EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0291

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017.
Schweppes SA vs Red Paralela SL u Red Paralela BCN SL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 8 de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(1) – Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark – Trade marks paralleli – Ċessjoni ta’ trade marks għal parti mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Strateġija kummerċjali li ssaħħaħ b’mod intenzjonat l-immaġini ta’ trade mark globali u unika wara ċ-ċessjoni – Proprjetarji indipendenti iżda li għandhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib.
Kawża C-291/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:666

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

Kawża C-291/16

Schweppes SA

vs

Red Paralela SL,

Red Paralela BCN SL,li kienet Carbòniques Montaner SL,

fil-preżenza ta’

Orangina Schweppes Holding BV,

Schweppes International Ltd,

Exclusivas Ramírez SL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 8 ta’ Barcelona, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(1) – Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark – Trade marks paralleli – Ċessjoni ta’ trade marks għal parti mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)”

1. 

Wara iktar minn 20 sena mis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C-9/93, EU:C:1994:261), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħat ġiet adita b’domandi preliminari li jirrigwardaw l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark fil-kuntest tal-frammentazzjoni volontarja ta’ drittijiet paralleli li għandhom l-istess oriġini maħluqa f’diversi Stati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrifletti, għal darba oħra, fuq il-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-dritt ta’ trade mark u l-moviment liberu tal-merkanzija.

2. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 36 TFUE.

3. 

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Schweppes SA, kumpannija Spanjola, u, min-naħa l-oħra, Red Paralela SL u Red Paralela BCN SL, li kienet Carbòniques Montaner SL (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Red Paralela”) dwar l-importazzjoni fi Spanja, minn dawn tal-aħħar, ta’ fliexken tal-ilma toniku bit-trade mark SCHWEPPES provenjenti mir-Renju Unit.

Il-proċedura fil-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4.

L-oriġini tat-trade mark SCHWEPPES tmur lura għas-sena 1783, meta Jacob Schweppe ivvinta l-ewwel proċess industrijali ta’ karbonizzazzjoni tal-ilma, li wassal għall-ħolqien tax-xarba dak iż-żmien magħrufa bl-isem “Schweppes’s Soda Water”, u waqqaf il-kumpannija J. Schweppe & Co. f’Ġinevra (l-Isvizzera). Matul is-snin, it-trade mark SCHWEPPES kisbet reputazzjoni fuq livell dinji fis-suq tal-ilma toniku.

5.

Fl-Ewropa, is-sinjal “Schweppes” huwa rreġistrat bħala sensiela ta’ trade marks nazzjonali, verbali u figurattivi, identiċi jew prattikament identiċi, fl-Istati Membri kollha taż-ŻEE.

6.

Cadbury Schweppes kienet, matul ħafna snin, il-proprjetarja unika ta’ dawn id-diversi reġistrazzjonijiet. Fl-1999, hija ċediet lill-grupp The Coca-Cola Company (iktar ’il quddiem “Coca-Cola”) id-drittijiet relatati mat-trade marks SCHWEPPES fi tlettax-il Stat Membru taż-ŻEE, filwaqt li żammet il-proprjetà ta’ dawn id-drittijiet fit-tmintax-il Stat ieħor ( 3 ). Fl-2009, Cadbury Schweppes, li saret Orangina Schweppes Group (iktar ’il quddiem il-“grupp Orangija Schweppes”), inxtrat mill-grupp Ġappuniż Suntory.

7.

It-trade marks SCHWEPPES irreġistrati fi Spanja huma miżmuma minn Schweppes International Ltd, sussidjarja Ingliża ta’ Orangina Schweppes Holding BV, li hija l-kumpannija omm finali tal-grupp Orangina. Schweppes, li hija s-sussidjarja Spanjola ta’ Orangina Schweppes Holding, hija l-proprjetarja ta’ liċenzja esklużiva għall-isfruttament ta’ dawn it-trade marks fi Spanja.

8.

Fid-29 ta’ Mejju 2014, Schweppes bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra l-kumpanniji Red Paralela minħabba l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fi Spanja ta’ fliexken tal-ilma toniku bit-trade mark SCHWEPPES provenjenti mir-Renju Unit. Skont Schweppes, dawn l-azzjonijiet huma illegali, peress li l-imsemmija fliexken tal-ilma toniku ġew immanifatturati u mqegħda fis-suq mhux minnha stess jew bil-kunsens tagħha, imma minn Coca-Cola li ma għandha ebda rabta mal-grupp Orangina Schweppes. Hija ssostni f’dan il-kuntest li, fid-dawl tal-identiċità tas-sinjali u tal-prodotti inkwistjoni, il-konsumatur ma huwiex f’pożizzjoni li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-fliexken.

9.

Fir-rigward ta’ dawn il-proċedimenti ta’ ksur, il-kumpanniji Red Paralela ddefendew ruħhom billi invokaw l-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark li jirriżulta, għal dak li jirrigwarda l-prodotti bit-trade mark SCHWEPPES provenjenti minn Stati Membri tal-Unjoni fejn Coca-Cola hija proprjetarja ta’ din it-trade mark, minn kunsens taċitu. Il-kumpanniji Red Paralela jaffermaw, barra minn hekk, li jeżistu bla ebda dubju rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi bejn Coca-Cola u Schweppes International fl-isfruttament komuni tas-sinjal “Schweppes” bħala trade mark universali ( 4 ).

10.

Skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-fatti rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma s-segwenti:

Schweppes International ippreferiet, minkejja l-fatt li hija l-proprjetarja tat-trade marks paralleli f’parti biss mill-Istati Membri taż-ŻEE, immaġni globali tat-trade mark SCHWEPPES;

Coca-Cola, proprjetarja tat-trade marks paralleli rreġistrati fl-Istati Membri l-oħra taż-ŻEE, ikkontribwixxiet għaż-żamma ta’ din l-immaġni ta’ trade mark globali;

din l-immaġni globali hija sors ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti Spanjol fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti bit-trade mark SCHWEPPES;

Schweppes International hija responsabbli mis-sit internet Ewropew iddedikat speċifikament għat-trade mark SCHWEPPES (www.schweppes.eu), li jinkludi mhux biss informazzjoni ġenerali fuq il-prodotti ta’ din it-trade mark, imma wkoll links lejn diversi siti internet lokali u b’mod partikolari lejn is-sit tar-Renju Unit li huwa amministrat minn Coca-Cola;

Schweppes International, li ma hija d-detentriċi ta’ ebda dritt fuq it-trade mark SCHWEPPES fir-Renju Unit (fejn it-trade mark hija miżmuma minn Coca-Cola), issemmi fuq is-sit internet tagħha l-oriġini Brittanika tat-trade mark;

Schweppes International u Schweppes jużaw l-immaġni tal-prodotti tar-Renju Unit fir-reklamar tagħhom;

fir-Renju Unit, Schweppes International tippromwovi u tagħti informazzjoni lill-klijenti għal dak li jirrigwarda l-prodotti bit-trade mark SCHWEPPES fuq in-netwerks soċjali;

il-preżentazzjoni tal-prodotti bit-trade mark SCHWEPPES ikkummerċjalizzati minn Schweppes International hija simili ħafna – u, f’ċerti Stati Membri, bħar-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, identika – għal dik tal-prodotti bl-istess trade mark ta’ oriġini tar-Renju Unit;

Schweppes International, li s-sede tagħha tinsab fir-Renju Unit, u Coca-Cola jikkoeżistu paċifikament fit-territorju tar-Renju Unit;

wara ċ-ċessjoni, fl-1999, ta’ parti mit-trade marks paralleli lil Coca-Cola, iż-żewġ proprjetarji tat-trade marks SCHWEPPES fiż-ŻEE talbu parallelment, fit-territorji rispettivi tagħhom, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks ġodda SCHWEPPES identiċi jew simili għall-istess prodotti (bħal, b’mod partikolari, it-trade mark SCHWEPPES ZERO);

għalkemm Schweppes International hija l-proprjetarja tat-trade marks paralleli fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-isfruttament tat-trade mark f’dak il-pajjiż (jiġifieri l-preparazzjoni, l-ibbottiljar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott) isir minn Coca-Cola fil-kwalità tagħha ta’ detentriċi tal-liċenzja;

Schweppes International ma toġġezzjonax li prodotti bit-trade mark li joriġinaw mir-Renju Unit jiġu kkummerċjalizzati online f’diversi Stati Membri taż-ŻEE, li fihom hija l-proprjetarja tad-drittijiet fuq it-trade mark SCHWEPPES, bħal fil-Ġermanja u fi Franza. Prodotti b’din it-trade mark huma, barra minn hekk, mibjugħa fit-territorju kollu taż-ŻEE permezz ta’ siti internet, mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-oriġini;

Coca-Cola ma oġġezzjonatx, abbażi tad-drittijiet ta’ trade mark tagħha, għat-talba għal reġistrazzjoni, minn Schweppes International, ta’ trade mark tal-Unjoni li tinkludi l-element verbali “Schweppes”.

11.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 3 il-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark fi Stat Membru wieħed jew iktar jimpedixxi l-importazzjoni parallela jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mgħammra bi trade mark identika jew prattikament identika, li tkun proprjetà ta’ terz, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmi proprjetarju jkun saħħaħ immaġni ta’ trade mark globali assoċjata mal-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti li jkollu l-intenzjoni jipprojbixxi?

2.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 il-bejgħ ta’ prodott, mgħammar bi trade mark magħrufa, fi ħdan l-Unjoni f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarji tat-trade mark irreġistrata jżommu immaġni globali tat-trade mark fiż-ŻEE kollha ta’ natura tali li toħloq konfużjoni għall-konsumatur medju fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodott?

3.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 il-fatt li l-proprjetarju ta’ trade marks nazzjonali identiċi jew li jixxiebhu f’diversi Stati Membru joġġezzjona għall-importazzjoni fi Stat Membru, fejn ikun il-proprjetarju tat-trade mark, ta’ prodotti identifikati bi trade mark identika għal dik tiegħu, jew li tixbaha, u li joriġinaw minn Stat Membru fejn ma jkunx il-proprjetarju tagħha, f’sitwazzjoni fejn f’minn tal-inqas Stat Membru ieħor fejn huwa l-proprjetarju tat-trade mark, huwa jkun aċċetta, b’mod espliċitu jew impliċitu, l-importazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti?

4.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE, mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 u mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-fatt li l-proprjetarju A ta’ trade mark X fi Stat Membru joġġezzjona għall-importazzjoni ta’ prodotti identifikati bl-imsemmija trade mark, f’sitwazzjoni fejn tali prodotti joriġinaw minn Stat Membru ieħor fejn tkun ġiet irreġistrata trade mark identifika għal X (Y) min-naħa ta’ proprjetarju ieħor (B), li jikkummerċjalizzaha u:

iż-żewġ proprjetarji, A u B, ikollhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib, għalkemm mhux relazzjoni diretta ta’ dipendenza, fir-rigward tal-isfruttament konġunt tat-trade mark X;

iż-żewġ proprjetarji, A u B, isegwu strateġija kkoordinata fir-rigward tat-trade mark li ssaħħaħ b’mod intenzjonat fil-konfront tal-pubbliku rilevanti apparenza jew immaġni ta’ trade mark unika u globali; jew

iż-żewġ proprjetarji, A u B, ikollhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib, għalkemm mhux relazzjoni diretta ta’ dipendenza, fir-rigward tal-isfruttament konġunt tat-trade mark X, u barra minn hekk isegwu strateġija kkoordinata fir-rigward tat-trade mark li ssaħħaħ b’mod intenzjonat fil-konfront tal-pubbliku rilevanti apparenza jew immaġni ta’ trade mark unika u globali?”

12.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Schweppes, mill-kumpanniji Red Paralela, minn Schweppes International, minn Orangina Schweppes Holding, mill-Gvern Grieg u Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

13.

Schweppes, il-kumpanniji Red Paralela, Schweppes International, Orangina Schweppes Holding u l-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta tal-31 ta’ Mejju 2017.

Analiżi

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

14.

Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding jitolbu, b’mod prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rinviju għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.

15.

Huma jallegaw, fl-ewwel lok, li l-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju mhux biss huwa vvizzajt bi żbalji manifesti ( 5 ), imma huwa wkoll mhux komplut, peress li l-pożizzjoni ta’ Schweppes u ta’ Schweppes International ġiet deliberatament u arbitrarjament imħollija barra, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom ( 6 ).

16.

F’dan ir-rigward infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali ( 7 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha ( 8 ). Konsegwentement, huwa fuq il-bażi tal-fatti indikati mill-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 8 ta’ Barcelona) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti.

17.

Fit-tieni lok, Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding isostnu li d-domandi preliminari magħmula huma astratti u jistrieħu fuq affermazzjonijiet ġenerali u ipotetiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma tistax tevalwa n-neċessità u r-rilevanza tagħhom.

18.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom ( 9 ). Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali adita bil-kawża hija, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, dik li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ). Dan ma jbiddilx il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fejn ikun meħtieġ, teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom tiġi adita minn qorti nazzjonali sabiex tevalwa jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, b’mod partikolari, sabiex tiddetermina jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qed tintalab għandhiex relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sabiex b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qiegħda tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 11 ).

19.

F’dan il-każ, ma jirriżultax mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, u lanqas mid-dokumenti prodotti minn Schweppes, li d-domandi preliminari magħmula manifestament ma għandhomx rabta mar-realtà u/jew mas-suġġett tal-kawża. Tali rabta ma tistax, barra minn hekk, tiġi miċħuda minħabba l-kontestazzjoni waħdanija, minn waħda mill-partijiet fil-kawża, tal-fondatezza tal-konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju.

20.

Fl-aħħar nett, Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding jallegaw li, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark hija stabbilita u kostanti, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju hija kwistjoni ta’ acte clair. Għaldaqstant, it-talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx neċessarja u r-rinviju għandu jkun iddikjarat inammissibbli.

21.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-fatt li r-risposta għal domanda preliminari tista’ tkun dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew li din ma tħalli ebda dubju raġonevoli fis-sens tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) – jekk wieħed jippreżumi li dan huwa effettivament il-każ f’din il-kawża ‐, bl-ebda mod ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari ( 12 ) u ma għandux bħala effett li jneħħi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq tali domanda ( 13 ). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) tħalli biss f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu sabiex tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hijiex tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli u, konsegwentement, li tiddeċiedi li tastjeni milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun ġiet imqajma quddiemha ( 14 ) u li ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess ( 15 ).

22.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq il-mertu

23.

Permezz tal-erba’ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 36 TFUE u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 ( 16 ) jipprekludux, f’ċirkustanzi tali bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-persuna liċenzjata mill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali tinvoka d-dritt esklużiv li dan tal-aħħar għandu skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih l-imsemmija trade mark hija rreġistrata sabiex topponi għall-importazzjoni u/jew għall-kummerċjalizzazzjoni f’dak l-Istat ta’ prodotti b’trade mark identika provenjenti minn Stat Membru ieħor, li fih dik it-trade mark, li qabel kienet il-proprjetà tal-grupp li għalih jappartjenu kemm il-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni kif ukoll il-persuna liċenzjata minnu, hija miżmuma minn terz li akkwista d-drittijiet fuqha permezz ta’ ċessjoni.

24.

Dawn id-domandi ser jiġu analizzati b’mod konġunt. Għal dan il-għan, l-ewwel nett, ser infakkar il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark, inkluż fil-każijiet ta’ frammentazzjoni ta’ drittijiet paralleli f’diversi Stati taż-ŻEE li oriġinarjament kellhom l-istess proprjetarju. Sussegwentement, ser nanalizza l-mod li bih dawn il-prinċipji jistgħu japplikaw f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, abbażi ta’ din l-analiżi ser nipproponi risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

L-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark

25.

Il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jirrikonoxxu, bħala prinċipju, lill-proprjetarju ta’ trade mark id-dritt li jopponi għall-importazzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni minn terzi ta’ prodotti li għandhom din it-trade mark ( 17 ). Meta dawn il-prodotti jkunu provenjenti minn Stat Membru ieħor, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jagħti lok għal restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija. Peress li hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, tali restrizzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 TFUE u hija, għaldaqstant, permessa, sakemm ma tikkostitwixxix “mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja” jew “restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”, skont it-tieni sentenza ta’ dak l-artikolu.

26.

Introdott fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-ġurisprudenza, u kkodifikat fl-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104 ( 18 ), imbagħad fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 u, fl-aħħar nett, fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2015/2436 ( 19 ), il-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark jiddelimita l-portata tad-drittijiet ta’ esklużività rrikonoxxuti mill-Istati Membri, bil-għan li jevita li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod li jaqsmu s-suq intern f’kompartimenti permezz ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali.

27.

Fl-interess ta’ bilanċ bejn it-territorjalità tat-trade mark u l-moviment liberu tal-merkanzija, dan il-prinċipju jipprovdi li, meta prodott legalment mogħni bit-trade mark ikun tqiegħed fis-suq fl-Unjoni (u, b’mod iktar mifrux, fiż-ŻEE) bil-kunsens tal-proprjetarju jew minnu stess, dan tal-aħħar ma jistax, abbażi tad-dritt ta’ esklużività tiegħu, jopponi għall-moviment ulterjuri ta’ dak il-prodott.

28.

L-ewwel formulazzjoni tiegħu tmur lura għas-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115) ( 20 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar l-ewwel nett li, għalkemm it-Trattat ma jaffettwax l-eżistenza tad-drittijiet rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jista’ madankollu jkun affettwat mill-projbizzjonijiet tat-Trattat ( 21 ). Hija tippreċiża mbagħad li “inkwantu joħloq eċċezzjoni għal wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-suq [intern], l-Artikolu 36 [TFUE] jippermetti […] biss derogi mill-moviment liberu tal-merkanzija meta dawk id-derogi jkunu ġġustifikati mill-għan li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet li jikkostitwixxu l-għan speċifiku ta’ dik il-proprjetà” ( 22 ). Hija tkompli billi tindika li fil-qasam tat-trade marks, l-għan speċifiku tal-proprjetà kummerċjali huwa b’mod partikolari “li jiġi żgurat lill-proprjetarju d-dritt esklużiv li juża t-trade mark, għall-ewwel tqegħid ta’ prodott fis-suq, u li b’dan il-mod ikun protett kontra l-kompetituri li jkunu jixtiequ jabbużaw mill-pożizzjoni u r-reputazzjoni tat-trade mark billi jbiegħu prodotti b’dik it-trade mark mingħajr awtorizzazzjoni” ( 23 ). Hija tikkonkludi li, fid-dawl ta’ dan il-għan, l-ostakolu li jirriżulta mid-dritt, irrikonoxxut lill-proprjetarju tat-trade mark mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, li jopponi għall-importazzjoni tal-prodott b’dik it-trade mark “ma huwiex iġġustifikat meta l-prodott ikun spiċċa legalment fis-suq tal-Istat Membru li minnu jiġi importat, mill-proprjetarju tat-trade mark stess jew bil-kunsens tiegħu, b’mod li dan ma jwassalx għal abbuż jew ksur tat-trade mark” ( 24 ). Fil-każ invers, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proprjetarju tat-trade mark “ikollu l-possibbiltà li jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali u għaldaqstant jirrestrinġi l-kummerċ bejn l-Istati Membri, mingħajr ma din ir-restrizzjoni tkun neċessarja sabiex huwa jiġi ggarantit l-essenza tad-dritt esklużiv li jirriżulta mit-trade mark” ( 25 ). Fi kliem ieħor, il-kummerċ isofri, f’każ simili, “ostakoli mhux iġġustifikati” ( 26 ).

29.

L-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment tippreżumi li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, min-naħa, it-tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti bit-trade marks, u, min-naħa l-oħra, il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark għal dak it-tqegħid fis-suq, meta dan ma jkunx sar minnu direttament. Minħabba l-limitazzjonijiet li dan il-prinċipju jinvolvi għad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark, wieħed jara tendenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta b’mod restrittiv il-kunċetti li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tiegħu.

30.

Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, hija u tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104, ikkonstatat li l-prodotti jkunu “tqiegħd[u] fuq is-suq” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni biss meta l-prodotti mogħnija bit-trade mark effettivament jinbiegħu, peress li huwa biss tali att ta’ bejgħ li jippermetti lill-proprjetarju “jirrealizza l-valur ekonomiku tat-trade mark tiegħu” u lit-terzi jakkwistaw “[i]d-dritt li jiddisponu mill-prodotti koperti mit-trade mark” ( 27 ).

31.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda l-imputabbiltà tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bit-trade mark lill-proprjetarju tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, dejjem hija u tinterpreta l-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva 89/104, li l-kunsens għal tali tqegħid fis-suq “jikkostitwixxi l-element deċiżiv” tal-eżawriment tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark ( 28 ) u għandu, għaldaqstant, jiġi espress “b’mod li juri b’ċertezza r-rieda ta’ rinunzja [tal-proprjetarju] għal dan id-dritt” ( 29 ).

32.

Tali rieda normalment tirriżulta minn għoti espliċitu ta’ dan il-kunsens ( 30 ). Madankollu, kif ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 23), l-eżiġenżi li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija wassluha sabiex tikkunsidra li tali regola “hija suxxettibbli li tiġi emendata”.

33.

Għaldaqstant, min-naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżawriment tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark jista’ japplika, b’mod partikolari, meta l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ssir minn operator marbut ekonomikament mal-proprjetarju tat-trade mark, bħal, pereżempju, persuna liċenzjata ( 31 ). Ser neżamina din l-ipoteżi iktar ’l isfel f’dawn il-konklużjonijiet.

34.

Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, anke fl-ipoteżi fejn t-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba tal-prodotti inkwistjoni fiż-ŻEE jkun sar minn suġġett li ma għandu l-ebda rabta ekonomika mal-proprjetarju tat-trade mark u fin-nuqqas tal-kunsens espliċitu tal-imsemmi proprjetarju, ir-rieda li jirrinunzja għad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tista’ tirriżulta minn kunsens impliċitu tal-imsemmi proprjetarju, peress li tali kunsens jista’ jiġi dedott abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 46 tas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, (C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617) ( 32 ).

35.

F’dik is-sentenza, li kienet tirrigwarda l-każ tat-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba, barra miż-ŻEE, ta’ prodotti bi trade mark, imma li l-portata ġenerali tagħha ġiet irrikonoxxuta fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 26 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunsens għal tqegħid fis-suq fiż-ŻEE jista’ jirriżulta wkoll b’mod impliċitu minn elementi u minn fatti preċedenti, simultanji jew sussegwenti għal dan it-tqegħid fis-suq, li, evalwati mill-qorti nazzjonali, juru b’mod ċert, rinunzja tal- proprjetarju għad-dritt tiegħu ( 33 ).

36.

Fil-punti 53 sa 58 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li tali kunsens impliċitu għandu jkun ibbażat fuq elementi ta’ natura li jistabbilixxu b’mod pożittiv ir-rinunzja tal-imsemmi proprjetarju tat-trade mark għall-infurzar tad-dritt esklużiv tiegħu u li, b’mod partikolari, dan il-kunsens ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi silenzju ta’ dak il-proprjetarju ( 34 ). F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li kunsens impliċitu ma jistax, b’mod partikolari, jirriżulta min-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark, lix-xerrejja kollha sussegwenti tal-prodotti mqegħda fis-suq barra miż-ŻEE, dwar l-oppożizzjoni tiegħu għal kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE, min-nuqqas ta’ indikazzjoni, fuq il-prodotti, ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq fiż-ŻEE jew ukoll mill-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ittrasferixxa l-proprjetà tal-prodotti bit-trade mark mingħajr ma impona restrizzjonijiet kuntrattwali u li, skont il-liġi applikabbli għall-kuntratt, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet bħal dawn, id-dritt ta’ proprjetà ttrasferit jinkludi dritt ta’ bejgħ mill-ġdid illimitat jew, talinqas, dritt għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti fiż-ŻEE ( 35 ).

37.

Għal dak li jirrigwarda s-suġġett tal-kunsens, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan jikkonċerna biss il-“kummerċjalizzazzjoni sussegwenti” tal-prodotti bit-trade mark, bil-konsegwenza li l-prinċipju ta’ eżawriment japplika biss fir-rigward ta’ numri speċifiċi tal-prodott ikkonċernat, peress li l-proprjetarju jista’ dejjem jipprojbixxi l-użu tat-trade mark għan-numri l-oħrajn li ma kinux is-suġġett ta’ tqegħid fis-suq għall-ewwel darba bil-kunsens tiegħu ( 36 ).

38.

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ripetutament li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi tal-Unjoni dwar it-trade marks li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark għandhom ikunu interpretati fid-dawl tar-regoli tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ( 37 ).

L-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark fil-każ ta’ tqassim tad-drittijiet esklużivi paralleli li għandhom oriġini komuni

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi tliet okkażjonijiet, ġiet ikkonfrontata bil-punt dwar jekk il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata f’diversi Stati Membri, li kienet tappartjeni oriġinarjament lill-istess persuna u li sussegwentement kienet is-suġġett ta’ tqassim, jew volontarju, jew permezz ta’ restrizzjoni pubblika, jistax jopponi għall-importazzjoni fit-territorju li fih id-dritt tiegħu huwa protett ta’ prodotti bl-istess trade mark, imqiegħda fis-suq fi Stat Membru fejn dik it-trade mark hija miżmuma minn terz.

40.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72) – li ngħatat qabel is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115), li, kif ġie osservat iktar ’il fuq, stabbilixxiet il-prinċipju ta’ eżawriment fil-qasam tat-trade marks – id-drittijiet fuq it-trade mark HAG fil-Belġju u fil-Lussemburgu, kienu ġew ċeduti fl-1935 mill-proprjetarja tagħhom, HAG AG, kumpannija Ġermaniża, lis-sussidjarja Belġjana tagħha Café Hag SA. Wara t-tieni gwerra dinjija, l-ishma ta’ Café Hag, li ġew issekwestrati mill-awtoritajiet Belġjani bħala beni tal-għadu, kienu nbiegħu lil terzi. Fl-1971, Café HAG SA kienet ċediet id-drittijiet tagħha fuq it-trade mark HAG fil-Belġju u fil-Lussemburgu lill-kumpannija Van Zuylen Frères, li ma kinitx tipproduċi hija stess il-prodotti bit-trade mark imma kienet tixtrihom mingħand Café HAG. Peress li HAG bdiet tikkonsenja lil bejjiegħa bl-imnut Lussemburgiżi prodotti bit-trade mark Ġermaniża tagħha HAG, Van Zuylen Frères kienet bdiet proċedimenti ta’ ksur quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (qorti distrettwali, il-Lussemburgu), li kienet għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari dwar l-applikazzjoni għall-fatti tal-każ fil-kawża prinċipali tal-interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-akkordji u dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

41.

Wara li kkonstatat li, sussegwentement għall-esproprjazzjoni ta’ Café HAG, ma kien hemm ebda rabta legali, finanzjarja, teknika jew ekonomika bejn iż-żewġ proprjetarji tat-trade marks li rriżultaw mit-tqassim tat-trade mark HAG, il-Qorti tal-Ġustizzja ma applikatx l-Artikolu 85 KE (Artikolu 101 TFUE) għall-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, l-ewwel nett, min-naħa, li d-dritt ta’ trade mark jipproteġi lid-detentur leġittimu ta’ trade mark kontra l-ksur min-naħa ta’ persuni li ma għandhom ebda titolu legali, u, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa tali li jikkontribwixxi għall-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq u li jippreġudika għaldaqstant il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri. Hija ddeċidiet imbagħad li l-esklużività tad-dritt ta’ trade mark ma jistax jiġi invokat mid-detentur ta’ trade mark sabiex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni, fi Stat Membru, ta’ merkanzija prodotta legalment fi Stat Membru ieħor taħt trade mark identika li għandha l-istess oriġini ( 38 ) (it-teorija magħrufa bħala tal-“istess oriġini”) ( 39 ). Filwaqt li stabbilixxiet din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 14 tas-sentenza, li “għalkemm f’[suq uniku], l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott bi trade mark hija utli, l-għoti ta’ informazzjoni, f’dan ir-rigward, lill-konsumaturi tista’ tiġi żgurata b’mezzi differenti minn dawk li jippreġudikaw il-moviment liberu tal-merkanzija”.

42.

Il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72) – antiċipata, mill-aspett tar-regoli tal-kompetizzjoni, mis-sentenza tat-18 ta’ Frar 1971, Sirena (40/70, EU:C:1971:18, punt 11), u kkonfermata mis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1976, Terrapin (Overseas) (119/75, EU:C:1976:94, punt 6) ( 40 ) ‐, ġie invalidata fis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C-10/89, EU:C:1990:359). Il-kuntest fattwali kien identiku, bl-unika differenza li, din id-darba, kienet HAG AG li ppruvat topponi għall-importazzjoni fil-Ġermanja, mill-kumpannija li ssuċċediet lil Van Zuylen Frères, ta’ prodotti bit-trade mark HAG provenjenti mill-Belġju. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu deherilha “neċessarju li terġa’ tikkunsidra l-interpretazzjoni adottata f’dik is-sentenza fid-dawl tal-ġurisprudenza li kienet ġiet stabbilita progressivament fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn il-proprjetà industrijali u kummerċjali u r-regoli ġenerali tat-trattat, b’mod partikolari fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija” ( 41 ).

43.

Wara li fakkret il-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark kif żviluppat fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-ewwel nett li, sabiex it-trade mark tkun tista’ tissodisfa r-rwol mogħti lilha fis-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta mixtieqa mit-Trattat, hija għandha toffri l-“garanzija li l-prodotti kollha bit-trade mark ikunu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tkun tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom”. Sussegwentement, hija ppreċiżat li l-għan speċifiku tad-dritt ta’ trade mark – li għall-protezzjoni tiegħu huma permessi derogi mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija – huwa b’mod partikolari li jiġi żgurat lill-proprjetarju d-dritt li juża t-trade mark għat-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba ta’ prodott u li, sabiex tiġi stabbilita l-portata eżatta ta’ dan id-dritt esklużiv, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-istess oriġini tal-prodott bit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dak il-prodott minn dawk li għandhom oriġini differenti.

44.

Il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark issir, fis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), l-element ċentrali li fid-dawl tiegħu tiġi evalwata l-portata tad-dritt mogħti mit-trade mark kif ukoll il-limiti tiegħu, filwaqt li, fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat lil din il-funzjoni ftit importanza biss fil-loġika tar-raġunament tagħha (ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan il-bdil fil-perspettiva wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkkunsidra “in-nuqqas ta’ kwalunkwe element ta’ kunsens” minn HAG għat-tqegħid fis-suq, fi Stat Membru ieħor, taħt trade mark identika, ta’ prodotti simili immanifatturati u kkumerċjalizzati “minn impriża li ma għandha ebda rabta ta’ dipendenza legali u lanqas ekonomika” magħha bħala fatt “deċiżiv” sabiex tevalwa d-dritt tagħha li topponi għall-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Ġermanja ( 42 ). Fil-fatt, jekk tali dritt ma jiġix irrikonoxxut lill-proprjetarju ta’ trade mark, il-konsumaturi ma jibqgħux iktar f’pożizzjoni li jidentifikaw b’ċertezza l-oriġini tal-prodotti bit-trade mark. Ikun hemm ir-riskju li l-proprjetarju tat-trade mark “jinżamm responsabbli għall-kwalità ħażina ta’ prodott li għalih huwa bl-ebda mod ma jkun responsabbli” ( 43 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li ż-żewġ trade marks inkwistjoni kienu jappartjenu inizjalment lill-istess proprjetarju ma huwiex rilevanti, peress li “b’effett mill-esproprjazzjoni u minkejja l-oriġini komuni tagħhom, kull waħda mit-trade marks qdiet b’mod indipendenti, fil-kuntest territorjali tagħha, il-funzjoni tagħha li tiggarantixxi li l-prodotti bit-trade mark joriġinaw minn sors wieħed” ( 44 ).

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat definittivament it-teorija tal-istess oriġini fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261).

46.

Il-kuntest fattwali tal-każ fil-kawża prinċipali li wasslet għal dik is-sentenza huwa differenti minn dak tal-kawżi prinċipali li wasslu għas-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72), u tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), essenzjalment inkwantu t-tqassim tat-trade mark inkwistjoni kien jirriżulta mhux minn att tal-awtorità pubblika, imma minn ċessjoni volontarja, li seħħet fil-kuntest ta’ proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti. Iċ-ċessjoni kienet irrigwardat fergħa ta’ attività waħda biss tas-sussidjarja Franċiża tal-grupp American Standard, li kien id-detentur, permezz tas-sussidjarji Ġermaniża u Franċiża tiegħu, tat-trade mark IDEAL-STANDARD fil-Ġermanja u fi Franza. Is-sussidjarja Ġermaniża ta’ American Standard kienet opponiet għall-kummerċjalizzazzjoni fil-Ġermanja ta’ prodotti bl-istess trade mark li tagħha hija kienet proprjetarja f’dak l-Istat Membru u importati minn Franza, fejn huma kienu immanifatturati mill-kumpannija ċessjonarja tas-sussidjarja Franċiża tal-grupp. Din il-kummerċjalizzazzjoni kienet saret minn sussidjarja, stabbilita fil-Ġermanja, tal-kumpannija ċessjonarja. B’differenza mal-kawżi prinċipali li wasslu għas-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72), u tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), il-prodotti kkonċernati ma kinux identiċi imma kienu biss simili għal dawk immanifatturati mill-proprjetarja tat-trade mark fil-Ġermanja.

47.

Fil-motivi tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, l-ewwel nett, li d-drittijiet nazzjonali fil-qasam tat-trade mark ma humiex biss territorjali imma wkoll indipendenti wieħed mill-ieħor u li din l-indipendenza timplika li d-dritt fuq trade mark waħda jista’ jiġi ċedut fir-rigward ta’ xi pajjiż mingħajr ma jkun ċedut simultanjament mill-proprjetarju tagħha fir-rigward tal-pajjiżi l-oħra ( 45 ). Hija fakkret imbagħad l-għan tad-dritt ta’ trade mark kif ukoll il-limiti li l-prinċipju ta’ eżawriment jimponi fuq l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt.

48.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 34 tas-sentenza msemmija, li dan il-prinċipju “japplika meta l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni u l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni huma identiċi jew meta, anki meta dawn ikunu distinti, huma jkunu marbutin ekonomikament” ( 46 ), u identifikat diversi sitwazzjonijiet li fihom japplika l-imsemmi prinċipju, jiġifieri, barra mill-każ fejn il-prodotti bit-trade mark jitqiegħdu fis-suq mill-istess impriża, il-każijiet fejn tali tqegħid fis-suq isir minn persuna liċenzjata, minn kumpannija omm jew minn sussidjarja tal-istess grupp jew ukoll minn konċessjonarju esklużiv. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-każijiet kollha għandhom inkomun il-fatt li l-prodotti bit-trade mark huma mmanifatturati taħt il-kontroll tal-istess entità, b’mod li l-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti ma jippreġudikax il-funzjoni tat-trade mark. F’dan ir-rigward, hija ċċarat ukoll li l-element deċiżiv huwa “l-possibbiltà ta’ kontroll fuq il-kwalità tal-prodotti u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ dak il-kontroll” ( 47 ).

49.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-każ ta’ ċessjoni tat-trade mark limitat għal Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri biss, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din is-sitwazzjoni kellha tkun nettament distinta minn dik fejn il-prodotti importati joriġinaw mingħand persuna liċenzjata jew minn sussidjarja li lilha tkun ġiet ittrasferita l-proprjetà tad-dritt ta’ trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, “minnu nnifsu, jiġifieri fin-nuqqas assolut ta’ rabta ekonomika, il-kuntratt ta’ ċessjoni ma jagħtix […] liċ-ċedent il-mezzi sabiex jikkontrolla l-kwalità tal-prodotti kkummerċjalizzati u bit-trade mark miċ-ċessjonarju” ( 48 ), u lanqas jippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-ċedent impliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex dawk il-prodotti jiċċirkulaw fit-territorji li fihom huwa għad għandu d-dritt ta’ trade mark tiegħu ( 49 ).

50.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u filwaqt li ċaħdet l-argumenti opposti mressqa mill-Kummissjoni u mill-kumpannija importatriċi, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet “is-soluzzjoni tal-iżolament tas-swieq” ( 50 ) stabbilita fis-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), għall-każ ta’ tqassim volontarju tat-trade mark.

Applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għaċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali

51.

Huwa fid-dawl tal-prinċipji esposti li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u jiġi evalwat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, Schweppes tistax legalment opponi li terz jimporta fi Spanja, fejn hija proprjetarja tat-trade marks SCHWEPPES, prodotti b’dawn it-trade marks u kkummerċjalizzati fir-Renju Unit minn Coca-Cola.

52.

Qabel xejn, għandu jiġi aċċettat li ċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali jidhru, wara l-ewwel analiżi, joqogħdu għal applikazzjoni pura u sempliċi tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261), kif isostnu Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding.

53.

Fil-fatt, l-istess bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261), hawnhekk għandha frammentazzjoni volontarja ta’ drittijiet paralleli f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Schweppes International u Coca-Cola ma humiex marbutin b’ebda relazzjoni minn dawk meħudin inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza. Coca-Cola la hija persuna liċenzjata, u lanqas konċessjonarja esklużiva ta’ Schweppes International fir-Renju Unit u bejn dawn iż-żewġ kumpanniji ma teżisti ebda relazzjoni ta’ grupp.

54.

Il-kumpanniji Red Paralela u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Grieg u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li jtennu r-riflessjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jitolbu madankollu lill-Qorti tal-Ġustizzja testendi l-analiżi iktar u tirrikonoxxi li d-dritt ta’ Schweppes (bħala persuna liċenzjata ta’ Schweppes International, proprjetarja tat-trade marks inkwistjoni) li topponi għall-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fi Spanja seta’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ fil-kawża prinċipali, kien eżawrit.

55.

Għalkemm il-pożizzjoni tagħhom tikkoinċidi sostanzjalment fir-rigward tar-riżultat, l-argumenti li fuqhom jibbażaw ruħhom dawn il-persuni kkonċernati jvarjaw parzjalment. Filwaqt li l-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jissuġġerixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-limiti tal-ġurisprudenza tagħha marbuta mas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji Red Paralela u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqisu, fis-sustanza, li, billi jopponu, f’dawk iċ-ċirkustanzi, għall-importazzjoni parallela ta’ prodotti bit-trade mark SCHWEPPES mhux immanifatturati u kkummerċjalizzati minnhom, Schweppes SA u Schweppes International iwettqu abbuż ta’ dritt.

56.

Qabel ma jiġu eżaminati dawn id-diversi fehmiet, għandu jiġi kkunsidrat fil-qosor argument li tressaq, b’mod preliminari, mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u li jibqa’ fl-isfond tal-iżviluppi stabbiliti minn din tal-aħħar, kif ukoll, b’mod partikolari, mill-kumpanniji Red Paralela, għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju. Skont dan l-argument – li kien intuża kontra l-abbandun tat-teorija tal-istess oriġini fil-każijiet ta’ qsim ta’ jew frammentazzjoni volontarja tat-trade mark –, iċ-ċessjoni ta’ drittijiet paralleli fir-rigward ta’ parti biss mit-trade marks nazzjonali miżmuma miċ-ċedent tinvolvi neċessarjament tqegħid inkwistjoni tal-funzjoni distintiva ta’ dawk it-trade marks li ċ-ċedent jaċċetta minn jeddu u li tiegħu huwa għandu jbati l-konsegwenzi ( 51 ).

57.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-argument ġie fermament miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), fejn hija eskludiet espliċitament il-fatt li l-aċċettazzjoni miċ-ċedent tal-fatt li l-funzjoni distintiva tat-trade mark tiddgħajjef minhħabba t-tqassim tad-dritt oriġinali fuqha tista’ tinvolvi rinunzja għad-dritt esklużiv tiegħu li jopponi għall-importazzjoni fit-territorju tiegħu tal-prodotti kummerċjalizzati miċ-ċessjonarju fi Stat ieħor taż-ŻEE ( 52 ).

58.

Fil-fatt, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, il-funzjoni tat-trade mark għandha tiġi evalwata fil-konfront ta’ territorju partikolari. Għaldaqstant, il-fatt li, wara ċessjoni territorjalment limitata, il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tista’ tiddgħajjef għal parti mill-konsumaturi tal-prodotti bit-trade mark, b’mod partikolari dawk li jiċċaqalqu ġewwa ż-ŻEE bejn żewġ Stati li fihom dawn il-prodotti jiġu mmanifatturati u kkummerċjalizzati minn impriżi differenti, ma jneħħix l-interess ta’ kull proprjetarju tat-trade mark fuq livell nazzjonali li jżomm drittijiet esklużivi fit-territorju tiegħu sabiex jippriżerva l-funzjoni distintiva tat-trade mark tiegħu fir-rigward tal-konsumaturi stabbiliti f’dak it-territorju.

59.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet li l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark iseħħ biss fil-fażi tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bit-trade mark ( 53 ). Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li, permezz ta’ ċessjoni territorjalment limitata, il-proprjetarju ta’ drittijiet paralleli fuq trade mark jirrinunzja volontarjament milli jkun l-unika wieħed li jikkummerċjalizza l-prodotti b’din it-trade mark fiż-ŻEE, ebda effett ta’ eżawriment ma jista’ jkun marbut ma’ dik ir-rinunzja peress li, fil-mument li jingħata l-kunsens għaċ-ċessjoni, ma jkun għadu seħħ ebda att ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bit-trade mark ċeduta.

60.

B’dan iċċarat, nirrileva li talinqas parti mill-argumenti mressqa mill-kumpanniji Red Paralela fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompletament nieqsa mil-loġika li fuqu huwa bbażat l-argument imsemmi fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

61.

Skont il-kumpanniji Red Paralela, peress li Schweppes u Schweppes International żammew aġir intiż li jiffavorixxi, b’kompliċità mal-attitudni permissiva jekk mhux kollaborattiva ta’ Coca-Cola, immaġni globali u unitarja tat-trade mark SCHWEPPES anki wara l-frammentazzjoni tagħha, huma żnaturaw il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark li huma jisfruttaw fi Spanja u, għaldaqstant, tilfu d-dritt li jopponu għall-importazzjonijiet paralleli f’dak l-Istat Membru ta’ prodotti legalment mogħnija bi trade mark identika kkummerċjalizzati minn Coca-Cola fi Stat ieħor taż-ŻEE. Il-kumpanniji Red Paralela jenfasizzaw b’mod partikolari l-fatt li Schweppes u Schweppes International ippruvaw attivament, fil-politika tal-grupp tagħhom, fid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti kif ukoll fil-messaġġi ta’ reklamar tagħhom, jassoċjaw l-oriġini tat-trade mark tagħhom mar-Renju Unit, jiġifieri l-Istat Membru li minnu joriġinaw il-parti l-kbira tal-prodotti kkummerċjalizzati fi Spanja mill-kumpanniji Red Paralela.

62.

Għalkemm huwa attraenti, l-argument tal-kumpanniji Red Paralela ma jikkonvinċinix.

63.

Min-naħa, kif osservajt iktar ’il fuq, il-fatt li tiddgħajjef il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, talinqas għall-parti mill-konsumaturi kkonċernati, huwa konsegwenza inevitabbli taċ-ċessjoni territorjalment limitata ta’ drittijiet paralleli fuq l-istess trade mark. Dik id-djgħufija tista’ tkun b’mod partikolari sinjifikattiva meta, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, it-trade mark suġġett ta’ qsim jew ta’ frammentazzjoni kienet miżmuma għal ħafna snin mill-istess proprjetarju u kisbet reputazzjoni importanti bħala trade mark unitarja. Issa, kif diġà kelli l-okkażjoni nenfasizza, ma tistax tiġi dedotta minn tali effett, li huwa mistenni imma inevitabbli, taċ-ċessjoni restrizzjoni kwalunkwe fir-rigward tal-eżerċizzju fil-futur, miċ-ċedent, tad-drittijiet fuq it-trade marks paralleli li ma kinux is-suġġett ta’ ċessjoni ( 54 ). Barra minn hekk, iċ-ċedent lanqas ma jista’ jiġi obbligat jaġixxi b’mod li jikkontrasta attivament tali effett.

64.

Min-naħa l-oħra, ir-reputazzjoni ta’ trade mark kif ukoll l-immaġni tagħha u l-forza evokatriċi tagħha, li jikkostitwixxu kollha fatturi tal-valur tagħha, jistgħu jiddependi sa ċertu punt mill-istorja ta’ dik it-trade mark u għaldaqstant mill-oriġini tagħha. F’dawk il-każijiet, il-proprjetarju ta’ trade mark li hija s-suġġett ta’ diversi reġistrazzjonijiet nazzjonali, li jċedi parti biss mid-drittijiet paralleli tiegħu fuqha, jibqagħlu interess ikompli jirreferi għall-istorja u l-oriġini tat-trade mark unitarja, meta dan jippermettilu jippriżerva l-valur tas-sinjal jew tas-sinjali li tagħhom ikun il-proprjetarju. Għaldaqstant, huwa ma jistax ikun ikkritikat li, wara ċ-ċessjoni, ikompli jsemmi, fil-preżentazzjoni tal-prodotti tiegħu, fil-messaġġi ta’ reklamar tiegħu jew fir-relazzjonijiet tiegħu mal-konsumaturi, l-oriġini ġeografika tat-trade marks li tagħhom jibqa’ proprjetarju, anki jekk, kif inhu l-każ tat-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dik l-oriġini tkun marbuta ma’ Stat li fih id-drittijiet fuq it-trade mark illum huma miżmuma miċ-ċessjonarju. Bl-istess mod, u għall-istess raġunijiet, huwa ma jistax ikun ikkritikat li jirreferi għal elementi mill-istorja tat-trade mark unitarja meta jagħmel reġistrazzjonijiet ġodda, kif inhu l-każ fil-każ tal-kawża prinċipali għal dak li jirrigwarda l-firma tal-inventur tal-ilma toniku tat-trade mark SCHWEPPES.

65.

L-aġir deskritt iktar ’il fuq, anki jekk wieħed jippreżumi li huwa tali li jdgħajjef il-funzjoni distintiva tat-trade mark sfruttata fi Spanja minn Schweppes fil-konfront tal-konsumatur Spanjol, huwa parti minn strateġija intiża li tippriżerva l-kapital tat-trade mark ta’ dawn il-kumpanniji u ma jurix l-intenzjoni li tinħoloq konfużjoni f’moħħ il-konsumatur fir-rigward tal-oriġini kummerċjali (li barra minn hekk ma għandhiex tkun konfuża mal-oriġini ġeografika) tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-kumpanniji Red Paralela, il-fatt li l-imsemmija kumpanniji mexxew bi proċedimenti ta’ ksur sabiex jopponu għall-importazzjoni, fit-territorju li fih it-trade mark tagħhom hija protetta, ta’ prodotti b’trade mark identika ma jistax jikkostitwixxi użu abbużiv tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija trade mark ( 55 ).

66.

Għandu wkoll jiġi osservat li, anki jekk wieħed jippreżumi li wieħed jista’ jikkunsidra li l-prodotti kkummerċjalizzati rispettivament minn Schweppes fi Spanja u minn Coca-Cola fir-Renju Unit joriġinaw minn sorsi realment indipendenti, kwistjoni li ser tiġi ttrattata ulterjorment, il-liberalizzazzjoni tal-importazzjonijiet paralleli li favuriha jargumentaw il-kumpanniji Red Paralela twassal biss sabiex iżżid ir-riskju għall-konsumatur Spanjol li jitħawwad fuq l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. Issa, jien ma nemminx li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 japprova dan l-effett.

67.

Jibqa’ li jiġi eżaminat l-argument tal-kumpanniji Red Paralela li skontu Schweppes International teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ trade mark b’mod li tħaddan diskriminazzjoni arbitrarja bejn id-diversi Stati Membri, peress li tippermetti l-importazzjoni parallela ta’ prodotti kkummerċjalizzati minn Coca-Cola fir-Renju Unit f’ċerti territorji fejn hija l-proprjetarja tat-trade mark SCHWEPPES u ma tippermettix l-istess fi Stati oħra, bħal pereżempju fi Spanja.

68.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark jittollera l-importazzjoni, fl-Istat li fih it-trade mark tiegħu hija protetta, ta’ prodotti b’trade mark identika provenjenti minn Stat Membru ieħor li fih dawn tqegħdu fis-suq minn terz mingaħjr il-kunsens tiegħu ma jippermettix li jitqies li dan il-proprjetarju rrinunzja impliċitament li jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti li huma tal-istess provenjenza fi Stat Membru ieħor li fih għandu drittijiet paralleli. Fil-fatt, min-naħa, kif diġà indikajt fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-silenzju jew attitudni passiva tal-proprjetarju tat-trade mark ma hijiex biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex wieħed jippreżumi l-kunsens tiegħu għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti b’trade mark identika jew li joħolqu konfużjoni. Dan japplika a fortiori meta tali attitudni tiġi invokata, kif jagħmlu l-kumpanniji Red Paralela, sabiex tiġi sostnuta liberalizzazzjoni ġeneralizzata tal-importazzjonijiet paralleli provenjenti minn territorju partikolari. Min-naħa l-oħra, kif esponejt ukoll iktar ’il fuq, fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-drittijiet mogħtija mit-trade mark huma eżawriti biss, minħabba l-kunsens impliċitu jew espliċitu tal-proprjetarju, fir-rigward tal-prodotti li għalihom ikun ingħata dak il-kunsens. Fl-aħħar nett, nosserva, b’mod inċidentali, li r-rinunzja ta’ Schweppes milli teżerċita d-drittijiet tagħha sabiex topponi għall-importazzjonijiet paralleli provenjenti mir-Renju Unit f’xi wħud mit-territorji li fihom huma rreġistrati t-trade marks tagħha ma tidhirx, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li hija sistematika u hija limitata biss għal mezz ta’ distribuzzjoni permezz tal-internet.

69.

Wara li ġew diskussi l-argumenti mressqa mill-kumpanniji Red Paralela, għandu jiġi ttrattat issa l-argument tal-Kummissjoni.

70.

Skont din tal-aħħar, l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark jista’ jseħħ mhux biss fis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punt 34 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), iżda anki meta l-manifatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’trade marks identiċi paralleli huma suġġetti għal politika u għal strateġija kummerċjali uniċi mħaddna mill-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks.

71.

Dan l-argument jistħoqlu, fil-fehma tiegħi, l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

72.

B’kuntrast ma’ dak li jsostnu Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding, dan l-argument huwa konsistenti mal-ġurisprudenza relatata mas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261).

73.

Għalkemm ebda element mit-test tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), ma jindika espliċitament li l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark jista’ jseħħ f’każijiet differenti minn dawk imsemmija fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza, ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja jippermetti faċilment li dik il-lista titqies bħala sempliċi indikattiva.

74.

Fil-fatt, kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni, il-kriterju li fuqu hija bbażata l-imsemmija sentenza sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ eżawriment meta l-persuna li għandha d-drittijiet fuq it-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni ma hijiex l-istess persuna li qiegħdet fis-suq il-prodotti bit-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni jirreferi għall-eżistenza ta’ “rabtiet ekonomiċi” bejn dawn iż-żewġ persuni.

75.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “rabtiet ekonomiċi”, u tillimita ruħha sabiex tafferma li tali rabtiet jeżistu fit-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 34 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261) – jiġifieri fil-każ ta’ liċenzja jew ta’ konċessjoni ta’ trade mark, jew ukoll meta ż-żewġ entitajiet ikkonċernati jkunu jagħmlu parti mill-istess grupp – il-loġika li tispira l-motivi ta’ dik is-sentenza kif ukoll il-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

76.

Dik is-sentenza tindika, qabel xejn, evoluzzjoni terminoloġika fir-rigward tal-ġurisprudenza preċedenti. Għalkemm, fis-sentenzi li ppreċedewha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonkludi li hemm eżawriment tad-dritt għal oppożizzjoni kontra l-importazzjoni ta’ prodotti mqiegħda fis-suq fiż-ŻEE minn terz meta jkunu jeżistu “rabtiet ta’ dipendenza legali jew ekonomika” bejn dak it-terz u l-proprjetarju tat-trade mark ( 56 ), fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), hija tabbanduna dik il-formulazzjoni sabiex tirreferi iktar sempliċiment għal “rabtiet ekonomiċi”, kunċett li jippermetti li tiġi koperta firxa potenzjalment iktar wiesgħa ta’ relazzjonijiet bejn l-impriżi fil-kummerċ ( 57 ).

77.

Din l-evoluzzjoni terminoloġika tirrifletti, fuq il-livell kunċettwali, il-mogħdija minn kriterju formali, fejn il-kontroll fuq l-użu tat-trade mark, meħtieġ għall-iskopijiet tal-eżawriment, jitqies li jista’ jiġi eżerċitat biss fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ dipendenza stretta bejn l-entitajiet ikkonċernati (eżistenza ta’ rabtiet mil-lat ta’ proprjetà jew ta’ kuntratti li jifformalizzaw relazzjoni ta’ awtorità, li jagħtu setgħa ta’ direzzjoni jew ta’ ġestjoni lil waħda mill-partijiet, li għaliha għandha tissottometti ruħha l-parti l-oħra), għal kriterju iktar sostantiv, fejn dak li huwa importanti ma huwiex wisq in-natura tar-relazzjonijiet li jkollhom l-imsemmija entitajiet imma l-fatt li, permezz ta’ dawk ir-relazzjonijiet, it-trade mark tkun tinsab taħt kontroll uniku ( 58 ).

78.

Issa, tali kriterju jista’ jkopri mhux biss il-każijiet klassiċi msemmija fil-punt 34 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), fejn l-użu tat-trade mark huwa taħt il-kontroll ta’ persuna waħda (il-persuna li tagħti l-liċenzja jew il-manifattur) jew ta’ entità li tikkostitwixxi unità ekonomika (il-grupp), imma wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom dak l-użu huwa, fl-Istat ta’ importazzjoni u fl-Istat ta’ esportazzjoni, suġġett għall-kontroll konġunt ta’ żewġ persuni distinti – kull waħda proprjetarja ta’ drittijiet irrikonoxxuti fuq il-livell nazzjonali – li jaġixxu, fl-isfruttament tat-trade mark, bħala l-istess ċentru ta’ interess waħdieni.

79.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, bħal fil-każijiet imsemmija fil-punt 34 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), it-trade mark tkun taħt kontroll uniku, fejn il-manifatturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti b’tali trade mark ikunu jistgħu jiġu attribwiti lil ċentru deċiżjonali wieħed. Din l-uniċità ta’ kontroll teskludi l-fatt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt tat-trade marks ikunu jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi ristrett il-moviment tal-imsemmija prodotti ( 59 ).

80.

Għaldaqstant, meta żewġ proprjetarji jew diversi proprjetarji ta’ trade marks paralleli jiftehmu sabiex jeżerċitaw kontroll konġunt fuq l-użu tas-sinjali tagħhom, kemm jekk dawn ikollhom u kemm jekk dawn ma jkollhomx oriġini komuni, kull wieħed minnhom jirrinunzja għall-eżerċizzju tad-dritt tiegħu li jopponi għall-importazzjoni fit-territorju tiegħu stess ta’ prodotti bit-trade marks mqegħda fis-suq fl-Istat ta’ esportazzjoni minn wieħed mill-proprjetarji l-oħra li jipparteċipaw fil-ftehim, inkwantu dak it-tqegħid fis-suq għandu jitqies bħala li sar bil-kunsens tiegħu.

81.

Madankollu, sabiex ikun hemm tali effett ta’ eżawriment, jeħtieġ li l-ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom it-trade mark hija mpoġġija u li tkun ikkontrollata l-kwalità tagħhom. Dan ir-rekwiżit, espress b’mod ċar fil-punti 37 u 38 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), kif ukoll fil-punt 13 tas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89EU:C:1990:359), huwa marbut mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark bħala indikatriċi tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti (jew tas-servizzi) mogħnija biha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li f’kuntest ta’ kontroll uniku fuq it-trade mark eżerċitat b’mod konġunt minn żewġ jew iktar proprjetarji ta’ drittijiet paralleli, din il-funzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-oriġini li t-trade mark hija intiża li tiggarantixxi ma hijiex marbuta mal-impriża responsabbli mill-manufatturazzjoni tal-oġġetti, imma maċ-ċentru responsabbli għall-għażliet strateġiċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ dawk l-oġġetti.

82.

Bla ħsara għall-preċiżazzjoni li għamilt iktar ’il fuq, dwar l-għan tal-kontroll, jidhirli għaldaqstant, bi qbil mal-Kummissjoni, li ma jistax jiġi eskluż li l-proprjetarji ta’ trade marks paralleli li jirriżultaw mill-frammentazzjoni ta’ trade mark unika wara ċ-ċessjoni territorjalment limitata tagħha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma “marbutin ekonomikament” għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment meta huma jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom bil-għan li jeżerċitaw kontroll konġunt fuq l-użu tat-trade marks rispettivi tagħhom ( 60 ).

83.

L-argumenti mressqa kontra din il-pożizzjoni, matul din il-kawża, ma jidhirlix li jistgħu jegħlbuha.

84.

Fl-ewwel lok, b’kuntrast ma’ dak li ġie sostnut, tali pożizzjoni ma tikkostitwixxix kontestazzjoni tas-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), u tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261).

85.

Fil-fatt, is-soluzzjoni adottata f’dawk is-sentenzi kienet suġġetta għall-kundizzjoni li, wara ċ-ċessjoni, minkejja l-orġini komuni tagħhom, kull waħda mit-trade marks tkun tissodisfa b’mod indipendenti l-funzjoni tagħha li tiggarantixxi li l-prodotti bit-trade marks joriġinaw minn sors wieħed ( 61 ). Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tkun issodisfatta li d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-moviment liberu tal-prodotti bit-trade mark – dritt li l-proprjetarju tat-trade mark unitarja ma għandux huwa stess fil-mument tal-frammentazzjoni tagħha – ikun jista’ jiġi rrikonoxxut lill-proprjetarji tat-trade marks paralleli li jirriżultaw minn dik il-frammentazzjoni, bil-konsegwenza li l-kummerċ parallel ta’ dawk il-prodotti, awtorizzat qabel iċ-ċessjoni, ikun ipprojbit. Issa, l-imsemmija kundizzjoni tkun b’mod ċar nieqsa meta ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju(i) jiftehmu li jisfruttaw it-trade marks tagħhom b’mod konġunt u jadottaw strateġija kummerċjali intiża li tippriżerva u żżomm l-immaġni ta’ trade mark unitarja tas-sinjali tagħhom fis-suq.

86.

Il-fatt li jiġi applikat il-prinċipju ta’ eżawriment f’tali każ huwa mhux biss koerenti mas-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359), u tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C 9/93, EU:C:1994:261), imma jservi wkoll l-għan li ggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi, jiġifieri t-tfittxija ta’ bilanċ korrett bejn l-għanijiet antagonisti tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261), id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu l-użu tad-dritt tat-trade marks sabiex ikun prekluż il-moviment liberu ta’ prodott b’trade mark li l-użu tiegħu jkun jinsab taħt kontroll uniku. Fil-fatt, l-għan tad-dritt ta’ trade mark ma huwiex li jippermetti lill-proprjetarji jikkompartimentalizzaw is-swieq nazzjonali u jiffavorixxu għaldaqstant iż-żamma tad-differenzi fil-prezz li jistgħu jeżistu bejn l-Istati Membri ( 62 ).

87.

Fit-tieni lok, ma jistax jiġi oġġezzjonat li r-relazzjoni eżistenti bejn il-proprjetarji ta’ trade marks paralleli li jiftehmu fuq ġestjoni komuni tas-sinjali tagħhom ma tixbahx dik li jkollhom il-persuna li tagħti l-liċenzja u l-persuni liċenzjati tagħha, il-manufattur u l-konċessjonarji tiegħu jew, ukoll, il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp. Fil-fatt, kif enfasizzajt iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet, hija l-uniċità ta’ kontroll fuq it-trade mark li tirriżulta minn dawn ir-relazzjonijiet kollha, u mhux l-aspetti formali tagħhom, li tiskatta l-eżawriment.

88.

Ċertament, huwa minnu li l-proprjetarju tat-trade mark jikseb, profitt dirett jew indirett, mit-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba tal-prodott bit-trade mark mill-persuna liċenzjata tiegħu, mill-konċessjonarju tiegħu jew minn kumpannija tal-istess grupp, ħaġa li għall-kuntrarju ma huwiex il-każ meta dak it-tqegħid fis-suq isir mill-proprjetarju ta’ trade mark parallela. Fin-nuqqas ta’ tali profitt, jista’ jiġi argumentat li seħħ fil-fatt tqegħid fis-suq li jista’ jeżawrixxi d-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark. Il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, imfakkra fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tidher li toffri bażi f’dan is-sens.

89.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-ġbir ta’ remunerazzjoni waqt l-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ma jikkostitwixxix, b’kuntrast ma’ oġġetti oħra ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali, bħal pereżempju, il-privattiva, l-għan speċifiku tad-dritt tat-trade mark, li huwa, kif indikjat iktar ’il fuq, [i]d-dritt [...] [ta’ użu ta]t-trade mark għall-ewwel tqegħid ta’ prodott fis-suq” ( 63 ). Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93, C-436/93, C-71/94 u C-232/94, EU:C:1995:440), dak li huwa importanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment, ma huwiex il-punt dwar jekk il-proprjetarju tad-dritt jiksibx kumpens ġust għall-bejgħ, iżda jekk huwa tax il-kunsens. Il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala li hija intiża li tippreċiża l-mument li minnu l-prodotti bit-trade mark jitqiegħdu fis-suq iktar milli li tistabbilixxi kundizzjoni sine qua non għall-eżawriment ( 64 ).

90.

Fit-tielet lok, b’kuntrast ma’ dak li ssostni b’mod partikolari Schweppes, iċ-ċessjoni territorjalment limitata tat-trade mark bħala mod permess ta’ trasferiment tad-drittijiet fuq it-trade mark lanqas ma tiġi kkontestata jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi, kif nissuġġerixxi jien, il-pożizzjoni li ddefendiet il-Kummissjoni. Fil-fatt, il-partijiet f’tali ċessjoni jibqgħu jkunu jistgħu jipprevedu, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, projbizzjoni reċiproka ta’ bejgħ fit-territorji rispettivi tagħhom, kif huwa l-każ fil-kuntratt ta’ liċenzja esklużiva. Il-moviment tal-prodotti bit-trade marks minn territorju għal ieħor ikun għaldaqstant possibbli biss, mingħajr ksur tal-kuntratt ta’ ċessjoni, meta l-operazzjoni ta’ importazzjoni ssir minn terz.

91.

Fir-raba’ lok, u dan huwa l-aspett l-iktar delikat, kien hemm diskussjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar min għandu l-oneru li jipprova l-eżistenza ta’ koordinazzjoni bejn il-proprjetarji tat-trade marks paralleli li tista’ tagħti lok għal uniċità ta’ kontroll fis-sens ippreċiżat iktar ’il fuq.

92.

Min-naħa, peress li tali prova tista’ tirriżulta oġġettivament diffiċli li tiġi prodotta min-naħa ta’ terz, jidher li huwa raġonevoli li tiġi aġġustata, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ir-regola li abbażi tagħha huwa, bħala prinċipju, l-importatur parallel li għandu l-obbligu li jipprova l-fatti li jiġġustifikaw l-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark ( 65 ). F’dan ir-rigward, infakkar li inverżjoni tal-oneru tal-prova hija, b’mod partikolari, aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali, b’mod li jiffavorixxi ż-żamma tad-differenzi fil-prezz li jistgħu jeżistu bejn l-Istati Membri ( 66 ).

93.

Min-naħa l-oħra, kif jitolbu l-kumpanniji tal-grupp Schweppes, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi, taħt piena li tinħoloq sitwazzjoni ta’ inċertezza għad-detriment tal-proprjetarji ta’ trade marks nazzjonali paralleli.

94.

Issa, għalkemm ikun eċċessiv, f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali, li l-importatur parallel jintalab jipproduċi l-prova li t-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni u fl-Istat ta’ importazzjoni hija suġġetta għal kontroll uniku, huwa għandu xorta waħda l-obbligu jipprovdi numru ta’ indizji preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali kontroll. Il-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu tali indizji.

95.

Fil-preżenza ta’ numru ta’ indizji preċiżi u konkordanti, huwa l-proprjetarju li jkun jixtieq jopponi għall-importazzjoni tal-prodotti bit-trade mark fit-territorju tiegħu li jkollu jipprova li ma kien hemm ebda ftehim jew ebda koordinazzjoni bil-għan li t-trade mark tkun suġġetta għal kontroll uniku mal-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni.

96.

Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, u wara li tkun talbet, jekk ikun il-każ, il-produzzjoni tal-kuntratt ta’ ċessjoni u ta’ dokumenti rilevanti oħra bil-għan li jiġu ċċarati r-rabtiet li jgħaqqdu lill-proprjetarji tat-trade marks paralelli, li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-eżawriment tad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni humiex issodisfatti fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni.

97.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li tali kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu ssodisfatti biss jekk il-kontroll uniku fuq it-trade mark jagħti lill-entitajiet li jeżerċitawh il-possibbiltà li jiddeterminaw direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom hija mpoġġija t-trade mark u li jikkontrollaw il-kwalità tagħhom.

Risposti għad-domandi preliminari

98.

Abbażi tal-analiżi preċedenti, fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta konġunta lid-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 36 TFUE u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 jipprekludu li l-persuna liċenzjata mill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali tinvoka d-dritt esklużiv li dan tal-aħħar igawdi minnu skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija rreġistrata l-imsemmija trade mark sabiex topponi għall-importazzjoni u/jew għall-kummerċjalizzazzjoni, f’dak l-Istat, ta’ prodotti b’trade mark identika provenjenti minn Stat Membru ieħor, fejn dik it-trade mark, li qabel kienet il-proprjetà tal-grupp li għalih jappartjenu kemm il-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni kif ukoll il-persuna liċenzjata minnu, hija miżmuma minn terz li akkwista d-drittijiet permezz ta’ ċessjoni, meta, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi eżistenti bejn il-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni u l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni, jirriżulta li dawk it-trade marks huma taħt kontroll uniku u li l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni għandu l-possibbiltà li jiddetermina direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom titpoġġa t-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni u li jikkontrolla l-kwalità tagħhom.

Konklużjoni

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 8 ta’ Barcelona, Spanja)kif ġej:

“L-Artikolu 36 TFUE u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, jipprekludu li l-persuna liċenzjata mill-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali tinvoka d-dritt esklużiv li dan tal-aħħar igawdi minnu skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija rreġistrata l-imsemmija trade mark sabiex topponi għall-importazzjoni u/jew għall-kummerċjalizzazzjoni, f’dak l-Istat, ta’ prodotti b’trade mark identika provenjenti minn Stat Membru ieħor, fejn dik it-trade mark, li qabel kienet il-proprjetà tal-grupp li għalih jappartjenu kemm il-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni kif ukoll il-persuna liċenzjata minnu, hija miżmuma minn terz li akkwista d-drittijiet permezz ta’ ċessjoni, meta, fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi eżistenti bejn il-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni u l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni, jirriżulta li dawk it-trade marks huma taħt kontroll uniku u li l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni għandu l-possibbiltà li jiddetermina direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom titpoġġa t-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni u li jikkontrolla l-kwalità tagħhom”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2008, L 299, p. 25, u rettifika ĠU 2009, L 11, p. 86. Id-Direttiva 2008/95 tħassret b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019 permezz tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, p. 1), li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016, li l-Artikolu 15 tagħha jikkorrispondi, fis-sustanza, għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95.

( 3 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Schweppes tosserva li ċ-ċessjoni lil Coca-Cola tat-trade mark SCHWEPPES fuq livell dinji, inizjalment ikkontemplata minn Cadbury Schweppes, kienet ġiet opposta mill-Kummissjoni Ewropea u li kien wara dik l-oppożizzjoni li saret frammentazzjoni tat-trade mark fit-territorju taż-ŻEE.

( 4 ) Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji Red Paralela għamlu kontrotalba kontra Schweppes, Orangina Schweppes Holding u Schweppes International, minn naħa, għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, għal kompetizzjoni żleali. Huma sussegwentement irtiraw l-ewwel minn dawn iż-żewġ kapijiet tat-talba tagħhom minħabba l-fatt li, wara lment min-naħa tagħhom imressaq quddiem il-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (kummissjoni nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni), din bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra Schweppes minħabba aġir potenzjalment antikompetittiv li jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ ftehimiet mad-distributuri indipendenti tagħha fi Spanja, fosthom Exclusivas Ramírez SL, kumpannija li kontriha wkoll kienet diretta il-kontrotalba, bil-għan li tirrestrinġi d-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fi Spanja ta’ prodotti indikati bit-trade mark SCHWEPPES, li ma kinux ġew immanifatturati minn dik il-kumpannija, u li tillimita l-importazzjonijiet paralleli ta’ dawn il-prodotti (Expediente S/DC/0548/15 SCHWEPPES). Fid-29 ta’ Ġunju 2017, wara li SCHWEPPES aċċettat ċertu numru ta’ impenji li jbiddlu l-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet, dawn il-proċeduri ngħalqu mingħajr ma ġie kkonstat ksur (id-deċiżjoni ta’ għeluq hija ppubblikata fuq is-sit internet tal-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (kummissjoni nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni) fl-indirizz https://www.cnmc.es/sites/default/files/1724145_1.pdf).

( 5 ) Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding jiċħdu, b’mod partikolari, li jeżistu rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-grupp Orangina Schweppes u Coca-Cola, b’mod partikolari fis-sens ta’ dipendenza ekonomika u/jew ġuridika, li prodotti mmanifatturati minn Coca-Cola dehru fuq xi sit internet ospitat taħt wieħed mid-dominji li jappartjenu lill-grupp Orangina Schweppes, li dan tal-aħħar approprja t-territorju tar-Renju Unit fir-rigward tat-trade mark SCHWEPPES, li huwa juża prodotti mmanifatturati minn Coca-Cola fir-reklamar istituzzjonali tiegħu, li huwa ma jiddefendix id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali tiegħu fis-suq u jippermetti li jkun hemm konfużjoni f’moħħ il-konsumaturi u li huwa jħaddem ma’ Coca-Cola politika miftiehma ta’ reġistrazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali.

( 6 ) F’dan ir-rigward, Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding, josservaw li d-deċiżjoni tar-rinviju kienet is-suġġett ta’ rikors għal dikjarzzjoni ta’ invalidità ta’ atti ġudizzjarji, ippreżentat minn Schweppes, li l-qorti tar-rinviju ddikjarat inammissibbli u li jista’ jkun ulterjorment is-suġġett ta’ recurso de amparo (rikors għall-ksur tad-drittijiet kostituzzjonali) quddiem it-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, Spanja).

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, (C‑553/11, EU:C:2012:671, punt 15), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Chateignier, (C‑346/05, EU:C:2006:711, punt 22) u tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27).

( 9 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 22), tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 83), u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 36).

( 10 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Lourenço Dias (C‑343/90, EU:C:1992:327, punt 15), tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 14), u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 37) u tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 46).

( 11 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punti 18 u 21), tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, EU:C:2003:512, punt 45), u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38).

( 12 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 15 et seq.).

( 13 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punti 42 u 43).

( 14 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37) kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 58).

( 15 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 58).

( 16 ) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2015/2436, imsemmi wkoll fid-domandi preliminari, ma japplikax għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

( 17 ) Għandu jitfakkar li r-regoli dwar id-drittijiet mogħtija mit-trade mark kif ukoll id-drittijiet li jgawdu minnhom il-proprjetarji ta’ trade marks fl-Unjoni huma s-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompluta. F’dan ir-rigward, ara, fir-rigward tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 92), is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (C‑127/09, EU:C:2010:313, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C‑355/96, EU:C:1998:374, punti 25 u 29).

( 18 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif ukoll l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), li jissostitwixxi r-Regolament Nru 207/2009 b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017.

( 20 ) L-istess prinċipju kien diġà ġie stabbilit fil-qasam tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft (78/70, EU:C:1971:59, punt 12). Fil-qasam tal-privattivi, ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (15/74, EU:C:1974:114, punti 10 sa 12).

( 21 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115, punt 6).

( 22 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115, punt 7).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115, punt 8).

( 24 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115, punt 10).

( 25 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper (16/74, EU:C:1974:115, punt 11).

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93, C-436/93, C-71/94 u C-232/94, EU:C:1995:440, punti 60 u 61).

( 27 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C-16/03, EU:C:2004:759, punti 40 u 42). Ara, ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas (C-46/10, EU:C:2011:485, punt 32).

( 28 ) L-att ta’ tqegħid fis-suq għall-ewwel darba tal-prodott mill-proprjetarju stess (bejgħ jew att ieħor ta’ trasferiment tal-proprjetà) jikkostitwixxi tali kunsens. F’dan il-każ, l-eżawriment iseħħ bis-sempliċi effett ta’ tali tqegħid fis-suq u ma huwiex suġġett għal kunsens tal-proprjetarju għall-kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-prodotti, ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C-16/03, EU:C:2004:759, punti 52 u 53).

( 29 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Copad (C-59/08, EU:C:2009:260, punt 42) u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 22).

( 30 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C-414/99 sa C-416/99, EU:C:2001:617, punt 46) u tat-23 ta’ April 2009, Copad (C-59/08, EU:C:2009:260, punt 42).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 34); tat-23 ta’ April 2009, Copad (C-59/08, EU:C:2009:260, punt 43) u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 24).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 25) u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (C-127/09, EU:C:2010:313, punt 37).

( 33 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C-414/99 sa C-416/99, EU:C:2001:617, punt 46), kif iċċarata bis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C-324/08, EU:C:2009:633, punt 35 u d-dispożittiv).

( 34 ) Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C‑324/08, EU:C:2009:633, punt 19).

( 35 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C-414/99 sa C-416/99, EU:C:2001:617, punt 60) u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group (C-127/09, EU:C:2010:313, punt 39). Bl-istess mod, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-infurzar ta’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ kontra terzi ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi attribwit lis-silenzju tal-proprjetarju tat-trade mark effett estintiv tad-drittijiet mogħtija minnha, ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C-414/99 sa C-416/99, EU:C:2001:617, punt 65).

( 36 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois (C-173/98, EU:C:1999:347, punt 19 u 20).

( 37 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C-427/93, C-429/93 u C-436/93, EU:C:1996:282, punt 27) u tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C-352/95, EU:C:1997:170, punt 18).

( 38 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72, punti 4, 5 u 10 sa 12).

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża HAG GF (C-10/89, mhux ippubblikati, EU:C:1990:112, punt 7).

( 40 ) F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija l-fatt li impriża stabbilita fi Stat Membru topponi, skont dritt ta’ trade mark protett mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, għall-importazzjoni ta’ prodotti ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor u mogħnija, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, b’denominazzjoni li tista’ toħloq konfużjoni mat-trade mark tal-ewwel impriża, bil-kundizzjoni madankollu li bejn l-impriżi inkwistjoni ma jeżisti ebda tip ta’ akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew ma teżisti ebda tip ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, legali jew ekonomika, u li d-drittijiet rispettivi tagħhom kienu ġew maħluqa indipendentement wieħed mill-ieħor.

( 41 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 10).

( 42 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 15).

( 43 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 16).

( 44 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 17).

( 45 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 26).

( 46 ) Fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International (C-352/95, EU:C:1997:170, punt 21)

( 47 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261, punti 37 u 38 (enfasi miżjuda minni). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad (C 59/08, EU:C:2009:260, punti 44 sa 46).

( 48 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261, punt 41).

( 49 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261, punt 43).

( 50 ) Din hija l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 44 tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261).

( 51 ) Huwa essenzjalment billi bbaża fuq dan l-argument li, hekk kif tfakkar il-Kummissjoni, l-Avukat Ġenerali Gulmann, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:48, punti 92 u 101), kien ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti preċedenza lir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija fuq l-interess taċ-ċedent li jżomm id-dritt esklużiv tiegħu li jikkummerċjalizza l-prodotti bit-trade mark fit-territorju tiegħu stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess, fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1976, Terrapin (Overseas) (119/75, EU:C:1976:94, punt 6), ibbażat ruħha, inter alia, fuq tali argument biex tiġġustifika u tikkonferma, filwaqt li estendietha għall-każ ta’ frammentazzjoni volontarja, id-dottrina tal-oriġini komuni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen (192/73, EU:C:1974:72).

( 52 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 4748).

( 53 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punti 57 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni suġġetti għal-liġi ma jistgħux jipprevalu ruħhom b’mod frawdolenti jew abbużiv mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li l-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, jikkunsidraw l-imġieba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, Ġabra. p. I-1459, punt 25; tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra p. I-1609, punt 68, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, (C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 64). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq (sentenzi L-Ungerija vs Ir-Repubblika Slovakka, C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukll O. u B., EU:C:2014:135, punt 58), ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54).

( 56 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1985, Pharmon (19/84, EU:C:1985:304, punt 22) u tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Nirrileva li, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tat-trade marks, għal kunċetti simili, li l-kontenut tagħhom għandu jiġi interpretat b’mod flessibbli. Ara, b’mod partikolari, ir-riferiment għal “konnessjoni kummerċjali” jew għal “relazzjoni speċjali” fis-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C-63/97, EU:C:1999:82, punt 51) u tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland (C-228/03, EU:C:2005:177, punt 42), għal “rabta kummerċjali materjali” fis-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C-206/01, EU:C:2002:651) u tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch (C-245/02, EU:C:2004:717, punt 60), jew, ukoll, għall-kunċett ta’ “impriża marbuta ekonomikament” fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C-48/05, EU:C:2007:55, punt 60).

( 58 ) Ara, b’mod partikolari l-punt 39 tas-sentenza IHT.

( 59 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger (C‑9/93EU:C:1994:261, punt 39).

( 60 ) Nirrileva li argument simili tressaq fl-2006 mill-Court of Appeal Civil Division (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit] fil-kawża Doncaster Pharmaceutical Group Ltd vs Bolton Pharmaceutical 100 Ltd. [2006] EWCA civ. 661. Peress li l-partijiet kienu waslu għal qbil, il-kawża ma tatx lok għal rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 61 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF (C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 18).

( 62 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, MPA Pharma (C-232/94, EU:C:1996:289, punt 19).

( 63 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ara madankollu l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punti 47 u 73).

( 65 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C-244/00, EU:C:2003:204, punti 35 u 36).

( 66 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q (C-244/00, EU:C:2003:204, punt 38), li tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-proprjetarju tat-trade mark jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu fiż-ŻEE permezz ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva.

Top