3; iktar ’il quddiem il-“KFS”). Il-konvenzjoni għadha fis-seħħ, għalkemm ġiet issostitwita parzjalment mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li ħassar l-Artikoli 2 sa 8. Ara wkoll il-punt 46 iktar ’il quddiem.

( 55 ) Mit-28 Stat Membru tal-Unjoni, 22 jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-acquis ta’ Schengen, u l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija huma fil-proċess li jsiru parteċipanti sħaħ. Skont l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Kroazja, ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen japplikaw diġà fil-Kroazja. Is-SIS II għadha ma tapplikax hemm, iżda bħalissa hemm maħsuba proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill għall-bidla f’dik il-pożizzjoni: Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja tat-18 ta’ Jannar 2017 [(COM (2017) 17 final]. Il-Liechtenstein, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera jipparteċipaw ukoll fl-acquis ta’ Schengen skond ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea.

( 56 ) Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda u r-Renju Unit huma intitolati li jitolbu li jieħdu sehem f’xi wħud jew fil-miżuri kollha ta’ Schengen. Ir-Renju Unit huwa intitolat li jeżerċita kontrolli fil-fruntieri fuq persuni li jridu jidħlu fit-territorju tiegħu kif jikkunsidra li jkun meħtieġ [Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 20) TFUE dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-Artikolu 26 TFUE għar-Renju Unit u għall-Irlanda, anness mat-TUE u mat-TFUE]. Ir-Renju Unit għandu deroga espressa mill-Artikolu 77 TFUE (li jikkonċerna l-politika tal-Unjoni fuq il-kontroll tal-fruntieri interni u esterni). Għalhekk, it-Trattati jirrikonoxxu li r-Renju Unit jikkontrolla l-fruntieri tiegħu. Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, dak l-Istat Membru ma jipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti skont it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-TFUE (Politiki tal-Unjoni u azzjonijiet interni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja).

( 57 ) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1). Sadanittant dak ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016 L 77, p. 1), intitolat ukoll il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fiż-żmien materjali (jiġifieri, bejn Settembru 2015 u Marzu 2016) kienet il-verżjoni preċedenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li kienet fis-seħħ, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013 L 295 p. 1). Ser nirreferi għal dik il-verżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen f’dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Premessa 2.

( 59 ) Premessa 4.

( 60 ) Premessa 6.

( 61 ) Premessa 7.

( 62 ) Premessa 8.

( 63 ) Premessa 9.

( 64 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 65 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3).

( 66 ) Ara l-punt 58 iktar ’il quddiem.

( 67 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet fil-qosor dwar ir-relazzjoni bejn dawn il-viżi u r-Regolament Dublin III fil-punt 48 tas-sentenza reċenti tagħha tas-7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173.

( 68 ) L-Artikolu 5(2) jiddikjara li lista mhux eżawrjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn li l-gwardja tal-fruntiera jista’ jitlob minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jivverifika l-adempjiment tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(ċ) hija inkluża fl-Anness I.

( 69 ) Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SIS II”). Dak ir-regolament issostitwixxa l-Artikoli 92 sa 119 tal-KFS.

( 70 ) Artikolu 3(d) tar-Regolament SIS II.

( 71 ) Artikolu 24(1) u (2) Regolament SIS II. Nikkummenta f’iktar dettall fuq is-sistema ta’ allert tas-SIS fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑255/16, Ouhrami, C-225/16, EU:C:2017:398.

( 72 ) Artikolu 24(3) tar-Regolament SIS II.

( 73 ) Regolament tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13).

( 74 ) Regolament tal-15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 65).

( 75 ) Artikolu 3 tar-Regolament Nru 539/2001.

( 76 ) Dawk il-kategoriji huma elenkati fl-Artikolu 4(1): dawn jinkludu, pereżempju, detenturi ta’ passaporti diplomatiċi.

( 77 ) Deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 60).

( 78 ) Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (Regolament VIS) (ĠU 2008, L 218, p. 60).

( 79 ) Ara l-Artikolu 2(1), (2), (6) u (7) tal-Kodiċi dwar il-Viżi rispettivament.

( 80 ) Artikolu 31(1) u (2).

( 81 ) Artikolu 31(3).

( 82 ) Artikolu 31(8)(h) u (i) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

( 83 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”).

( 84 ) Artikolu 3(1) u (2) rispettivament tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 85 ) Kawża C‑490/16.

( 86 ) Kawża C‑646/16.

( 87 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.

( 88 ) L-Artikolu 22(3) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li jekk kienx hemm qsim irregolari tal-fruntiera għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prova jew evidenza ċirkustanzjali skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin. L-Upravno sodišče Republike Slovenije (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza tar-Repubblika tas-Slovenja) tindika li ċertament fid-dokumenti fil-każ ta’ A.S. ma hemm l-ebda prova formali ta’ dħul irregolari fil-Kroazja.

( 89 ) Ara wkoll il-punt 99 iktar ’il quddiem dwar l-attendenza waqt is-seduta u s-sottomissjonijiet orali konġunti.

( 90 ) Sa fejn din il-bidla (miktuba bis-Sloven biss) tidher li saret minn uffiċjal li kien qed jaġixxi mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tar-rikorrenti, tali bidla hija indikazzjoni tal-pressjoni li taħtha l-uffiċjali tal-fruntiera kienu qed jaħdmu. Il-firda tal-familja b’dan il-mod tqajjem kwistjonijiet taħt l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta dwar id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-drittijiet tat-tfal. Li kieku ż-żewġt aħwa, flimkien mal-ulied rispettivi tagħhom, effettivament sabu ruħhom fi Stati Membri differenti, setgħu jqumu wkoll kwistjonijiet fir-rigward ta’ kriterji oħra tal-Kapitolu III stabbiliti fir-Regolament Dublin III.

( 91 ) Ara l-punti 231 u 232 iktar ’il quddiem.

( 92 ) Huwa possibbli li dan jista’ jkun riferiment għall-Istqarrija maħruġa mill-Kapijiet tas-Servizzi tal-Pulizija fit-18 ta’ Frar 2016 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Jista’, madankollu, jirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-istess data. Ma huwiex ċar mid-digriet tar-rinviju liema wieħed minn dawk id-dokumenti qed jiġi invokat.

( 93 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C-63/15, EU:C:2016:409), u tas-7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410).

( 94 ) Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III.

( 95 ) Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.

( 96 ) Il-“forum shopping” jirreferi għall-abbuż tal-proċeduri tal-ażil fil-forma ta’ applikazzjonijiet multipli għall-ażil magħmula mill-istess persuna f’diversi Stati Membri bl-għan waħdieni li jestendi s-soġġorn tiegħu fl-Istati Membri; ara, pereżempju, il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat datata t-3 ta’ Diċembru 2008 [KUMM (2008) 820 finali].

( 97 ) “Movimenti sekondarji” tkopri l-fenomenu tal-migranti, refuġjati u dawk li jfittxu ażil li għal raġunijiet differenti jiċċaqalqu mill-pajjiż li jkunu waslu fih sabiex ifittxu protezzjoni jew ristabbiliment permanenti x’imkien ieħor (ara l-Glossarju “Ażil u Migrazzjoni” tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni).

( 98 ) Premessi 2, 3, 4 u 5 tar-Regolament Dublin III.

( 99 ) Artikoli 8 sa 11 tar-Regolament Dublin III.

( 100 ) Artikoli 12, 13 u 14 tar-Regolament Dublin III. Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport ta’ Stat Membru, huwa dak l-Istat li huwa responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni bħal din (Artikolu 15 tar-Regolament Dublin III).

( 101 ) Ara l-Artikoli 7 u 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 102 ) Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dak l-obbligu huwa bla ħsara għal dawk li qed ifittxu status ta’ refuġjat u l-prinċipju ta’ non-refoulement. Ara l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri fir-rigward tad-dritt li wieħed jibqa’ fi Stat Membru matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat u l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar ir-ritorn fir-rigward tal-obbligi tal-Istati Membri li jirritornaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed joqogħdu illegalment fit-territorju tagħhom.

( 103 ) Fil-prattika r-Regolament Eurodac ma jiġix applikat b’mod konsistenti; u l-Kummissjoni bagħtet numru ta’ ittri amministrattivi lill-Istati Membri (l-ittra mibgħuta qabel l-ittra ta’ intimazzjoni li hija l-prekursur ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE). Ara COM (2015) 510 final tal-14 ta’ Ottubru 2015; Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill intitolata “Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta’ Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”.

( 104 ) Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva dwar ir-ritorn. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-Direttiva meta d-dħul ikun irrifjutat skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew meta persuna tinqabad jew tiġi interċettata meta tkun qed taqsam fruntiera irregolarment.

( 105 ) Ara l-punti 7 sa 18 iktar ’il fuq.

( 106 ) Domanda 2 fil-Kawża C‑490/16 u Domanda 1 fil-Kawża C‑646/16.

( 107 ) Domandi 2(a) sa (d) u 3(e), (f) u (g) fil-Kawża C‑646/16.

( 108 ) Domand 2 fil-Kawża C‑490/16 u Domandi 2(e), 3(a) u 3(b) fil-Kawża C‑646/16.

( 109 ) Domanda 3 fil-Kawża C‑490/16 u Domandi 3(a) sa (h) fil-Kawża C‑646/16.

( 110 ) Domandi 1 u 5.

( 111 ) Domanda 4 fil-Kawża C‑490/16.

( 112 ) Ara l-punti 12 sa 17 u 45 iktar ’il fuq.

( 113 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, MA et, C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 114 ) Ftehim interistituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1998 fuq linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 39).

( 115 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Skoma-Lux, C-161/06, EU:C:2007:773, punt 38.

( 116 ) Ara l-punti 142 sa 153 iktar ’il quddiem.

( 117 ) Ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq. “Viża” fl-Artikolu 2(m) Dublin III huwa kunċett usa’ milli fil-Kodiċi.

( 118 ) Ara l-punti 26 iktar ’il fuq.

( 119 ) Premessa 3 tar-Regolament Dublin III.

( 120 ) Premessa 3 tar-Regolament Dublin III.

( 121 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 2930.

( 122 ) Għalhekk, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tagħha COM (2001) 447 final tas-26 ta’ Lulju 2001 għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ terz pajjiż, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżura proposta bħala li żżid “ostakolu għall-bini ta’ SEKA […].” Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Mirza, C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 41; ara wkoll il-premessi 10 sa 12 tar-Regolament Dublin III.

( 123 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(b) u 2(d) tar-Regolament Dublin III fir-rigward tad-Direttiva dwar il-kwalifiki u d-Direttiva dwar il-proċeduri, u l-Artikolu 28 dwar id-Direttiva dwar l-akkoljenza.

( 124 ) Premessa 32.

( 125 ) Sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punt 7879, u tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 52.

( 126 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C-394/12, EU:C:2013:813, punt 53.

( 127 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punt 83.

( 128 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, MA et, C-648/11, EU:C:2013:367, punti 56 sa 58. Ara wkoll il-premessi 2, 19 u 39 tar-Regolament Dublin III.

( 129 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 56.

( 130 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 59.

( 131 ) Ara l-punti 117 sa 120 iktar ’il fuq.

( 132 ) Artikolu 2(c) tar-Regolament Dublin III.

( 133 ) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni COM (2008) 820 final. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-“Responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil” kienu fl-Artikoli 28 sa 38 tal-Kapitolu 7 tas-KFS.

( 134 ) Ara, pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64).

( 135 ) Ara l-Artikoli 3 u 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-premessa 41 tar-Regolament Dublin III.

( 136 ) F’każijiet bħal dawn iċ-ċittadin tal-pajjiżi terzi kkonċernat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-proċeduri u jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 9 tiegħu.

( 137 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 48.

( 138 ) Ara iktar ’il quddiem il-punti 155 et seq.

( 139 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 48.

( 140 ) Il-miżuri SEKA għandhom l-istess bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 78(2) TFUE [b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-kwalifika, l-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE; id-Direttiva dwar il-proċeduri, l-Artikolu 78(2)(d) TFUE; u d-Direttiva dwar l-akkoljenza, l-Artikolu 78(2)(f) TFUE]. Il-bażi legali tar-Regolament Dublin III hija naturalment l-Artikolu 78(2)(e) TFUE. L-Artikolu 63(2)(a) u (b) KE huwa ċċitat bħala l-bażi legali tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 162). Dak l-att għadu ma ġiex aġġornat: il-bażi legali xierqa issa hija l-Artikolu 78(2)(g) mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-bażi legali tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hija l-Artikolu 77 TFUE u dik tad-Direttiva dwar ir-ritorn hija l-Artikolu 79 TFUE.

( 141 ) Il-Ġermanja kienet ġeneralment id-destinazzjoni ppreferuta ta’ dawk intervistati fi stħarriġ li sar minn REACH fir-rapport tiegħu “Migration to Europe through the Western Balkans – Serbia & the Former Yugoslav Republic of Macedonia, December 2015 to May 2016” (Il-migrazzjoni lejn l-Ewropa permezz tal-Balkani tal-Punent – Is-Serbja u l-FYROM, Diċembru 2015 sa Mejju 2016).

( 142 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, X u X, C-638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 143 ) Anness 1 tar-Regolament Nru 539/2001.

( 144 ) L-istess japplika għal A.S., billi s-Sirja hija elenkata fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 539/2001 bħala pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntiera esterna tal-UE minn Stat terz.

( 145 ) Ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq.

( 146 ) Kif meħtieġ, rispettivament, mill-Artikoli 20 u 24 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 147 ) Ara l-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi; ara wkoll il-punt 60 iktar ’il fuq.

( 148 ) Ara l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 767/2008, u l-premessa 31 tar-Regolament Dublin III.

( 149 ) Ara l-punti 1 sa 9 iktar ’il fuq.

( 150 ) Il-Ġermaniż u s-Sloven.

( 151 ) L-Ingliż u l-Franċiż.

( 152 ) Il-Kunsill tal-Ewropa jiddistingwi bejn il-migrazzjoni illegali u migrant irregolari. B’riferiment għar-Riżoluzzjoni 1509 (2006) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-kelma “illegali” hija ppreferuta meta ssir referenza għall-istatus jew proċess, filwaqt li “irregolari” hija ppreferuta meta jsir riferiment għal persuna. Bħala riżultat tal-assoċjazzjoni mal-kriminalità huwa meqjus li t-terminu “migrazzjoni illegali” għandu jiġi evitat, billi l-parti l-kbira tal-migranti irregolari ma humiex kriminali. Li tkun f’pajjiż mingħajr id-dokumenti meħtieġa ma huwiex, f’ħafna pajjiżi, reat kriminali iżda ksur amministrattiv. Il-Kummissjoni iffavorixxiet għal żmien twil it-terminu “immigrazzjoni illegali”, iżda iktar reċentement qed tirreferi għal “migrazzjoni irregolari” ukoll, b’“illegali” u “irregolari” jidhru li qed jintużaw b’mod interkambjabbli fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2017“fuq li r-ritorn ikun iktar effettiv fl-implementazzjoni tad-[Direttiva dwar ir-ritorn]” (ĠU 2017, L 66, p. 15).

( 153 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Kreis Warendorf u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127.

( 154 ) It-test Franċiż juża wkoll aġġettiv differenti, jiġifieri l-kelma “irrégulièrement”, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Fl-Artikolu 31(8)(h) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tintuża l-espressjoni “entré ou a prolongé son séjour illégalement”. L-istess jingħad għat-test Ġermaniż li juża “illegali” fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III u “unrechtmäßig” fl-Artikolu 31(8)(h) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

( 155 ) L-għan tal-listi huwa li tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Dublin u l-atti li ħadu postha: ara l-premessa 2 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin.

( 156 ) L-Artikolu 22(4) tar-Regolament Dublin III jispeċifika li r-rekwiżit ta’ prova ma għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa tar-regolament: ara wkoll l-Artikolu 22(5).

( 157 ) Artikolu 1 tar-Regolament Eurodac.

( 158 ) Artikolu 9 tar-Regolament Eurodac.

( 159 ) Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac.

( 160 ) L-ewwel inċiż tal-punt 7 fil-lista A fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ta’ Dublin. Billi l-Istat Membru li jieħu l-marki tas-swaba’ mbagħad isir responsabbli, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, sabiex tiġi ddeterminata kull applikazzjoni futura għall-protezzjoni internazzjonali, dan jista’ fir-realtà jopera bħala diżinċentiv għall-applikazzjoni rigoruża tar-Regolament Eurodac.

( 161 ) Il-bażi legali għar-Regolament Dublin III hija l-Artikolu 78(2)(e) TFUE. Ninnota li l-Artikolu 78(2)(c) għandu x’jaqsam ma’ sistema komuni ta’ protezzjoni temporanja għal persuni spostati fil-każ ta’ influss massiv: ara d-Direttiva 2001/55/KE. Peress li dik id-direttiva ġiet adottata qabel it-Trattat ta’ Lisbona tal-2009, in-numerazzjoni invokata fil-premessi tal-imsemmi att tirreferi għall-Artikolu 63(a) u (b) KE.

( 162 ) Il-UNHCR jiddikjara li r-“Regolament ta’ Dublin jikkostitwixxi l-uniku strument reġjonali li jirregola l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil, u huwa għodda importanti sabiex dawn il-persuni jitlaqqgħu mill-ġdid mal-familja tagħhom fl-Unjoni”. Kummenti tal-UNHCR dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [COM (2016) 270, p. 6].

( 163 ) L-Artikolu 3 tal-KEDB huwa d-dritt korrispondenti.

( 164 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94.

( 165 ) “The Reform of the Dublin System” (Ir-Riforma tas-Sistema ta’ Dublin), ippubblikat mid-Direttorat Generali għal Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea.

( 166 ) Il-kriterji tal-Kapitolu III li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tad-dħul, b’mod partikolari dak li issa huwa l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, ġew żviluppati mill-istess prinċipji li kienu fil-KFS [b’mod partikolari dak li kien l-Artikolu 30(e)], jiġifieri l-idea li, f’qasam li fih il-moviment liberu tal-persuni huwa ggarantit mit-Trattat, kull Stat Membru huwa responsabbli lejn l-oħrajn kollha għall-azzjonijiet tiegħu dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għandu jġorr il-konsegwenzi ta’ dan fi spirtu ta’ solidarjetà u ta’ kooperazzjoni ġusta. Ara, fir-rigward tar-Regolament Dublin II, il-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni COM (2001) 447. Ara wkoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni COM (2008) 820. Ara wkoll il-punt 129 iktar ’il fuq dwar is-sinjifikat tal-oriġini tal-atti ta’ Dublin.

( 167 ) L-influss inkluda wkoll persuni li ma kinux ċittadini ta’ dawn l-Istati, kif ukoll dawk li ma kinux obbligati li jemigraw għal raġunijiet ta’ persekuzzjoni; ara b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 u l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 168 ) Skont id-Direttiva dwar l-akkoljenza l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkonformaw ma’ ċerti standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jiżguraw standard dinjituż ta’ għajxien u kundizzjonijiet ta’ għajxien paragunabbli madwar l-Unjoni kollha. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jkunu marbuta b’obbligi taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève u l-KEDB.

( 169 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 212 iktar ’il quddiem.

( 170 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 86, issa kkodifikat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

( 171 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM (2016) 85 final.

( 172 ) KUMM (2008) 820 finali.

( 173 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 96 iktar ’il fuq.

( 174 ) Fil-każ ta’ A.S. huwa daħal fil-Kroazja mis-Serbja fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera indikat: ara l-punt 71 iktar ’il fuq. Il-familji Jafari daħlu fil-Kroazja mis-Serbja wara li kienu għaddew ċerti kontrolli preliminari sabiex jiġi stabbilit li dawn kienu tabilħaqq ċittadini tal-Afganistan u għalhekk x’aktarx jikkwalifikaw għal protezzjoni internazzjonali: ara l-punt 86 iktar ’il fuq.

( 175 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94; ara ukoll il-punt 231 sa 242 iktar ’il quddiem.

( 176 ) Ara l-punti 1 u 2 iktar ’il fuq.

( 177 ) Ara wkoll il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal “Regolament Dublin IV” – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [COM (2016) 270 final, tal-4 ta’ Mejju 2016].

( 178 ) Artikolu 3 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 179 ) Jiġifieri, dħul għal perijodu ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum (ara l-Kodiċi dwar il-Viżi). Ma hemmx regoli għal soġġorni fit-tul fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 180 ) Ara wkoll l-Artikolu 5(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 181 ) Ara wkoll l-Artikolu 5(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 182 ) Ara wkoll l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 183 ) Ara wkoll l-Artikolu 5(1)(d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 184 ) Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.

( 185 ) Persuna li qasmet il-fruntiera “illegalment” u li ma jkollha l-ebda dritt li tissoġġorna fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u tkun suġġetta għall-proċeduri ta’ ritorn skont id-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 186 ) Ara l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, tas-26 ta’ Mejju 2004, COM(2004) 391 final, p. 8.

( 187 ) L-emenda introdotta mill-Parlament Ewropew kienet ikkunsidrata neċessarja sabiex jitqiesu “tħassib umanitarju jew sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħala raġunijiet validi għal deroga mid-dispożizzjonijiet bażiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew li jwaqqaf Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, A6-0188/2005 final, p. 71 u 74.

( 188 ) Konklużjonijiet fil-kawża X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:93, punt 130, fir-rigward tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

( 189 ) Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 539/2001.

( 190 ) Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 539/2001 u l-Anness II. Kampjun każwali tal-pajjiżi elenkati hemmhekk jinkludi l-Albanija, l-Andorra, il-Brażil, il-Kanada, l-Israel u l-Ġappun.

( 191 ) Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.

( 192 ) Ara l-Artikolu 1 u l-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 msemmi fil-punt 59 iktar ’il fuq.

( 193 ) A.S. ma jibbażax ruħu fuq l-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III. Madankollu, għall-fini ta’ bonordni ninnota li l-pożizzjoni tkun l-istess fil-każ tiegħu: bħala ċittadin Sirjan huwa wkoll meħtieġ li jkollu viża sabiex jidħol fl-Unjoni; ara l-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 u ara wkoll il-punt 194 iktar ’il fuq.

( 194 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

( 195 ) Ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq.

( 196 ) Għal-laqgħa attendew mexxejja li jirrappreżentaw l-Albanija, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-FYROM, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Serbja u s-Slovenja. Id-dikjarazzjoni hija fil-forma ta’ “pjan ta’ 17-il punt ta’ miżuri prammatiċi u operattivi sabiex jiżguraw li n-nies ma jitħallewx ifendu għal rashom waħedhom fix-xita u l-kesħa”. Kienet inħarġet bħala Stqarrija għall-Istampa IP/15/5904.

( 197 ) Ċerti miżuri li ġew ikkunsidrati bħala atti ta’ solidarjetà fit-tifsira tal-Artikolu 80 TFUE ġew introdotti, jiġifieri d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2015/1523 u 2015/1601. Madankollu, l-Artikolu 33 tar-Regolament Dublin III ma kienx attivat.

( 198 ) Der Tagespiegel (Andrea Dernbach) tas-26 ta’ Awwissu 2015.

( 199 ) The Financial Times tal-20 ta’ Jannar 2016. Fir-rigward tan-natura korretta jew le ta’ din il-konklużjoni, ara l-kumment tiegħi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.

( 200 ) Ara l-punti 13 sa 17 iktar ’il fuq.

( 201 ) Ara l-punt 175 iktar ’il fuq dwar l-evalwazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

( 202 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 iktar ’il fuq.

( 203 ) “At the Gate of Europe”, rapport fuq ir-refuġjati tar-Rotta tal-Balkani tal-Punent minn Senado Šelo Šabić u Sonja Borić, p. 11. Ibbażat fuq iċ-ċifri tal-Eurostat iċċitati f’“The Balkan route reversed – the return of asylum seekers to Croatia under the Dublin System”, ir-rapport (datat l-15 ta’ Diċembru 2016 u ppubblikat mill-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati u d-Database tal-Informazzjoni dwar l-Ażil) jgħid li s-sistema ta’ akkoljenza u l-proċedura tal-ażil tal-Kroazja għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali ma kinux imfassla bil-għan li jirrispondu għal “popolazzjonijiet imdaqqsa ta’ persuni li jfittxu l-ażil”.

( 204 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament Dublin III; ara wkoll l-Artikolu 31(1) sa (3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

( 205 ) Id-Direttiva dwar l-akkoljenza: ara wkoll il-premessi 10 sa 12 tar-Regolament Dublin III.

( 206 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865.

( 207 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 8485.

( 208 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 86. Dak il-prinċipju issa ġie kkodifikat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

( 209 ) Fl-2015 kien hemm 943 talba totali taħt Dublin sabiex jittieħed inkarigu ta’ jew sabiex jittieħdu lura l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u mhux iktar minn 24 trasferimenti (Eurostat). Mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Novembru 2016 il-Kroazja rċeviet 3793 talba bħal dawn ġejjin prinċipalment mill-Awstrija, mill-Ġermanja u mill-Isvizzera. Fl-2015 id-dipartiment tal-ażil Kroat kellu biss tliet uffiċjali. Dan tela’ għal ħamsa sabiex jipproċessaw il-każijiet Dublin matul l-agħar tal-kriżi. Ara “The Balkan route reversed – the return of asylum seekers to Croatia under the Dublin System”, ir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 201, p. 27.

( 210 ) “At the Gate of Europe” rapport dwar ir-refuġjati fuq ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent minn Senado Šelo Šabić u Sonja Borić, paġni 14 sa 16.

( 211 ) Kien hemm mal-447 791 ċittadini ta’ pajjiż terz li vvjaġġaw fis-Slovenja bejn l-aħħar tal-2015 u l-bidu tal-2016, imma kienu biss 471 ruħ li ppreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali hemmhekk.

( 212 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 88 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, iktar reċenti, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera (EC:KEDB:2014:1104JUD 002921712). Sa issa ma hemm l-ebda kostatazzjoni bħal din ta’ diffikultajiet sistemiċi fis-sistema tal-ażil fir-rigward tal-Kroazja jew tas-Slovenja.

( 213 ) Fir-rigward ta’ A.S., ara l-punti 71 u 72 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-familji Jafari, ara l-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq.

( 214 ) Ara l-punti 186 sa 189 iktar ’il fuq.

( 215 ) Gil Mogades, S., “The discretion of States in the Dublin III system for determining responsibility for examining applications for asylum”, International Journal of Refugee law, Vol. 27, Nru 3, paġni 433 sa 456.

( 216 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409.

( 217 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 61.

( 218 ) Ara l-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

( 219 ) Ara l-punt 187 iktar ’il fuq.

( 220 ) Ara l-punt 187 iktar ’il fuq.

Top