Help Print this page 

Document 62016CC0419

Title and reference
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2017.
Sabine Simma Federspiel vs Provincia autonoma di Bolzano u Equitalia Nord SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Bolzano.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-ħaddiema – Artikoli 45 u 49 TFUE – Rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u tal-kwalifiki l-oħra fil-mediċina – Direttivi 75/363/KEE u 93/16/KEE – Remunerazzjoni tat-tobba speċjalisti mħarrġa.
Kawża C-419/16.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)
  • ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:677
Languages and formats available
Multilingual display
Text

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑419/16

Sabine Simma Federspiel

vs

Provincia Autonoma di Bolzano

Equitalia Nord SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano/Landesgericht Bozen (qorti distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja)]

“Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Tobba — Direttiva 75/363/KEE — Rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina — Kisba tat-titlu ta’ speċjalista mediku — Remunerazzjoni matul il-perjodu ta’ taħriġ — Obbligu ta’ xogħol fis-servizz tas-saħħa pubblika għal perijodu ta’ mhux inqas minn 5 snin fi żmien 10 snin mill-kisba tal-kwalifika — Artikoli 45 u 49 TFUE — Kunċett ta’ restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża ġejja minn tilwima bejn Sabine Simma Federspiel (iktar ’il quddiem “Federspiel”) u l-Provincia Autonoma di Bolzano (Provinċja Awtonoma ta’ Bolzano, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Provinċja”) dwar il-ħlas lura ta’ ammont ta’ EUR 68515.24 u interessi legali.

2.

Federspiel kienet ingħatat borża ta’ studju mill-Provinċja għal taħriġ għal speċjalizzazzjoni medika full-time fl-Università ta’ Innsbruck fl-Awstrija. Biex tibbenefika mill-borża ta’ studju li kienet tippermettilha ssir speċjalista fin-newroloġija u fil-psikjatrija, Federspiel iffirmat dikjarazzjoni li biha ntrabtet li tipprattika fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja għal perijodu ta’ mhux inqas minn ħames snin wara li kienet tkun temmet it-taħriġ għal speċjalizzazzjoni tagħha fl-Awstrija. Hija aċċettat ukoll li f’każ li hija tonqos milli tosserva dak l-impenn, il-Provinċja setgħet titlob lura sa 70 % tal-ammont tal-borża ta’ studju mħallas.

3.

F’dan il-kuntest, id-domanda li tqum hija jekk kundizzjoni ta’ liġi nazzjonali, li tissuġġetta l-għoti ta’ borża ta’ studju għal taħriġ għal speċjalizzazzjoni medika għal ħames snin servizz fis-servizz tas-saħħa pubblika fil-Provinċja u, fin-nuqqas ta’ dan, għal obbligu ta’ ħlas lura ta’ parti mill-ammont tal-borża ta’ studju riċevuta, hijiex prekluża mid-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk dik il-kundizzjoni hijiex kompatibbli, minn naħa, mad-Direttiva 75/363/KEE ( 2 ) u, min-naħa l-oħra, mal-Artikolu 45 TFUE.

4.

F’dan ir-rigward, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità biex tiddefinixxi l-limiti tal-obbligi li joriġinaw minn dik id-direttiva u terġa’ tqis il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattati.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-dritt tal-Unjoni

5.

Id-Direttiva 75/363 tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar l-attivitajiet tat-tobba. Tistabbilixxi l-istandards li l-Istati Membri għandhom josservaw fl-organizzazzjoni ta’ taħriġ mediku fit-territorji rispettivi tagħhom.

6.

L-ewwel premessa tad-Direttiva 75/363 tispjega li biex jinkiseb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, kif stabbilit fid-Direttiva 75/362 ( 3 ), in-natura komparabbli ta’ korsijiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri tfisser li l-koordinazzjoni f’dan il-qasam tista’ tkun limitata għall-ħtieġa li jkunu osservati standards minimi, li mbagħad tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jorganizzaw it-tagħlim tagħhom.

7.

It-tieni premessa tagħmilha ċara li, biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki formali fil-mediċina speċjalizzata u biex il-membri kollha tal-professjoni ċittadini tal-Istati Membri jitqiegħdu fuq ċerta bażi ta’ parità mal-Unjoni kollha, hija meqjusa meħtieġa ċerta koordinazzjoni tal-ħtiġijiet għal taħriġ fil-mediċina speċjalizzata. Għal dan l-għan, l-istess premessa tispjega li għandhom ikunu stabbiliti ċerti kriterji minimi għal dan l-iskop dwar id-dritt li wieħed jieħu taħriġ speċjalizzat, il-perijodu minimu ta’ taħriġ, il-metodu li bih jingħata dan it-taħriġ u l-post fejn isir, kif ukoll is-superviżjoni li għandu jkun suġġett għaliha. Il-premessa tispeċifika wkoll li dawn il-kriterji jikkonċernaw biss l-ispeċjalitajiet komuni għall-Istati Membri kollha jew għal żewġ Stati Membri jew iktar.

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/363 jistabbilixxi r-rekwiżiti li bihom l-Istati Membri għandhom jobbligaw lil persuni li jkunu jixtiequ jibdew u jeżerċitaw professjoni medika.

9.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiffissa r-rekwiżiti minimi li t-taħriġ fil-mediċina speċjalizzata għandhom jissodisfaw. B’mod iktar speċifiku l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ li jwassal għal diploma, ċertifikat jew provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina speċjaliżżata jkun jissodisfa mill-inqas ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandu jinkludi t-tmiem b’suċċess ta’ sitt snin studju fil-qafas tal-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jinkludi istruzzjoni teoretika u prattika;

(c)

għandu jkun kors full-time bis-superviżjoni tal-awtoritajiet jew tal-korpi kompetenti, skont il-punt 1 tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(d)

għandu jsir f’ċentru universitarju, fi sptar ta’ tagħlim jew, skont il-każ, fi stabbiliment tas-saħħa approvat għal dan l-għan mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti;

(e)

għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni personali tat-tabib apprendist biex isir speċjalista fl-attività u fir-responsabbiltajiet tal-istabbilimenti kkonċernati.”

10.

L-Anness tad-direttiva, li kien żdied mid-Direttiva 82/76 mad-Direttiva 75/363, huwa dwar il-karatteristiċi tat-taħriġ full-time u part-time ta’ speċjalisti. Dan jgħid:

“1. Taħriġ full-time ta ’ speċjalisti

Taħriġ bħal dan għandu jsir f’postijiet speċifiċi rrikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

Huwa għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet mediċi kollha tad-dipartiment fejn isir it-taħriġ, inklużi d-dmirijiet “on-call”, biex l-ispeċjalista apprendist jiddedika għal dan it-taħriġ prattiku u teoritiku l-attività professjonali kollha tiegħu tul il-ġimgħa standard ta’ xogħol u tul is-sena kollha skont id-dispożizzjonijiet miftiehma mal-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk dan it-taħriġ għandu, għalhekk, jingħatalu remunerazzjoni xierqa.

[…]”

11.

Id-Direttiva 75/363 kienet issostitwita mid-Direttiva 93/16/KEE ( 4 ) li tiġbor flimkien għadd ta’ direttivi fil-qasam tal-moviment liberu ta’ professjonisti mediċi. Dik il-bidla leġiżlattiva ma ġabitx xi bidliet sostantivi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti għal dawn il-finijiet.

B.  Id-dritt nazzjonali

12.

L-Artikolu 1 tal-Legge provinciale 3 gennaio 1986 (Liġi Provinċjali Nru 1/1986, iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”) ( 5 ) jipprovdi:

“(1)

Minħabba li huwa impossibbli li jinkisbu kwalifiki ta’ speċjalista mediku fil-[Provinċja], il-ministru Provinċjali kompetenti jkun awtorizzat, wara deċiżjoni minn qabel tal-Gvern Provinċjali, jiffirma ftehimiet adatti biex jinħolqu postijiet addizzjonali għat-taħriġ ta’ speċjalisti mediċi ma’ universitajiet Taljani u mal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti Awstrijaċi, skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat fil-qasam inkwistjoni, bla ħsara għall-konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Provinċjali.

(2)

Il-ftehim iffirmat mal-awtoritajiet pubbliċi Awstrijaċi skont il-paragrafu preċedenti jista’ jipprospetta li l-Provinċja tħallas lil dawk l-awtoritajiet ammont li ma jkunx jeċċedi dak massimu tal-borża ta’ studju kif stabbilit fl-Artikolu 3 iktar ’il quddiem, jekk huma jipprovdu għall-ħlas ta’ remunerazzjoni korrispondenti lill-ispeċjalista apprendist.”

13.

L-Artikolu 2(1) tal-miżura kkontestata jgħid:

“Ir-rekwiżit li speċjalisti mediċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-servizz tas-saħħa provinċjali għandu jiġi ddeterminat, għal kull speċjalizzazzjoni, mill-Gvern Provinċjali skont l-għanijiet tal-pjan Provinċjali għas-saħħa wara li jisma’ l-opinjoni tal-Ordine dei medici (kulleġġ tat-tobba), u tal-Consiglio provinciale di sanità (kunsill Provinċjali għas-saħħa).”

14.

L-Artikolu 3 tal-miżura kkontestata jgħid dan li ġej:

“(1)

Il-Gvern Provinċjali għandu jkun awtorizzat jippubblika avviżi dwar kompetizzjonijiet għall-għoti ta’ boroż ta’ studju għal taħriġ speċjalizzat lil tobba residenti [fil-Provinċja] u ċċertifikati biex jipprattikaw bħala tobba bil-għan li jiksbu kwalifiki fl-ispeċjalitajiet li fihom ikun hemm nuqqas, kif elenkat fl-Artikolu 2. […]

(2)

Il-boroż ta’ studju msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan għandhom jingħataw abbażi ta’ lista ta’ klassifikazzjoni skont kwalifiki magħmula f’konformità ma’ kriterji li jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Gvern Provinċjali […]

(3)

L-ammont tal-borża ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni għandu jkun iddikjarat fl-avviż tal-kompetizzjoni u ma għandux jeċċedi s-salarju inizjali ta’ assistenti apprendisti fis-servizz tas-saħħa.

(4)

Ir-rebbieħa ta’ boroż ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni għandhom iqattgħu l-perijodu ta’ taħriġ speċjalizzat fl-isptarijiet imsemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni.

[…]”

15.

L-Artikolu 7 tal-miżura kkontestata jipprovdi dan li ġej:

“(1)

Il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din il-Liġi jintrabtu li jipprattikaw fis-servizz tas-saħħa pubblika [tal-Provinċja] għal perijodu li għandu jiġi stabbilit b’regolament tal-Gvern Provinċjali. Dak il-perijodu ma għandux ikun inqas minn ħames snin u għandu jintemm wara perijodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit fl-istess regolament.

(2)

F’każ ta’ nuqqas li l-impenn imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel dan ma jiġix osservat totalment jew parzjalment, għandha titħallas lura parti tal-borża ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni jew tal-kontribuzzjoni finanzjarja, flimkien ma’ interessi legali. Il-parti li għandha titħallas lura għandha tiġi stabbilita b’deċiżjoni tal-Gvern Provinċjali permezz ta’ regolament u ma għandhiex teċċedi 70 % tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni.”

16.

Ir-regolament li jimplementa l-Artikolu 7 tal-miżura kkontestata, jiġifieri d-Digriet tal-President tal-Gvern Provinċjali Nru 6/1988 ( 6 ), jgħid dan li ġej:

“(1)

Il-benefiċjarji tal-boroż ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni jew tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 6(1) u (2) tal-Liġi Provinċjali Nru 1 tat-3 ta’ Jannar 1986 jintrabtu li jipprattikaw għal 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-[Provinċja], fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ, fi żmien 10 snin mid-data li fiha wieħed ikun ikkwalifika għall-ispeċjalizzazzjoni jew minn meta wieħed ikun ikkonkluda l-perijodu ta’ taħriġ.

(2)

Il-ħlasijiet għal boroż ta’ studju u għal kontribuzzjonijiet ikunu b’kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tipproduċi dikjarazzjoni fil-formula preskritta b’firma awtentikata li tkun tafferma l-impenn li hija tkun konformi mal-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

(3)

Il-benefiċjarji jkun jeħtiġilhom:

(a)

iħallsu lura sa 70 % tal-ammont totali tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni f’każ li jonqsu għalkollox milli josservaw l-impenn imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)

iħallsu lura sa 14 % tal-ammont totali tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni għal kull sena jew parti ta’ iktar minn sitt xhur f’sena li fiha l-benefiċjarju jkun naqas milli jipprattika, sa massimu ta’ ħames snin, fil-każ ta’ nuqqas parzjali li josserva l-impenn.

(4)

Nuqqas totali jew parzjali fl-osservanza tal-impenn imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi ddeterminat b’deċiżjoni tal-Gvern Provinċjali, wara proposta mill-ministru Provinċjali kompetenti, li tistabbilixxi l-ammont tal-borża ta’ studju jew tal-kontribuzzjoni li jkollu jitħallas lura, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3, meqjusa kull ġustifikazzjoni mogħtija mill-persuna kkonċernata.

(5)

Nuqqas tal-osservanza tal-impenn imsemmi fil-paragrafu 1 jitqies li ma jkunx seħħ jekk il-persuna kkonċernata tagħti prova li hija kienet applikat għal pożizzjoni fis-servizz tas-saħħa pubblika [tal-Provinċja] u, wara li kienet ħadet sehem fl-eżamijiet kompetittivi korrispondenti, kienet instabet li kienet adatta jew kienet tqiegħdet fil-listi ta’ klassifikazzjoni għal kuntratti iżda li ma kinitx issejħet biex tibda taħdem fis-servizz.

(6)

L-ammonti dovuti abbażi tad-deċiżjoni tal-Gvern Provinċjali msemmija fil-paragrafu 4 għandhom jiġu rkuprati permezz ta’ ordni ta’ ġbir maħruġa mill-President tal-Gvern Provinċjali skont id-Digriet Irjali Nru 639 tal-14 ta’ April 1910.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

17.

Federspiel hija ċittadina Taljana li ngħatat borża ta’ studju mill-Provinċja biex tagħmel taħriġ għal speċjalizzazzjoni fl-Università ta’ Innsbruck (l-Awstrija) bejn l-1992 u l-2000 biex tikkwalifika bħala speċjalista medika fin-newroloġija u l-psikjatrija.

18.

Minħabba li ma teżistix fakultà universitarja fil-mediċina fil-Provinċja li tagħti taħriġ għal speċjalizzazzjoni, il-Provinċja, abbażi tal-miżura kkontestata, iffirmat ftehimiet ma’, inter alia, universitajiet Taljani u mal-awtoritajiet pubbliċi Awstrijaċi bil-għan li jkunu stabbiliti postijiet addizzjonali għal taħriġ mediku speċjalizzat f’dawk il-pajjiżi. Ir-remunerazzjoni għal dawk il-postijiet hija permezz ta’ boroż ta’ studju mill-Provinċja. Bi tpattija għall-għoti ta’ borża ta’ studju, il-Provinċja titlob li t-tabib ikkonċernat jipprattika (jew, skont il-każ, jieħu l-passi meħtieġa biex jipprattika), wara li jkun ikkwalifika bħala speċjalista, fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja għal ċertu perijodu ta’ żmien.

19.

Fil-21 ta’ Diċembru 1992, Federspiel iffirmat dikjarazzjoni li biha ntrabtet li tipprattika għal 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta tkun ikkonkludiet it-taħriġ tagħha għall-kwalifika bħala speċjalista. Skont il-kundizzjonijiet tad-dikjarazzjoni, jekk hija kienet tonqos milli tosserva dak l-impenn, hija kien ikollha tħallas lura sa 70 % tal-borża ta’ studju. Jekk kienet tonqos tosservah parzjalment, hija kien ikollha tħallas lura sa 14 % tal-borża ta’ studju għal kull sena jew parti ta’ iktar minn sitt xhur f’sena għal xogħol li hija ma tkunx għamlet.

20.

Wara li kisbet il-kwalifika tagħha mill-Università ta’ Innsbruck fl-2000, Federspiel marret tirrisjedi fi Bregenz (l-Awstrija) fejn hija pprattikat minn dak iż-żmien ’l hawn.

21.

Fl-20 ta’ Frar 2013, l-amministrazzjoni tal-Provinċja talbet lil Federspiel tipprovdi ċertifikat li jikkonferma li hija kienet ipprattikat fil-Provinċja skont id-dikjarazzjoni ffirmata fl-1992. Sussidjarjament, intalbet tagħti prova li hija kienet applikat għal pożizzjoni fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja u kienet instabet idonea, jew li kienet tqiegħdet fil-listi ta’ klassifikazzjoni għal kuntratti, iżda li ma kinitx issejħet biex tibda xogħolha fis-servizz.

22.

Bi tweġiba għal dik it-talba, Federspiel għarrfet lill-Provinċja li hija ma kinitx ipprattikat bħala tabiba fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja wara li kienet ikkonkludiet it-taħriġ għal speċjalizzazzjoni tagħha.

23.

Skont id-Digriet Nru 259/23.5 tal-5 ta’ Awwissu 2013 tal-Assessore (ministru) tal-Gvern Provinċjali (iktar ’il quddiem id-“Digriet”), l-amministrazzjoni tal-Provinċja talbet il-ħlas lura ta’ 70 % tar-remunerazzjoni mogħtija, jiġifieri, ammont prinċipali ta’ EUR 68515.24, flimkien ma’ interessi ta’ EUR 51418.63. Fi kliem ieħor, hija ntalbet tħallas lura total ta’ EUR 119933.87.

24.

Quddiem il-qorti tar-rinviju Federspiel qiegħda titlob l-annullament ta’ dak id-Digriet minħabba li dak id-digriet ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

25.

Minħabba li kellha dubji f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikolu 2(1)(c) [tad-Direttiva 75/363], kif emendata [bid-Direttiva 82/76], u l-anness iċċitat magħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li regola tad-dritt intern, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tar-remunerazzjoni intiża għat-tobba li jkunu qed jispeċjalizzaw għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn tat-tabib benefiċjarju li jwettaq tal-inqas [5] snin servizz fis-servizz sanitarju pubbliku [tal-Provinċja] mhux iktar tard minn [10] snin li għandhom jiddekorru mid-data ta’ kisba tal-ispeċjalizzazzjoni, u li, f’każ ta’ inosservanza totali ta’ dan l-obbligu, tippermetti espressament [lill-Provinċja], organu li jiffinanzja r-remunerazzjoni, li tikseb il-ħlas lura ta’ ammont sa 70 % tal-allowance mogħtija, minbarra l-interessi legali kkalkolati mill-mument li fih l-amministrazzjoni tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet individwali?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi regola tad-dritt intern, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-għoti tar-remunerazzjoni intiża għat-tobba li jkunu qed jispeċjalizzaw għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn tat-tabib benefiċjarju li jwettaq tal-inqas [5] snin servizz fis-servizz sanitarju pubbliku [tal-Provinċja] mhux iktar tard minn [10] snin li għandhom jiddekorru mid-data ta’ kisba tal-ispeċjalizzazzjoni, u li, f’każ ta’ inosservanza totali ta’ dan l-obbligu, tippermetti espressament [lill-Provinċja], organu li jiffinanzja r-remunerazzjoni, li tikseb il-ħlas lura ta’ ammont sa 70 % tal-allowance mogħtija, minbarra l-interessi legali kkalkolati mill-mument li fih l-amministrazzjoni tkun ħallset il-kontribuzzjonijiet individwali?’

26.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn Federspiel, mill-Provinċja u mill-Kummissjoni, li lkoll ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017.

IV. Analiżi

A.  Kuntest

27.

Ma hemmx fakultà universitarja tal-mediċina fil-Provinċja li tista’ tipprovdi t-taħriġ għal speċjalizzazzjoni neċessarju biex ikun żgurat li jkun hemm persunal mediku adegwat u għarfien fil-Provinċja bilingwali (Taljan u Ġermaniż). Għal din ir-raġuni l-Provinċja tiffinanzja taħriġ għal speċjalizzazzjoni fi provinċji oħra tal-Italja, fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Permezz tal-finanzjament ipprovdut mill-Provinċja nħolqu postijiet addizzjonali, inter alia, fl-Università ta’ Innsbruck għal tobba li jkunu kisbu borża ta’ studju mill-Provinċja biex jikkompletaw taħriġ għal speċjalizzazzjoni f’dik l-Università.

28.

Il-boroż ta’ studju mogħtija mill-Provinċja huma, madankollu, suġġetti għal kundizzjoni. It-tabib benefiċjarju jkun jeħtieġlu jaħdem (jew, skont il-każ, li jkun ħa l-passi neċessarji biex jaħdem) għal mill-inqas 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jkun temm it-taħriġ għal speċjalizzazzjoni offrut mill-Provinċja. Barra minn dan, jekk it-tabib ma jkunx ħa l-passi neċessarji biex jaħdem fil-Provinċja, il-Provinċja, bħala l-korp li jiffinanzja r-remunerazzjoni, tkun tista’ titlob sa 70 % tal-ammont tal-borża ta’ studju flimkien ma’ interessi legali kkalkolati mill-mument li fih l-amministrazzjoni tkun ħallset kull pagament rateali individwali (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni inkwistjoni”).

29.

Dik il-kundizzjoni — u l-kompatibbiltà tagħha mal-leġiżlazzjoni sekondarja (l-ewwel domanda) u mal-liġi primarja (it-tieni domanda) — hija l-qofol ta’ din il-kawża.

30.

Kif ser nispjega f’dan li ġej, il-kundizzjoni inkwistjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

B.  Fuq l-ewwel domanda

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-Direttiva 75/363 tipprekludix dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ borża ta’ studju għal taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni għall-kundizzjoni inkwistjoni.

32.

Jiena tal-fehma li d-Direttiva 75/363 ma tistax tkun ta’ għajnuna għal Federspiel. Biex nispjega għaliex neħtieġ infakkar dwar il-motivazzjoni sottostanti d-Direttiva 75/363 u dwar is-sistema stabbilita b’dik id-direttiva.

1.  Il-motivazzjoni tad-Direttiva 75/363: rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki biex ikun żgurat il-moviment liberu ta’ professjonisti mediċi

33.

Id-Direttiva 75/363 — u d-Direttiva 93/16 li ssostitwietha — huma mfassla biex ikun żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina fl-Unjoni Ewropea kollha. Biex dan l-għan jintlaħaq, id-Direttiva 93/16 tipprovdi għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni minima tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam. B’mod iktar speċifiku, għandha l-għan li tarmonizza kundizzjonijiet relatati ma’ taħriġ u aċċess għall-ispeċjalitajiet mediċi differenti bil-ħsieb li jkun hemm rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki formali fil-mediċina speċjalizzata.

34.

Fi kliem sempliċi, id-direttiva tistabbilixxi ċerti regoli li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jorganizzaw il-programmi ta’ taħriġ mediku tagħhom.

35.

Fir-rigward ta’ mediċina speċjalizzata fl-oqsma koperti mid-direttiva ( 7 ), l-Artikolu 2 tagħha jistabbilixxi kriterji dwar id-dritt li wieħed jibda taħriġ speċjalizzat, il-perijodu minimu ta’ taħriġ, il-metodu li bih jingħata tali taħriġ u l-post fejn għandu jsir, kif ukoll is-superviżjoni li għandu jkun suġġett għaliha.

36.

Dawk il-kriterji huma intiżi li jiżguraw li, mingħajr programmi ta’ taħriġ kompletament armonizzati, kwalifiki jistgħu jkunu rikonoxxuti reċiprokament u li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu fuq bażi ta’ parità mal-Unjoni Ewropea kollha fir-rigward ta’ kwalifiki professjonali fil-qasam tal-mediċina ( 8 ). Id-direttiva hija, għalhekk, imfassla biex tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu tal-professjoni medika. Fi kliem ieħor, tikkostitwixxi mezz għat-tisħiħ tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-mediċina.

37.

Għal dan l-għan partikolari, l-Anness tad-direttiva jiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ taħriġ għal speċjalizzazzjoni full-time. Huwa f’dan il-kuntest li huwa stabbilit obbligu ġenerali li tingħata “remunerazzjoni xierqa”. Dan l-obbligu jikkostitwixxi korollarju loġiku għall-għan li t-taħriġ ikun okkupazzjoni full-time. Tabilħaqq, skont l-Anness, l-ispeċjalista apprendist għandu jiddedika l-attività professjonali kollha tiegħu għat-taħriġ prattiku u teoretiku tul il-ġimgħa kollha ta’ xogħol standard u tul is-sena kollha.

38.

Evidentement, dan ikun impossibbli mingħajr remunerazzjoni xierqa.

39.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet, l-obbligu stabbilit bid-Direttiva 75/363 biex tingħata remunerazzjoni xierqa għal taħriġ speċjalizzat huwa neċessarju biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn speċjalisti li jkunu qegħdin jitħarrġu jkollhom jagħmlu xogħol addizzjonali biex iħallsu għat-taħriġ tagħhom, u b’hekk jippreġudikawh ( 9 ). F’dan is-sens remunerazzjoni xierqa tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali fl-Istati Membri ( 10 ).

40.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li d-Direttiva 75/363 ma tiddefinixxix l-istituzzjoni li għandha tħallas ir-remunerazzjoni, x’jikkostitwixxi remunerazzjoni “xierqa” jew il-metodu li bih dik ir-rimunerazzjoni għandha tkun iffissata ( 11 ). Meqjus is-silenzju tad-direttiva dwar dawn il-kwistjonijiet, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward.

41.

B’mod iktar speċifiku l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 75/363 tistabbilixxi b’mod ċar u mingħajr ebda kundizzjoni obbligu fuq l-Istati Membri li jirremuneraw taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni. Madankollu tħalli l-kundizzjonijiet li bihom dik ir-remunerazzjoni għandha tingħata fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru ( 12 ).

42.

Dan iġibni għall-każ inkunsiderazzjoni.

2.  Il-każ inkunsiderazzjoni

43.

Id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni inkwistjoni mad-Direttiva 75/363 joriġinaw mill-fatt li l-borża ta’ studju offruta mill-Provinċja għal taħriġ full-time fl-Università ta’ Innsbruck biex wieħed isir speċjalista mediku hija suġġetta għal kundizzjoni: jekk il-benefiċjarju tal-borża ta’ studju ma jonorax l-impenn li jipprattika għall-inqas għal 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jtemm it-taħriġ bħala speċjalista, il-Provinċja jkollha d-dritt titlob lura 70 % tal-ammont tal-borża ta’ studju. F’dan is-sens wieħed jista’ jargumenta li dak is-70 % jikkostitwixxi biss self li jkollu jitħallas lura wara li t-tabib ikun temm b’suċċess il-programm ta’ taħriġ. Meqjusa minn din il-perspettiva wieħed jista’ jargumenta li l-borża ta’ studju mogħtija ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ remunerazzjoni “xierqa” għal taħriġ għal speċjalizzazzjoni full-time stabbilit mid-Direttiva 75/363.

44.

Madankollu, din il-konklużjoni hija bbażata fuq fallaċja.

45.

Qabel kollox, Federspiel temmet it-taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni tagħha fl-Università ta’ Innsbruck fl-Awstrija. Hija setgħet tagħmel dan abbażi ta’ ftehim bejn il-Provinċja u l-Land Tirol. Skont dak il-ftehim inħolqu postijiet addizzjonali fl-Università ta’ Innsbruck. Dawk il-postijiet huma rriżervati għal tobba li jkunu kisbu borża ta’ studju mill-Provinċja biex itemmu taħriġ għal speċjalizzazzjoni fl-Università.

46.

Wieħed jista’ jara mid-digriet tar-rinviju li l-Provinċja ħallset il-borża ta’ studju ta’ speċjalizzazzjoni lill-klinika tal-Università ta’ Innsbruck. Fil-prattika, għalhekk, il-ħlasijiet kienu saru lil Federspiel mill-klinika tal-Università, li mbagħad tħallsu lura mill-Provinċja. Barra minn dan, kien ikkonfermat fis-seduta li l-ispejjeż relatati mat-taħriġ kienu nqasmu bejn l-Università ta’ Innsbruck u l-Provinċja: fis-seduta Federspiel irrikonoxxiet li l-Provinċja kkontribwiet għall-ispejjeż tat-taħriġ b’madwar 39 % tal-ammont totali kull sena. Il-bqija għamlet tajjeb għalihom l-Università ta’ Innsbruck.

47.

Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, id-Direttiva 75/363 tistabbilixxi regoli li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jorganizzaw taħriġ mediku fit-territorji rispettivi tagħhom. Il-motivazzjoni għal dawk ir-regoli hija li jkun żgurat li l-kwalifiki formali miksuba b’dak il-mod ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra. Għal raġunijiet ovvji huwa biss l-Istat Membru li fih isir it-taħriġ li jkun jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jissodisfa l-obbligi li joriġinaw mid-direttiva, meqjus li l-Istati Membri ma għandhomx awtorità fuq l-organizzazzjoni ta’ taħriġ fl-Istati Membri l-oħra.

48.

Ma nsib xejn fid-direttiva li jsostni l-propożizzjoni li hija tirregola wkoll ftehimiet li jistgħu jeżistu bejn l-Istati Membri (jew bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kif kien il-każ bejn l-Italja u l-Awstrija sal-1995) dwar aċċess għal taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni fi Stat ieħor u l-arranġamenti finanzjarji sottostanti tali kooperazzjoni.

49.

Biex il-konsistenza interna tas-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita mid-Direttiva 75/363 tkun ippreżervata, l-obbligu stabbilit fl-Anness tad-direttiva biex ikun żgurat li speċjalisti li jkunu qegħdin jitħarrġu jiġu rremunerati b’mod xieraq matul il-programm ta’ taħriġ għandu jkun tal-Istat Membru li fih isir it-taħriġ.

50.

F’din il-kawża, dak l-Istat Membru — wara l-adeżjoni tal-Awstrija ma’ dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ewropea fl-1995 — huwa l-Awstrija.

51.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, ir-remunerazzjoni mitluba skont id-direttiva tingħata bi tpattija għal, u b’rikonoxximent għax-xogħol li jkun twettaq. Hija intiża għal speċjalisti mediċi li jkunu qegħdin jitħarrġu li jieħdu sehem fl-attivitajiet mediċi kollha tad-dipartiment fejn isir it-taħriġ ( 13 ). Dan isir biex ikun żgurat, kif diġà ssemma, li l-ispeċjalista apprendist ikun jista’ jiddedika l-ħin tiegħu kollu għat-taħriġ prattiku u teoretiku mingħajr ma jkollu jeżerċita xogħol addizzjonali.

52.

Dan, min-naħa tiegħu, huwa prerekwiżit għal komparabbiltà u rikonoxximent reċiproku.

53.

Ma hemm xejn fil-proċess x’jissuġġerixxi li dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Għall-kuntrarju, il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet, inkluża Federspiel, jaqblu li r-remunerazzjoni li hija irċeviet biex ittemm it-taħriġ speċjalizzat tagħha fl-Awstrija kienet biżżejjed għal dak l-għan.

54.

Anki kieku Federspiel ippretendiet li r-rimunerazzjoni li rċeviet (kemm jekk mill-Provinċja jew mill-Università ta’ Innsbruck, jew mit-tnejn) matul il-programm ta’ taħriġ ma kinitx xierqa skont it-tifsira tad-Direttiva 75/363, jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru responsabbli, skont id-direttiva, biex ikun żgurat li l-ispeċjalista apprendist jirċievi remunerazzjoni xierqa, huwa l-Istat Membru li fih issir l-ispeċjalizzazzjoni.

55.

Fi kliem ieħor, id-Direttiva ma tistax ikollha influwenza fuq il-validità tal-kundizzjoni inkwistjoni ( 14 ).

56.

Ir-riżultat oppost jestendi b’mod artifiċjali l-portata tad-Direttiva 75/363 lil hinn minn dak li kien intiż mil-leġiżlatura. Huwa importanti jiġi nnotat li, kif il-preambolu tad-Direttiva 75/363 jagħmilha ċara ( 15 ), dik id-direttiva ma kinitx tfasslet biex tarmonizza t-taħriġ mediku lil hinn minn dak li jkun meħtieġ għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u ċertifikati, u lanqas biex tillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-remunerazzjoni għal taħriġ full-time. Evidentement, l-Awstrija għamlet użu sħiħ minn dik il-possibbiltà permezz tal-ftehim ta’ finanzjament milħuq mal-Provinċja.

57.

Barra minn dan, b’riskju li ngħid l-ovvju, ma jista’ jkun hemm, f’ebda ċirkustanza, responsabbiltà konġunta bejn l-Istati Membri għat-twettiq tal-obbligi li joriġinaw mid-direttiva, kif kien issuġġerit mill-Kummissjoni fis-seduta. Dan huwa hekk irrispettivament mill-partikolaritajiet tal-arranġament li jkollu l-għan li jkun żgurat li l-ispeċjalista apprendist jirċievi remunerazzjoni xierqa. Ma hemmx għalfejn ngħid, li jekk jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli għax jonqos milli jiżgura li Stat Membru ieħor jissodisfa l-obbligi li joriġinaw minn direttiva, dan ikollu konsegwenzi ta’ portata kbira fuq għadd ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi, iżda mhux biss, dawk ta’ effett dirett u ta’ responsabbiltà tal-Istat.

58.

Għalhekk inqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li d-Direttiva 75/363, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ma tipprekludix dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tagħmel il-ħlasijiet tar-rimunerazzjoni għal tobba li jkunu qegħdin jistudjaw biex isiru speċjalisti suġġetti għal obbligu ta’ xogħol għal mill-inqas 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jkun intemm it-taħriġ biex isiru speċjalisti.

59.

Issa ngħaddi għat-tieni domanda, li tindirizza l-kompatibbiltà tal-kundizzjoni inkwistjoni mill-aspett tad-dritt primarju tal-Unjoni.

C.  Fuq it-tieni domanda preliminari

60.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kundizzjoni inkwistjoni hijiex kompatibbli mat-Trattat FUE. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment speċifikament għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE.

61.

Bħala punt preliminari, huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li Federspiel hija residenti u tipprattika fi Bregenz (l-Awstrija). Madankollu, ma huwiex ċar jekk hija tipprattikax bħala impjegata jew bħala tabiba li taħdem għal rasha. Madankollu, kif il-Kummissjoni korrettement innotat, dik l-informazzjoni ma hijiex ta’ importanza deċiżiva. Tabilħaqq, l-eżami mill-ġdid ta’ miżuri nazzjonali skont l-Artikoli 45 u 49 TFUE (libertà ta’ stabbiliment) jibqa’ l-istess.

62.

Għal dan l-għan, bħala punt preliminari, għandu jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi deċiż jekk tistax tkun iġġustifikata u jekk hijiex proporzjonata għall-għan segwit.

1.  Il-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni?

63.

Bħall-qorti tar-rinviju, il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet jieħdu bħala l-punt tat-tluq li l-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu. Ma jaqblux, madankollu, dwar jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata.

64.

Ċertament, il-kundizzjoni inkwistjoni (l-obbligu li wieħed jipprattika full-time bħala speċjalista fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja għal mill-inqas 5 snin matul l-10 snin wara li jkun ikkwalifika bħala speċjalista jew, sussidjarjament, iħallas lura sa 70 % tal-ammont li jkun ingħata flimkien ma’ interessi legali), tidher, mad-daqqa t’għajn, li hija restrizzjoni ċara għall-moviment liberu tat-tabiba kkonċernata.

65.

Tabilħaqq, skont id-definizzjoni wiesgħa, li tinkludi kollox, tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet li jipprekludu jew ifixklu ċittadin ta’ Stat Membru milli jħalli lill-pajjiż tal-oriġini tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ libertà tal-moviment jikkostitwixxu ostakolu għal din il-libertà, anki jekk ikunu applikati b’mod newtrali mingħajr ma titqies in-nazzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid ukoll li l-Artikolu 45 TFUE jillimita l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jfixklu l-libertà tal-moviment ta’ ċittadini ta’ dak l-Istat li jkunu jixtiequ jagħmlu xogħol bi qligħ fi Stat Membru ieħor ( 16 ).

66.

L-applikazzjoni ta’ dak it-test hawnhekk jidher, bla dubju, li hija biċċa xogħol sempliċi. Għalkemm ma tipprojbixxix b’mod formali lit-tabiba milli tagħmel hekk, il-kundizzjoni inkwistjoni tagħmel il-prospettiva ta’ prattika fi Stat Membru ieħor inqas attraenti matul il-perijodu ta’ 10 snin li jiġi wara li tkun intemmet l-ispeċjalizzazzjoni. Tabilħaqq, il-kundizzjoni inkwistjoni hija intiża biex tiżgura li l-benefiċjarji ta’ boroż ta’ studju jonoraw l-impenn li wieħed jipprattika fil-Provinċja għal mill-inqas ħames snin wara li tkun intemmet l-ispeċjalizzazzjoni.

67.

Madankollu, nixtieq mill-bidu nett nesprimi d-dubji tiegħi dwar jekk il-kundizzjoni inkwistjoni għandhiex tiġi interpretata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu.

68.

Bħad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom dejjem jiġu interpretati f’kuntest, il-kundizzjoni inkwistjoni ma għandhiex titqies maqtugħa għaliha. Hija għandha tiġi eżaminata fil-kuntest usa’ tal-miżura kkontestata. Meqjusa minn dan l-aspett, il-kundizzjoni inkwistjoni tagħmel parti minn miżura usa’ u, bħala konsegwenza, hija għandha rabta intrinsika mal-ħolqien ta’ postijiet addizzjonali għal taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni barra mill-Provinċja. Dawk il-postijiet, li ma kinux ikunu disponibbli mingħajr il-finanzjament mill-Provinċja, jiġu offruti lill-benefiċjarji ta’ boroż ta’ studju bil-kundizzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta tobba jiġu offruti l-possibbiltà li jikkwalifikaw bħala speċjalisti mediċi (fi Stat Membru ieħor), il-miżura kkontestata tkun tikkostitwixxi prerekwiżit, iktar milli restrizzjoni, għall-moviment liberu ta’ professjonisti mediċi bħala speċjalisti ( 17 ). F’dan il-kuntest, il-kundizzjoni inkwistjoni sempliċement tikkostitwixxi korrispettiv (futur u inċert ( 18 )) għall-possibbiltà offruta mill-Provinċja, billi niftakru li l-Provinċja ma tistax tibbenefika mix-xogħol tal-ispeċjalista apprendist matul il-programm ta’ taħriġ.

69.

Għalkemm għandha sinjifikat analitiku u teoretiku, il-kwistjoni jekk il-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu ma hijiex, strettament, deċiżiva biex dan il-każ jiġi riżolt. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet, kif diġà ssemma qabel, ma qajmu l-kwistjoni. Filwaqt li nżommu dan f’moħħna, dan il-każ ma huwiex wieħed adattat għal diskussjoni iktar teoretika fuq is-sisien normattivi tal-kunċett ta’ restrizzjoni u, b’mod iktar speċifiku, dwar l-approċċ l-iktar xieraq biex ikunu identifikati restrizzjonijiet f’oqsma differenti tal-liġi dwar il-libertà ta’ moviment ( 19 ).

70.

Issa li ġie ċċarat dan, anki jekk wieħed jassumi li l-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu, dan ma jfissirx awtomatikament li hija prekluża skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu. Skont il-formula magħrufa sewwa, miżuri restrittivi applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità jistgħu jkunu ġġustifikati għal raġunijiet iktar importanti relatati mal-interess ġenerali, bil-kundizzjoni li r-restrizzjonijiet ikunu xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-għan segwit u li ma jkunux imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan ( 20 ).

71.

Minħabba li ma hemmx indikazzjoni fil-proċess li l-kundizzjoni inkwistjoni hija applikata b’mod diskriminatorju, ser inqis direttament il-ġustifikazzjoni li jista’ jkun hemm u l-proporzjonalità tal-kundizzjoni inkwistjoni.

2.  Ġustifikazzjoni

72.

Il-Provinċja tispjega li l-kundizzjoni inkwistjoni tipproteġi u tippromwovi s-saħħa pubblika. B’mod iktar speċifiku, hija mfassla biex tiżgura li l-popolazzjoni lokali tgawdi minn kura medika speċjalizzata ta’ kwalità għolja u stabbli, aċċessibbli għal kulħadd. Fl-istess waqt, il-kundizzjoni inkwistjoni hija intiża li jkun evitat riskju kunsiderevoli għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Barra minn dan, il-Provinċja ssostni li l-kundizzjoni inkwistjoni hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-kura speċjalizzata tkun disponibbli fil-Provinċja bilingwali fiż-żewġ lingwi uffiċjali.

73.

Fil-qasam tas-saħħa pubblika u fil-provvista ta’ servizzi tas-saħħa, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa. Bħala prinċipju, għalhekk, u biex jinżamm livell ta’ awtonomija regolatorja, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-moviment liberu minħabba s-saħħa pubblika ( 21 ).

74.

Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li jinżamm servizz mediku u ta’ sptar ibbilanċjat, miftuħ għal kulħadd, jista’ jagħmel parti mid-derogi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sa fejn jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika ( 22 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li biex jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika, l-Istat Membru jitħalla jippjana l-organizzazzjoni tal-kura medika tiegħu. Dik il-politika għandha ssegwi għan doppju. Minn naħa, l-ippjanar għandu jiżgura “fuq it‑territorju tal‑Istat Membru kkonċernat aċċessibbiltà biżżejjed u permanenti għal gamma ekwilibrata ta’ kura ta’ kwalità”. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom “[jikkontrollaw] l-ispejjeż u [jevitaw] kemm jista’ jkun kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani” ( 23 ).

75.

F’din il-kawża l-Provinċja tissottometti li l-kundizzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi l-miżura l-iktar adatta li tiżgura li l-kura tas-saħħa speċjalizzata tkun disponibbli fil-Provinċja kemm bil-Ġermaniż, kif ukoll bit-Taljan, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

76.

Id-domanda li tqum, għalhekk, hija jekk dik il-pretensjoni hijiex minnha.

3.  Proporzjonalità

77.

Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, huwa għall-qorti tar-rinviju li teżamina mill-ġdid il-proporzjonalità tal-kundizzjoni inkwistjoni, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin dwar l-elementi li dik il-qorti għandha tqis fl-evalwazzjoni tagħha.

78.

Fil-fehma tiegħi l-kundizzjoni inkwistjoni toħloq bilanċ ġust bejn il-preġudizzju għad-drittijiet għall-moviment liberu li jsegwi mill-miżura kkontestata u l-ħtieġa kollettiva li tinżamm sistema ta’ kura tas-saħħa bilanċjata u li tiffunzjona sewwa.

79.

F’dan ir-rigward, punt preliminari li rrid nagħmel huwa li l-eżami mill-ġdid tal-proporzjonalità (li nifhem li tinkludi l-evalwazzjoni tal-adegwatezza u l-proporzjonalità sensu stricto) għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom il-leġiżlazzjoni restrittiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet adottata u implementata.

80.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li, fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jitħallew ikollhom diskrezzjoni. Dan hu hekk, essenzjalment, minħabba li huwa għall-Istat Membru li għandu jiddetermina l-livell ta’ ħarsien li huwa jkun jixtieq jagħti lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dak il-livell għandu jintlaħaq ( 24 ).

81.

Mingħajr ma ninsew dan, għandhom ikunu osservati l-punti li ġejjin dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti differenti tal-proporzjonalità.

82.

L-ewwel nett, jidhirli li l-miżura hija adatta biex jinkiseb l-għan tal-ħarsien u tal-promozzjoni tas-saħħa pubblika.

83.

Minn naħa, il-Provinċja ffinanzjat il-ħolqien ta’ postijiet supplimentari għal taħriġ mediku għal speċjalizzazzjoni fl-Università ta’ Innsbruck. Dawk il-postijiet huma rriżervati għal tobba li jkunu ngħataw borża ta’ studju mill-Provinċja. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni inkwistjoni bla dubju tinkuraġġixxi speċjalisti mediċi li jkunu bbenefikaw minn tali borża ta’ studju biex jaħdmu hemmhekk. Meqjusa minn dan l-aspett, jidhirli li huwa ċar li l-kundizzjoni inkwistjoni, bħala parti mill-miżura kkontestata, tikkontribwixxi biex ikun żgurat li fil-Provinċja jkun hemm disponibbli għadd biżżejjed ta’ speċjalisti mediċi.

84.

It-tieni nett, dwar il-ħtieġa tal-miżura kkontestata u kemm din hija raġonevoli, naqbel mal-Kummissjoni u mal-Provinċja.

85.

Obbligu li jkun limitat għal xogħol bi ħlas għal 5 snin fil-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jkun intemm it-taħriġ għal speċjalizzazzjoni jidher raġonevoli.

86.

Tabilħaqq, ta’ min jiftakar li, għalkemm il-Provinċja tiżgura li t-tobba kkonċernati jirċievu remunerazzjoni matul it-taħriġ għal speċjalizzazzjoni, il-Provinċja ma tistax tibbenefika mix-xogħol tal-ispeċjalisti apprendisti matul il-programm ta’ taħriġ.

87.

Barra minn dan, punt li ma għandux jintesa huwa li dan l-obbligu huwa temporanju minn żewġ aspetti. Minn naħa, it-tabib ikun jeħtieġlu jaħdem fil-Provinċja għal mhux inqas minn ħames snin. Min-naħa l-oħra, l-obbligu jolqot l-ewwel 10 snin wara li jkun intemm il-programm ta’ taħriġ u, għalhekk, b’mod predominanti jolqot tobba li jkunu fil-bidu tal-karriera tagħhom.

88.

L-obbligu ta’ xogħol fil-Provinċja huwa mmitigat ukoll mill-fatt li għandha tkun disponibbli pożizzjoni fil-Provinċja, u li tkun ġiet offruta lit-tabib, fil-mument rilevanti fi żmien partikolari. Dan jidher li jiżgura b’mod adegwat li l-kundizzjoni inkwistjoni tiġi invokata biss meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ speċjalisti mediċi: jirriżulta mill-proċess u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Provinċja fis-seduta li l-Provinċja ssejjaħ tobba biex jipprattikaw hemmhekk, abbażi tal-kundizzjoni inkwistjoni, biss fejn tkun osservata ħtieġa reali f’qasam partikolari ta’ kura medika speċjalizzata.

89.

Għalhekk, il-Provinċja stabbilixxiet, abbażi tal-miżura kkontestata, riżerva ta’ tobba li jistgħu jissejħu biex jipprattikaw f’każ ta’ ħtieġa. Jekk ma jkunx hemm pożizzjonijiet x’jimtlew, it-tabib/a jkunu ħielsa jsegwu l-karriera tagħhom mingħajr restrizzjonijiet.

90.

It-tielet nett, dwar li jkun hemm miżuri alternattivi, inqas invażivi, ċertament huwa minnu li persunal ikkwalifikat jista’ wkoll jiġi mħajjar jipprattika fil-Provinċja b’mezzi finanzjarji. Madankollu, ma huwiex inkonċepibbli li tali miżura jista’ jkollha impatt kunsiderevoli fuq il-finanzi pubbliċi. F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma injoratx sottomissjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa li jkunu kkontrollati l-ispejjeż fil-provvista ta’ servizzi tas-saħħa pubblika ( 25 ).

91.

F’dan il-kuntest ma għandux jintesa li fil-Provinċja tapplika sistema lingwistika partikolari. Il-ħtieġa li jkun żgurat li kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja tkun disponibbli fiż-żewġ lingwi bla dubju tfixkel l-ingaġġ ta’ speċjalisti mediċi kwalifikati. B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan, huwa diffiċli li wieħed jipprospetta alternattivi għall-miżura kkontestata li jistgħu jiżguraw b’mod ugwali li l-Provinċja tkun tista’ tingaġġa għadd biżżejjed ta’ speċjalisti mediċi li jkunu kapaċi jipprattikaw bil-Ġermaniż u bit-Taljan.

92.

Fl-aħħar nett, bħala konklużjoni, nosserva li biex jintlaħaq l-għan tal-miżura kkontestata, jiġifieri biex ikun żgurat li l-kura speċjalizzata tas-saħħa pubblika tkun disponibbli fil-Provinċja fiż-żewġ lingwi uffiċjali, huwa raġonevoli li l-ħolqien ta’ postijiet addizzjonali għal taħriġ għal speċjalizzazzjoni fl-Awstrija għal benefiċjarji ta’ boroż ta’ studju mill-Provinċja jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu li jiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-ftehim. Jekk ma jkunx hekk, ma jkunx jagħmel sens li l-Provinċja “tikseb” postijiet għal taħriġ għal speċjalizzazzjoni fl-Università ta’ Innsbruck.

93.

F’dan ir-rigward, id-dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni espressi mill-qorti tar-rinviju jidhru, għall-inqas parzjalment, li joriġinaw mill-fatt li l-ammont totali li għandu jitħallas lura minn Federspiel jeċċedi l-ammont tal-borża ta’ studju mogħtija lilha għat-taħriġ. F’każ ta’ nuqqas li jonora l-impenn ta’ xogħol fil-Provinċja, il-benefiċjarju tal-borża ta’ studju ikun jeħtieġlu jħallas lura mhux biss 70 % tal-ammont li jkun ingħata, iżda wkoll interessi legali li jibdew jiddekorru mid-data tal-ħlas ta’ kull pagament rateali. Għalhekk, bħal fil-każ ta’ Federspiel, it-tabib ikkonċernat jista’ jintalab iħallas lura somma li nominalment tista’ tkun ogħla mill-ammont oriġinarjament imħallas.

94.

F’dan ir-rigward ikun biżżejjed jiġi nnotat li f’każ li t-tabib jonqos mili jonora l-impenn ta’ xogħol fil-Provinċja, dan ikun sempliċement jeħtieġlu jħallas lura 70 % tal-borża ta’ studju. Meqjus dan f’dan id-dawl, it-tabib fil-fatt ikun irċieva 30 % tal-borża ta’ studju għal ebda korrispettiv ta’ xejn. Barra minn dan, it-tabib jikseb speċjalizzazzjoni fil-mediċina li, wieħed jista’ jassumi b’ċertezza, għandha tiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu. Min-naħa l-oħra, irrid nenfasizza li ma hemmx indikazzjoni li l-interessi mitluba jkunu irraġonevoli. Ir-rekwiżit ta’ ħlas ta’ interessi (legali) qiegħed hemm sempliċement minħabba ħlas li jsir tard u, bħala tali, huwa konsegwenza loġika għal nuqqas li wieħed jissodisfa l-obbligu (kuntrattwali) li wieħed jintrabat li jaħdem fil-Provinċja jew, sussidjarjament, li jħallas lura l-borża ta’ studju fi żmien xieraq.

95.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Artikoli 45 u 49 TFUE ma jipprekludux dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tagħmel il-ħlasijiet tar-remunerazzjoni għal tobba li jkunu qegħdin jistudjaw biex isiru speċjalisti suġġetti għal obbligu ta’ xogħol għal mill-inqas 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jtemmu t-taħriġ bħala speċjalisti u li, f’każ ta’ nuqqas totali li dak l-impenn jiġi osservat, espressament tippermetti lill-Provinċja, bħala l-korp li jkun iffinanzja r-remunerazzjoni, titlob lura sa 70 % tal-allowance imħallsa flimkien ma’ interessi legali.

V. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mit-Tribunale di Bolzano/Landesgericht Bozen (qorti distrettwali ta’ Bolzano, l-Italja) kif ġej:

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/363/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi dwar attivitajiet ta’ tobba, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 82/76/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1982, li temenda d-Direttiva 75/362/KEE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, inklużi miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u d-Direttiva 75/363, ma tipprekludix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tagħmel il-ħlasijiet tar-remunerazzjoni għal tobba li jkunu qegħdin jistudjaw biex isiru speċjalisti suġġetti għal obbligu ta’ xogħol għal mill-inqas 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jtemmu t-taħriġ bħala speċjalisti u li, f’każ ta’ nuqqas totali li jiġi osservat dak l-impenn, espressament tippermetti lill-Provinċja, bħala l-korp li jiffinanzja dik ir-remunerazzjoni, titlob lura sa 70 % tal-allowance imħallsa flimkien ma’ interessi legali.

L-Artikoli 45 u 49 TFUE ma jipprekludux dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tagħmel il-ħlasijiet tar-remunerazzjoni għal tobba li jkunu qegħdin jistudjaw biex isiru speċjalisti suġġetti għal obbligu ta’ xogħol għal mill-inqas 5 snin fis-servizz tas-saħħa pubblika tal-Provinċja fi żmien 10 snin minn meta jtemmu t-taħriġ bħala speċjalisti u li, f’każ ta’ nuqqas totali li jiġi osservat dak l-impenn, espressament tippermetti lill-Provinċja, bħala l-korp li jiffinanzja r-remunerazzjoni, titlob lura sa 70 % tal-allowance imħallsa flimkien ma’ interessi legali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar attivitajiet tat-tobba (ĠU 1975, L 167, p. 14), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 82/76/KEE, tas-26 ta’ Jannar 1982, li temenda d-Direttiva 75/362/KEE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, inklużi miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u d-Direttiva 75/363 (ĠU 1982, L 43, p. 21).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, inklużi miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU 1975, L 167, p. 1).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, biex tiffaċilità l-moviment liberu tat-tobba u r-rikonoxximent tad-diplomi, ċertifikati u prova oħra ta’ kwalifiki formali tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 86).

( 5 ) N. 1. (B.U. 14 gennaio 1986, n. 2).

( 6 ) Decreto del Presidente della giunta provinciale 29 marzo 1988, n. 6.

( 7 ) In-newroloġija u l-psikjatrija huma koperti mid-Direttiva 75/363, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/362.

( 8 ) Ara dwar dan is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C-131/97, EU:C:1999:98, punt 38).

( 9 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 40).

( 10 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98, punti 4243), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, EU:C:2000:526, punt 34).

( 11 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98, punt 45), u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, EU:C:2000:526, punt 36).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98, punti 4445). Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, EU:C:2000:526, punt 34).

( 13 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Gozza et (C‑371/97, EU:C:2000:526, punt 43).

( 14 ) Dwar dan irrid niċċara li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 75/363, huwa għalkollox irrilevanti jekk, fil-fatt, l-ispeċjalista li jkun qiegħed jitħarreġ jirċevix il-borża ta’ studju direttament mill-Provinċja jew mill-università li fiha ssir l-ispeċjalizzazzjoni (bħalma huwa l-każ hawnhekk).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, l-ewwel premessa tad-Direttiva 75/363.

( 16 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 94 sa 96 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punti 2122); u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punti 3334 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Filwaqt li niżbalja jekk nislet parallel dirett, nosserva li, f’ċerti ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-effett restrittiv tal-miżura nazzjonali kkontestata għall-moviment liberu bħala improbabbli ħafna, inċert u insinjifikattiv biex jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 25. Ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz, C‑69/88, EU:C:1990:97, punt 11 u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626, punt 32.

( 18 ) Ara l-punt 88 iktar ’il quddiem.

( 19 ) Dwar l-inkoerenza inerenti fl-approċċ(i) għal restrizzjonijiet potenzjali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara Azoulai, L., “La formule de l’entrave” f’Azoulai, L., (ed.), L’entrave dans le droit du marché intérieur, Bruylant, Brussell, 2011, p. 1-21.

( 20 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 44); tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 25) u tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 61).

( 21 ) Sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 45). Ara wkoll, inter alia, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 104); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 46); u tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 27).

( 22 ) Sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 50).

( 23 ) Ara, fost ħafna, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummisjoni vs Franza (C‑512/08, EU:C:2010:579, punt 33).

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑141/07, EU:C:2008:492, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 30).

( 25 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, EU:C:2003:270, punt 80); tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 109); u tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 33).

Top