EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0671

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Novembru 2017.
Président de l’Autorité de la concurrence vs Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Artikolu 42 TFUE – Regolament (KE) Nru°2200/96 – Regolament (KE) Nru 1182/2007 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Prattiki antikompetittivi – Artikolu 101 TFUE – Regolament Nru 26 – Regolament (KE) Nru 1184/2006 – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Responsabbiltajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet – Prattiki ta’ ffissar ta’ prezz minimu għall-bejgħ – Prattika ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq – Prattika ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika – Suq Franċiż tal-indivji.
Kawża C-671/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:860

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Artikolu 42 TFUE – Regolament (KE) Nru°2200/96 – Regolament (KE) Nru 1182/2007 – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Prattiki antikompetittivi – Artikolu 101 TFUE – Regolament Nru 26 – Regolament (KE) Nru 1184/2006 – Organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi – Responsabbiltajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet – Prattiki ta’ ffissar ta’ prezz minimu għall-bejgħ – Prattika ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq – Prattika ta’ skambji ta’ informazzjoni strateġika – Suq Franċiż tal-indivji”

Fil-Kawża C‑671/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Président de l’Autorité de la concurrence

vs

Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE),

Comité économique régional agricole fruits et légumes de Bretagne (Cerafel),

Fraileg SARL,

Prim’Santerre SARL,

Union des endiviers, li kienet Fédération nationale des producteurs d’endives (FNPE),

Soleil du Nord SARL,

Comité économique fruits et légumes du Nord de la France (Celfnord),

Association des producteurs d’endives de France (APEF),

Section nationale de l’endive (SNE),

Fédération du commerce de l’endive (FCE),

France endives société cooperative agricole,

Cambrésis Artois-Picardie endives (CAP’Endives) société cooperative agricole,

Marché de Phalempin société cooperative agricole,

Primacoop société cooperative agricole,

Coopérative agricole du marais audomarois (Sipema),

Valois-Fruits union de sociétés cooperatives agricoles,

Groupe Perle du Nord SAS,

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, D. Šváby (Relatur), F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-président de l’Autorité de la concurrence (president tal-awtorità tal-kompetizzjoni, Franza), minn H. Génin, S. Subrémon Lukasiewicz u I. de Silva, bħala aġenti, assistiti minn J.-P. Duhamel, avukat,

għall-Comité économique régional agricole fruits u légumes de Bretagne (Cerafel), il-Comité économique fruits u légumes du Nord de la Franza (Celfnord), l-Association des producteurs d’endives de France (APEF), is-Section nationale de l’endive (SNE) u l-Fédération du commerce de l’endive (FCE), minn H. Calvet, P. Morrier, Y. Chevalier u A. Bouviala, avukati,

għal Fraileg SARL u Prim’Santerre SARL, minn J.-L. Fourgoux u L. Djavadi, avukati,

għall-France endives société cooperative agricole, Cambrésis Artois-Picardie endives (CAP’Endives) société cooperative agricole, Marché de Phalempin société cooperative agricole, Primacoop société cooperative agricole, Coopérative agricole du marais audomarois (Sipema) u Groupe Perle du Nord SAS, minn B. Néouze, V. Ledoux u S. Pasquesoone, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u S. Horrenberger, kif ukoll minn C. David u J. Bousin, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn X. Lewis, A. Bouquet u B. Mongin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal‑4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 6), l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat‑28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55), l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006, tal‑24 ta’ Lulju 2006, li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (ĠU 2008, L 352M, p. 463), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat‑22 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 299, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1184/2006”), l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007, tas‑26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU 2007, L 273, p. 1), kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u l-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal‑25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 154, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-president tal-awtorità tal-kompetizzjoni (Franza) u l-Association des producteurs vendeurs d’endives (APVE), il-Comité économique régional agricole fruits et légumes de Bretagne (Cerafel), Fraileg SARL, Prim’Santerre SARL, l-Union des endiviers, li kienet il-Fédération nationale des producteurs d’endives (FNPE), Soleil du Nord SARL, il-Comité économique fruits et légumes du Nord de la France (Celfnord), l-Association des producteurs d’endives de France (APEF), is-Section nationale de l’endive (SNE), il-Fédération du commerce de l’endive (FCE), France endives société cooperative agricole, Cambrésis Artois-Picardie endives (CAP’Endives) société cooperative agricole, Marché de Phalempin société cooperative agricole, Primacoop société cooperative agricole, Coopérative agricole du marais audomarois (Sipema), Valois-Fruits union de sociétés cooperatives agricoles u Groupe Perle du Nord SAS kif ukoll il-ministru tal-ekonomija, tal-industrija u tas-settur diġitali dwar id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2012 li permezz tagħha l-Autorité de la concurrence (awtorità tal-kompetizzjoni, Franza), abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 101(1) TFUE, ikkonstatat u ssanzjonat finanzjarjament akkordju kumpless u kontinwu fis-suq Franċiż tal-indivji (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju li jirrigwardaw organizzazzjoni komuni tas-settur tal-frott u tal-ħaxix applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali jinsabu fir-Regolament Nru 2200/96, applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2007, fir-Regolament Nru 1182/2007, imħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal‑14 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament Nru 1234/2007 (ĠU 2008, L 121, p. 1), kif ukoll fir-Regolament Nru 1234/2007. Dan ir-regolament tal-aħħar tħassar, sa mill‑1 ta’ Jannar 2014, bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671), li madankollu ma huwiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

4

Id-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju li jirregolaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-produzzjoni u fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 26 li ġew issostitwiti bir-Regolament Nru 1184/2006 kif ukoll bl-Artikoli 175 sa 182 tar-Regolament Nru 1234/2007.

Ir-Regolament Nru 26

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26 jipprovdi:

“Mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli [101 sa 106 TFUE] u d-dispożizzjonijiet magħmula għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 2 ta’ hawn taħt, japplikaw għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha miftiehma li għalihom hemm referenza fl-Artikoli [101(1) u 102 TFUE] li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti mniżżla fil-lista fl-Anness II tat-Trattat”.

6

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu [101(1) TFUE] ma għandux japplika għal dak il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki li għalihom hemm referenza fl-Artikolu preċedenti li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba tal-miri ddikjarati fl-Artikolu [39 TFUE]. B’mod partikolari, dan m’għandux japplika għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li jappartjienu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, għat-trattament jew għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li dwarhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-miri ta’ l-Artikolu [39 TFUE] huma mhedda.”

Ir-Regolament Nru 2200/96

7

Il-premessi 7 u 16 tar-Regolament Nru 2200/96 jistabbilixxu:

“(7)

Billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma l-elementi bażiċi fl-organizzazzjoni komuni tas-suq, li jassiguraw fil-livell tagħhom l-operazzjoni deċentralizzata; billi, fl-isfond tal-konċentrazzjoni dejjem akbar ta’ domanda, l-iggruppament ta’ provvista permezz ta’ dawn l-organizzazzjonijiet huwa aktar minn qatt qabel neċessità ekonomika sabiex issaħħaħ il-posizzjoni tal-produtturi fis-suq; billi dan l-aggruppament għandu jsir fuq bażi volontarja u għandu juri li hu utli mill-wisa’ u l-effiċjenza tas-servizzi li joffru l-organizzazzjonijiet tal-produtturi lill-membri tagħhom; billi l-kunsinna ta’ prodotti lill-organizzazzjonijiet speċjalizzati tal-produtturi li jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex titqiegħed fid-dubju;

[…]

(16)

Billi biex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet huwa mixtieq li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu kapaċi jintervjenu fis-suq, b’mod partikolari billi jiddeċiedu li ma jqiegħdux għall-bejgħ kwantitajiet partikolari f’perjodi partikolari; billi dawn l-operazzjonijiet ta’ tneħħija mis-suq m’għandhomx jitqiesu bħala alternattiva ta’ sbokk għas-suq innifsu; billi l-finanzjament ta’ tneħħija mis-suq għandu għalhekk ikun ristrett għall-perċentwali fissa tal-produzzjoni u l-kumpens tal-Komunità jingħata f’livell imnaqqas, għalkemm l-użu tal-fondi ta’ l-operazzjoni għal dan l-iskop għandu jiġi permess; billi għas-sempliċità l-kumpens tal-Komunità għandu jkun ta’ rata fissa unika għal kull prodott; billi, biex jintlaħaq tnaqqis paragunabbli għall-prodotti kollha, ċerti differenzjazzjonijiet huma meħtieġa”.

8

L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘organizzazzjoni ta’ produtturi’ tfisser kull entità legali:

(a)

li hija ffurmata fuq l-inizjattiva proprja ta’ dawk li jkabbru fil-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin stabbiliti fl-Artikolu 1(2):

[…]

(iii)

ħaxix

[…]

(b)

li għandhom b’mod partikolari l-iskop li:

(1)

jassiguraw li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skond id-domanda, partikolarment f’termini ta’ kwalità u kwantità;

(2)

jippromwovu l-konċentrazzjoni ta’ provvista u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mkabbra mill-membri tagħhom;

(3)

inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzar tal-prezzijiet tal-produtturi;

(4)

jippromwovu l-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni, teknika ta’ produzzjoni u prattiċi tajbin għall-ambjent għall-immaniġġjar ta’ l-iskart b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma, tal-ħamrija u tal-pajsaġġ u li jippreżervaw u/jew jinkoraġġixxu l-biodiversità;

[…]”

9

Taħt it-titolu “Arranġamenti ta’ intervent”, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 2200/96 jipprevedi li “[o]rganizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jagħżlu li ma jqiegħdux għall-bejgħ prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2) kontribwiti mill-membri tagħhom, kemm fi kwantitajiet u kemm għal perjodi li jikkunsidraw xierqa”.

Ir-Regolament Nru 1184/2006

10

L-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1184/2006 jipprovdi:

“L-Artikoli [101 sa 106 TFUE] u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom, suġġetti għall-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, japplikaw għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattika kollha msemmija fl-Artikoli [101(1) u 102 TFUE] li huma rigward il-produzzjoni ta’ jew għall-kummerċ tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.”

11

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu [101(1) TFUE] ma għandux japplika għal dawk il-ftehim, deċiżjonijiet u prattika msemmija fl-Artikolu 1a ta’ dan ir-Regolament li huma parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu [39 TFUE].

[…]”

Ir-Regolament Nru 1182/2007

12

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, organizzazzjoni tal-produtturi għandha tkun kwalunkwe entità legali jew parti definita b’mod ċar ta’ entità legali li hija konformi mal-ħtiġijiet li ġejjin:

(a)

hija magħmula fuq l-inizjativa tal-bdiewa fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, li huma l-kultivaturi ta’ wieħed jew aktar mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u/jew ta’ tali prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar;

(b)

għandha l-objettiv ta’ l-użu ta’ prattiċi ta’ kultivazzjoni, tekniki ta’ produzzjoni u prattiċi ta’ ġestjoni ta’ l-iskart li huma ambjentalment tajbin b’mod partikolari biex tiġi protetta l-kwalità ta l-ilma, il-ħamrija u l-pajsaġġ u tiġi mħarsa jew imħeġġa l-bijodiversità;

(c)

għandha wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:

(i)

tiżgura li l-produzzjoni hija ppjanata u aġġustata skond id-domanda, partikolament fir-rigward tal-kwalità u l-kwantità;

(ii)

tippromwovi konċentrazzjoni ta’ provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti magħmulin mill-membri tagħha;

(iii)

tottimizza l-ispejjeż tal-produzzjoni u tistabbilixxi prezzijiet tal-produzzjoni;

(d)

ir-regoli ta’ assoċjazzjoni tagħha jipprovdu għall-ħtiġijiet speċifiċi kif stabbiliti fil-paragrafu 2; u

(e)

hija ġiet rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat skond l-Artikolu 4.”

Ir-Regolament Nru 1234/2007

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 103c tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprevedi li l-programmi operattivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix għandu jkollhom mill-inqas żewġ għanijiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 ta’ dan ir-regolament jew tal-għanijiet elenkati f’dan l-Artikolu 103c, fosthom dak tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni ta’ kriżijiet.

14

L-imsemmi Artikolu 103c(2)(a) jispeċifika li l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet għandhom l-għan li jiġu evitati u jiġu ttrattati l-kriżijiet fis-swieq tal-frott u tal-ħaxix u għandhom ikopru f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, l-irtirar mis-suq.

15

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li:

(a)

huma kostitwiti minn produtturi ta’ wieħed mis-setturi li ġejjin:

[…]

(iii)

frott u ħaxix fir-rigward ta’ bdiewa li jkabbru wieħed mill-prodotti jew aktar ta’ dak is-settur u/jew ta’ tali prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar;

[…]

(b)

huma ffurmati fuq l-inizjattiva tal-produtturi;

(c)

isegwu għan speċifiku li jista’ b’mod partikolari, jew fir-rigward tas-settur tal-frott u tal-ħaxix għandu, jinkludi wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:

(i)

l-iżgurar li l-produzzjoni hija ppjanata u aġġustata skond id-domanda, partikolament f’termini ta’ kwalità u ta’ kwantità;

(ii)

il-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha;

(iii)

l-ottimizzazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni.”

16

L-Artikolu 123(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat tal-kummerċ li:

(a)

huma magħmula minn rappreżentanti ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni, mal-kummerċjalizzazzjoni fi, u/jew ma’ l-ipproċessar ta’ prodotti fis-setturi li ġejjin:

(i)

is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda,

(ii)

is-settur tat-tabakk;

(b)

huma ffurmati fuq l-inizjattiva ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet kollha jew uħud minnhom li jikkostitwixxuhom;

(c)

isegwu għan speċifiku, li jista’, b’mod partikolari jkollu x’jaqsam ma’:

(i)

il-konċentrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri;

(ii)

l-adattament tal-produzzjoni u l-ipproċessar b’mod konġunt għall-ħtiġijiet tas-suq u t-titjib tal-prodott;

(iii)

il-promozzjoni tar-razzjonalizzazzjoni u t-titjib tal-produzzjoni u l-ipproċessar;

(iv)

it-twettiq ta’ riċerka dwar metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u żviluppi fis-suq.

[…]

3.   Bi tkomplija mal-paragrafu 1, l-Istati Membri, fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex għandhom, u fir-rigward tas-settur tal-inbid jistgħu, jirrikonoxxu wkoll lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali li:

[…]

(c)

iwettqu waħda, u fil-każ tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, tnejn jew aktar minn dawn l-attivitajiet f’wieħed jew aktar mir-reġjuni tal-Komunità, b’konsiderazzjoni għall-interessi tal-konsumaturi, u mingħajr preġudizzju għal setturi oħra, fis-settur tal-inbid b’kont meħud tas-saħħa pubblika u l-interessi tal-konsumaturi:

(i)

itejbu l-għarfien u t-trasparenza tal-produzzjoni u tas-suq,

(ii)

l-għajnuna biex jiġi kkoordinat aħjar il-mod kif il-prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid jitqiegħdu fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ riċerka u studji dwar is-suq,

(iii)

ifasslu forom standard ta’ kuntratt kompatibbli mar-regoli tal-Komunità,

(iv)

jisfruttaw aktar il-potenzjal tal-frott u l-ħxejjex prodotti, u l-potenzjal tal-produzzjoni fis-settur tal-inbid,

(v)

jipprovdu l-informazzjoni u jagħmlu r riċerka meħtieġa biex il-produzzjoni tiġi aġġustata lejn prodotti iktar addattati għall-ħtiġiet tas-suq u l-gosti u l-aspettattivi tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-prodott u l-ħarsien ta’ l-ambjent,

(vi)

isibu metodi li jirrestrinġu l-użu ta’ prodotti tas-saħħa tal-pjanti u adittivi oħrajn u li jassiguraw il-kwalità tal-prodott u l-ħamrija u l-konservazzjoni ta’ l-ilma,

(vii)

jiżviluppaw metodi u strumenti sabiex itejbu l-kwalità tal-prodott fl-istadji kollha tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni u, fir-rigward tas-settur tal-inbid, tal-vinifikazzjoni wkoll,

(viii)

jisfruttaw il-potenzjal tal-biedja organika u jipproteġu u jippromwovu tali biedja kif ukoll denominazzjonijiet tal-oriġini, tabelli ta’ kwalità u indikazzjonijiet ġeografiċi,

(ix)

jippromwovu produzzjoni integrata jew metodi oħrajn ta’ produzzjoni sodi għall-ambjent,

(x)

jistabbilixxu regoli, fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, dwar ir-regoli tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni msemmijin fil-punti 2 u 3 tal-Anness XVIa, li huma aktar stretti mir-regoli Komunitarji jew dawk nazzjonali,

[…]”

17

L-Artikolu 125a(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Ir-regoli ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix għandhom jeħtieġu li l-membri produtturi tagħha, b’mod partikolari:

[…]

(c)

jikkumerċjalizzaw il-produzzjoni kollha tagħhom ikkonċernata permezz ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi;

[…]

2.   Minkejja l-paragrafu 1(c), fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan u fejn dan ikun konformi mat-termini u mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-organizzazzjoni tal-produtturi, il-membri produtturi:

(a)

ma jistgħux ibigħu aktar minn persentaġġ fiss tal-produzzjoni u/jew prodotti tagħhom direttament fl-azjendi tagħhom u/jew barra mill-azjendi tagħhom lil konsumaturi għall-ħtiġijiet personali tagħhom, b’tali persentaġġi jkunu ffissati mill-Istati Membri għal mhux inqas minn 10 %;

(b)

jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta’ organizzazzjoni oħra tal-produtturi magħżula mill-organizzazzjoni tagħhom stess, kwantitajiet ta’ prodotti li huma marġinali b’relazzjoni għall-volum tal-produzzjoni li tista’ tiġi kummerċjalizzata ta’ l-organizzazzjoni tagħhom;

(c)

jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta’ organizzazzjoni oħra tal-produtturi magħżula mill-organizzazzjoni tagħhom stess prodotti li, minħabba l-karatteristiċi li għandhom, ma jkunux normlament koperti mill-attivitajiet kummerċjali ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi konċernata.”

18

L-Artikolu 125b(1)(c) u (g) tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala organizzazzjoni ta’ produtturi (iktar ’il quddiem “OP”) fis-settur tal-frott u tal-ħaxix kwalunkwe entità ġuridika jew kwalunkwe parti ddefinita b’mod ċar minn entità ġuridika li tapplika għal tali rikonoxximent, sakemm, b’mod partikolari, hija tipprovdi biżżejjed evidenza li tista’ twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod xieraq, kemm fiż-żmien kif ukoll f’termini ta’ effikaċja u ta’ konċentrazzjoni tal-provvista, u li ma għandhiex pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE.

19

L-Artikolu 125c tal-imsemmi regolament jistipula:

“Fuq l-inizjattiva ta’ [OP] rikonoxxuti għandha tkun ifformata assoċjazzjoni ta’ [OP] fis-settur tal-frott u tal-ħaxix u din tista’ twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet ta’ [OP] li tissemma f’dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu, fuq talba, assoċjazzjoni ta’ [OP], fejn:

(a)

l-Istat Membru jqis li l-assoċjazzjoni kapaċi twettaq effettivament dawk l-attivitajiet, u

(b)

l-assoċjazzjoni ma jkollhiex pożizzjoni dominanti f’suq partikolari sakemm dan ma jkunx meħtieġ skond l-għanijiet ta’ l-Artikolu [39 TFUE].

[…]”

20

L-Artikolu 175 tar-Regolament Nru 1234/2007 huwa fformulat kif ġej:

“Ħlief jekk previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-Artikoli [101 sa 106 TFUE] u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu għandhom, soġġett għall-Artikoli 176 sa 177 ta’ dan ir-Regolament, japplikaw għall-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki kollha msemmijin fl-Artikoli [101(1) u 102 TFUE] li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament.”

21

L-Artikolu 176(1) ta’ dan ir-regolament jaqra kif ġej:

“L-Artikolu [101(1) TFUE] ma għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattika msemmija fl-Artikolu 175 ta’ dan ir-Regolament li huma parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu [39 TFUE].

B’mod partikolari, l-Artikolu [101(1) TFUE] m’għandux japplika għal ftehim, deċiżjonijiet u prattika tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l- assoċjazzjonijiet ta’ tali assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, trattament jew ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li skondhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-objettivi ta’ l-Artikolu [39 TFUE] huma mhedda.”

22

L-Artikolu 176a(1) u (4) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-Artikolu [101(1) TFUE] m’għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali bil-għan li jwettqu l-attivitajiet li jissemmew fl-Artikolu 123(3)(c) ta’ dan ir-Regolament.

[…]

4.   Il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattika miftiehma li ġejjin, ikun xi jkun il-każ, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mar-regoli Komunitarji:

(a)

ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jistgħu jwasslu għal separazzjoni tas-swieq fi kwalunkwe forma fi ħdan il-Komunità;

(b)

ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tajjeb ta’ l-organizzazzjoni tas-suq;

(c)

ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma jkunux essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni li huma l-għan ta’ l-attività ta’ l-organizzazzjoni interprofessjonali;

(d)

ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jinvolvu l-iffissar tal-prezzijiet, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet interprofessjonali fl-applikazzjoni ta’ regoli Komunitarji speċifiċi;

(e)

ftehim, deċiżjonijiet u prattika miftiehma li jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.”

Id-dritt Franċiż

23

L-Artikolu L. 420‑1 tal-code de commerce (kodiċi tal-kummerċ) jipprovdi:

“L-azzjonijiet miftiehma, il-ftehimiet, l-akkordji espressi jew taċiti jew il-koalizzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti anki jekk jitwettqu direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilita barra minn Franza, meta jkollhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq, b’mod partikolari meta jkunu intiżi li:

1.

Jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

2.

Jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiffavorixxu b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

3.

Jillimitaw jew jikkontrollaw l-produzzjoni, l-opportunitajiet, l-investimenti jew il-progress tekniku;

4.

Jaqsmu s-swieq jew is-sorsi ta’ provvista.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

Wara operazzjonijiet ta’ spezzjoni u sekwestru mid-direction générale de la concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes (direttorat ġenerali tal-kompetizzjoni, tal-konsum u tar-repressjoni tal-frodi, DGCCRF, Franza), fit-12 ta’ April 2007, il-ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique (ministru għall-ekonomija, l-industrija u s-settur diġitali) irrefera lill-Conseil de la concurrence (kunsill tal-kompetizzjoni, Franza), li sussegwentement sar l-Autorité de la concurrence (awtorità tal-kompetizzjoni, Franza), prattiki implementati fis-settur tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-indivji.

25

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, tas‑6 ta’ Marzu 2012, l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonstatat li l-APVE, is-Cerafel, il-FNPE, is-Celfnord, l-APEF, is-SNE, il-FCE u l-Groupe Perle du Nord kif ukoll l-OP Fraileg, Prim’Santerre, Soleil du Nord, France endives, CAP’Endives, Marché de Phalempin, Primacoop, Sipema u Valois-Fruits kienu implementaw fis-suq tal-indivji akkordju kumpless u kontinwu pprojbit mill-Artikolu L. 420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ u mill-Artikolu 101 TFUE, li kien jikkonsisti fi ftehim dwar il-prezz tal-indivji, permezz ta’ dispożittivi differenti, bħat-tqassim ta’ prezz minimu fil-ġimgħa, l-iffissar ta’ rata ċentrali, it-twaqqif ta’ borża għall-kummerċ, l-iffissar ta’ prezz ta’ riżerva u l-użu ħażin tal-mekkaniżmu tal-prezzijiet ta’ rtirar, ta’ kollużjoni fuq il-kwantitajiet ta’ indivja mqiegħda fis-suq u ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika li serviet sabiex ġiet stabbilita politika ta’ prezzijiet, u dawn il-prattiki kellhom l-għan li jiffissaw prezz minimu ta’ bejgħ komuni għall-produzzjoni tal-indivji u li ppermettew lill-produtturi u lil diversi mill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom li jżommu prezzijiet minimi għall-bejgħ, u dan għal perijodu li beda fix-xahar ta’ Jannar 1998 u li kien għadu għaddej sad-data tad-deċiżjoni kontenzjuża. Konsegwentement, hija imponiet fuqhom sanzjonijiet pekunjarji f’ammont totali ta’ EUR 3970590.

26

Fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari warrbet il-motiv tal-produtturi li permezz tiegħu huma argumentaw li l-ftehimiet inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, għar-raġuni li d-derogi previsti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1184/2006 u fl-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007 ma setgħux japplikaw f’dan il-każ.

27

Diversi impriżi u organi ssanzjonati ppreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza) u, sussidjarjament, bidla tad-deċiżjoni kontenzjuża.

28

Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, din il-qorti bidlet id-deċiżjoni kontenzjuża fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha u ddeċidiet li ma kienx stabbilit li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 420‑1 tal-kodiċi tal-kummerċ u tal-Artikolu 101(1) TFUE kienu ġew miksura. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari hija argumentat li, fl-istat tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fuq il-portata eżatta u l-limiti tar-responsabbiltajiet għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet assenjati lill-organi involuti fil-kuntest tas-sistema derogatorja għad-dritt tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tal-politika agrikola komuni, ma kienx stabbilit li t-tqassim ta’ struzzjonijiet ta’ prezzijiet minimi kien, fil-każijiet kollha, neċessarjament u definittivament ipprojbit, b’mod illi ma kienx ġie stabbilit mingħajr dubji li l-organi inkwistjoni kienu eċċedew il-limiti tar-responsabbiltajiet legalment fdati lilhom għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet.

29

Il-president tal-awtorità tal-kompetizzjoni ppreżenta appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza. Insostenn tal-appell tiegħu, huwa argumenta b’mod partikolari, essenzjalment, li, lil hinn mill-applikazzjoni tad-derogi espressi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE stabbiliti bir-regolamenti dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ tal-prodotti agrikoli, l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet mogħtija lill-OP u lill-assoċjazzjonijiet ta’ OP (iktar ’il quddiem “AOP”) seta’ jsir biss b’osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

30

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni ppreżentat, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), osservazzjonijiet quddiem il-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza). Fihom hija tesponi li, għall-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għas-settur agrikolu jeżistu mhux biss derogi ġenerali adottati abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti Nri 26 u 1184/2006, kif ukoll tal-Artikolu 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda wkoll, konformement mal-Artikolu 175 ta’ dan ir-regolament, derogi speċifiċi inklużi fir-regolamenti differenti li jirrigwardaw organizzazzjoni komuni tas-swieq u li jimponu fuq organizzazzjonijiet, attivi fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix, b’ċerti kompiti partikolari li normalment jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, inkwistjoni hemm, għall-perijodu li jkopri sal-aħħar tas-sena 2007, ir-Regolament Nru 2200/96 u, għall-perijodu sa mill‑1 ta’ Jannar 2008, ir-Regolament Nru 1182/2007 inkorporat mar-Regolament Nru 1234/2007. Hija tqis, madankollu, li l-aġir prinċipali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-mekkaniżmi ta’ prezzijiet minimi miftehma fi ħdan AOP prinċipali, ma jifformax parti mill-kompiti speċifiċi previsti mill-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat u ma jistax jitqies bħala kopert minn dawn id-derogi speċifiċi.

31

F’dan ir-rigward, il-qorti tal-kassazzjoni tirrileva li, fis-sentenzi tagħha tad‑9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, EU:C:2003:429), kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 42 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej fis-settur agrikolu u li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni, filwaqt li qieset li, anki f’dak li jirrigwarda r-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni, din id-dispożizzjoni tagħti s-supremazija lill-għanijiet tal-politika agrikola komuni fuq dawk tal-politika fil-qasam tal-kompetizzjoni.

32

Madankollu, hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar l-eżistenza tad-“derogi speċifiċi” msemmija mill-Kummissjoni u lanqas ma ppreċiżat, skont il-każ, ir-relazzjoni tagħhom mad-“derogi ġenerali” elenkati mir-regolamenti dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur agrikolu.

33

Għaldaqstant, il-qorti tal-kassazzjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ftehim, deċiżjonijiet jew prattiki ta’ [OP], ta’ [AOP] u ta’ organizzazzjonijiet professjonali, li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala antikompetittivi fir-rigward tal-Artikolu 101 [TFUE], jistgħu jevitaw il-projbizzjoni prevista minn dan l-artikolu għas-sempliċi fatt li jistgħu jitqiesu bħala missjonijiet iddevoluti lil dawn l-organizzazzjonijiet fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq [ikkonċernat,] u dan, minkejja li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mid-derogi ġenerali previsti suċċessivament mill-Artikolu 2 tar-Regolamenti [Nru 26], u [Nru 1184/2006] u mill-Artikolu 176 tar-Regolament [Nru 1234/2007]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 220/1996, 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li jiffissaw, fost l-għanijiet attribwiti lill-[OP u lill-AOP], dak li jirregolarizzaw il-prezzijiet għall-produzzjoni u dak li jadattaw il-produzzjoni għad-domanda, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantità tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prattiki ta’ ffissar kollettiv ta’ prezz minimu, ta’ ftehim fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika, implementati minn dawn l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, jevitaw il-projbizzjoni tal-akkordji antikompetittivi, inkwantu huma intiżi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

34

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1184/2006, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007 kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u l-Artikoli 175 u 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, għandux jiġi interpretat fis-sens li prattiki, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom OP, AOP u organizzazzjonijiet professjonali attivi fis-settur tal-indivji jipproċedu għall-iffissar kollettiv ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ, jiftiehmu fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq u jiskambjaw informazzjoni strateġika, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-indivji jaqgħu fil-kategorija ta’ “[ħ]axix tajjeb għall-ikel u ċerti għeruq u tuberi” msemmija fl-Anness I tat-Trattat FUE u, għaldaqstant, huma suġġetti, skont l-Artikolu 38 TFUE, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 39 sa 44 TFUE dwar il-politika agrikola komuni.

36

L-Artikolu 42 TFUE jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni huma applikabbli għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tad-dispożizzjonijiet u skont il-proċedura previsti fl-Artikolu 43(2) TFUE, u meħud kont xieraq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 43(2) TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

37

Għaldaqstant, fit-tfittxija tal-għanijiet li huma t-twaqqif ta’ politika agrikola komuni kif ukoll l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, l-Artikolu 42 TFUE jirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola komuni fil-konfront tal-għanijiet tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni u s-setgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi sa fejn ir-regoli ta’ kompetizzjoni huma applikabbli fis-settur agrikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 61, u tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑456/00, EU:C:2002:753, punt 33).

38

Minn dan isegwi, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-interventi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandhom l-għan mhux li jistabbilixxu derogi jew ġustifikazzjonijiet għall-projbizzjoni tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102 TFUE, iżda li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet prattiki li, li kieku seħħew f’settur differenti minn dak tal-politika agrikola komuni, kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

39

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-settur tal-frott u tal-ħaxix, u għall-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika r-rabta bejn il-politika agrikola komuni u r-regoli tal-kompetizzjoni, suċċessivament, fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26, fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1184/2006, u sussegwentement fl-Artikolu 175 tar-Regolament Nru 1234/2007.

40

Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tirriproduċi essenzjalment il-mod kif din ir-rabta kienet ġiet speċifikata bir-Regolamenti Nri 26 u 1184/2006, hija tipprevedi li, ħlief jekk ir-Regolament Nru 1234/2007 jipprovdi mod ieħor, l-Artikoli 101 sa 106 TFUE u d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tagħhom japplikaw, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 176 sa 177 ta’ dan ir-regolament, għall-ftehimiet, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha msemmija fl-Artikolu 101(1) u fl-Artikolu 102 TFUE relatati mal-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ prodotti li jaqgħu taħt dan ir-regolament.

41

Fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, l-Artikoli 101 sa 106 TFUE huma applikabbli għall-prattiki msemmija f’dawn l-artikoli, minn naħa, ħlief il-prattiki msemmija fl-Artikoli 176 u 176a tar-Regolament Nru 1234/2007 u, min-naħa l-oħra, ħlief jekk dan ir-regolament jipprovdi mod ieħor, bħalma jipprevedi l-Artikolu 175 tiegħu.

42

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007, li ssostitwixxa l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96, u tal-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007, OP jew AOP fis-settur tal-frott u tal-ħaxix hija responsabbli li tiżgura li l-produzzjoni tkun ippjanata u aġġustata skont it-talba, b’mod partikolari f’termini ta’ kwantità u ta’ kwalità, li tikkonċentra l-provvista u tqiegħed fis-suq il-prodotti tal-membri tagħha kif ukoll li tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u li tistabbilizza l-prezzijiet tal-produzzjoni.

43

Issa, OP jew AOP tista’, sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, ikollha bżonn tirrikorri għal miżuri differenti minn dawk li jirregolaw funzjonament normali tas-swieq u, b’mod partikolari, għal ċerti forom ta’ koordinazzjoni u ta’ ftehim bejn produtturi agrikoli.

44

Għaldaqstant, sakemm l-OP u l-AOP ma jiġux imċaħħda mill-miżuri li jippermettulhom jilħqu l-għanijiet li huma fdati lilhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq li jieħdu sehem fiha ‑ u li, bħalma huwa mfakkar fil-premessa 7 tar-Regolament Nru 2200/96, huma jirrappreżentaw l-element bażiku tagħha ‑ u, għaldaqstant, ma jiġix ippreġudikat l-effett utli tar-regolamenti li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, il-prattiki ta’ dawn l-entitajiet neċessarji sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar minn dawn l-għanijiet, għandhom joħorgu ’l barra, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

45

Minn dan isegwi li, f’dan is-settur, is-sitwazzjonijiet ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 101(1) TFUE ma humiex limitati unikament għall-prattiki msemmija fl-Artikoli 176 u 176a tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda jkopru wkoll il-prattiki msemmija fil-punt preċedenti.

46

Għaldaqstant, il-portata ta’ dawn l-esklużjonijiet għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

47

Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-possibbiltà tispeċifika, l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli ma jikkostitwixxux żona mingħajr kompetizzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 61).

48

Għall-kuntrarju, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C‑137/00, EU:C:2003:429, punti 5758).

49

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prattiki kkonċernati ma għandhomx jeċċedu dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet mogħtija lill-OP jew lill-AOP inkwistjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat.

50

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk prattiki bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom OP, AOP u organizzazzjonijiet professjonali fis-settur tal-indivji jipproċedu għall-iffissar kollettiv ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ, li jiftiehmu fuq il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq u jiskambjaw informazzjoni strateġika, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

51

F’dan ir-rigward, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tfakkar li l-OP u l-AOP jikkostitwixxu l-elementi bażiċi li jiżguraw, fil-livell tagħhom, il-funzjonament iddeċentralizzat tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq.

52

Għalhekk, il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u l-Artikolu 125c tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprevedu li, fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, l-Istati Membri jirrikonoxxu l-OP jew l-AOP li, b’mod partikolari, huma speċifikament responsabbli minn wieħed mill-għanijiet iddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u elenkati fil-punti (i) sa (iii) ta’ din l-ewwel dispożizzjoni.

53

Minn dan isegwi li l-inapplikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ġġustifikata mill-fatt li l-prattika kkonċernata hija neċessarja sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat tassumi li din il-prattika tiġi implementata minn entità li hija effettivament awtorizzata sabiex tagħmel dan, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni ta’ dan is-suq, u, għaldaqstant, kienet is-suġġett ta’ rikonoxximent minn Stat Membru.

54

Prattika adottata fi ħdan entità mhux irrikonoxxuta minn Stat Membru sabiex jintlaħaq wieħed minn dawn l-għanijiet ma tistax toħroġ ’il barra mill-projbizzjoni tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE.

55

Dan għandu jkun il-każ ukoll b’mod partikolari ta’ prattiki ta’ organizzazzjonijiet professjonali bħal, fil-kawża prinċipali, l-APVE, is-SNE kif ukoll l-FCE, li la mill-proċess u lanqas mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dawn kienu is-suġġett ta’ rikonoxximent mill-awtoritajiet Franċiżi bħala OP, AOP jew anki organizzazzjoni interprofessjonali fis-sens tal-Artikolu 123(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

56

Fir-rigward tal-prattiki implementati minn OP jew minn AOP, għandu jiġi rrilevat li tali prattiki għandhom jibqgħu interni għal OP waħda jew AOP waħda.

57

Fil-fatt, konformement, b’mod partikolari, mal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 u mal-Artikolu 125b(1)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-responsabbiltajiet tal-ippjanar tal-produzzjoni, tal-konċentrazzjoni tal-provvista u tat-tqegħid fis-suq, li l-ispejjeż tal-produzzjoni jitnaqqsu u l-prezzijiet tal-produtturi jiġu stabbiliti, li r-responsabbiltà tagħhom tista’ tiġi fdata lil OP jew lil AOP skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, jistgħu jirrigwardaw biss il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tal-OP jew tal-AOP ikkonċernata biss. Għaldaqstant, dawn jistgħu jiġġustifikaw ċerti forom ta’ koordinazzjoni jew ta’ ftehim biss bejn produtturi membri tal-istess OP jew tal-istess AOP irrikonoxxuta minn Stat Membru.

58

Minn dan isegwi li ftehimiet jew prattiki miftiehma li jsir qbil fuqhom mhux fi ħdan OP jew AOP, iżda bejn OP jew bejn AOP, jeċċedu dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn ir-responsabbiltajiet.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 51 sa 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li prattiki li seħħew bejn tali OP jew AOP u, a fortiori, prattiki li jinvolvu, minbarra tali OP jew AOP, entitajiet mhux irrikonoxxuti minn Stat Membru fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni fis-settur ikkonċernat ma jistgħux joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-prattiki msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE.

60

Sa fejn il-prattiki inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx adottati fi ħdan l-istess OP jew tal-istess AOP, iżda bejn diversi OP, diversi AOP jew diversi entitajiet mhux irrikonoxxuti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-indivji, dawn ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

61

Fir-rigward sussegwentement ta’ prattiki miftiehma bejn produtturi membri tal-istess OP jew tal-istess AOP irrikonoxxuta minn Stat Membru, għandu jitfakkar li, skont il-politika agrikola komuni fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, l-OP jew l-AOP irrikonoxxuti għandhom ikunu responsabbli b’mod preċiż minn ta’ mill-inqas wieħed mit-tliet għanijiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1234/2007 u mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

62

Minn dan isegwi li l-inapplikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fis-settur tal-frott u tal-ħaxix, għal prattika mhux imsemmija fl-Artikoli 176 u 176a tar-Regolament Nru 1234/2007, tissoponi li l-prattika miftiehma fi ħdan l-OP jew l-AOP ikkonċernata tidħol effettivament u strettament fl-intenzjoni li jintlaħaq għan wieħed jew iktar assenjat lilha skont il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat.

63

Fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punti 42 u 61 ta’ din is-sentenza, hemm lok jiġi rrilevat li l-għan li jiġi żgurat l-ippjanar tal-produzzjoni, u l-aġġustament skont it-talba kif ukoll dak li l-provvista tiġi kkonċentrata u li l-produzzjoni tal-membri titqiegħed fis-suq, kif ukoll dak li l-prezzijiet tal-produtturi jiġu stabbiliti, neċessarjament jinvolvu skambji ta’ informazzjoni strateġika bejn il-produtturi individwali membri tal-OP jew tal-AOP ikkonċernata, intiżi, b’mod partikolari, sabiex isiru jafu l-karatteristiċi tal-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, skambji ta’ informazzjoni strateġika bejn produtturi tal-istess OP jew tal-istess AOP jistgħu jkunu proporzjonali jekk dawn iseħħu effettivament għall-finijiet tal-għan jew tal-għanijiet mogħtija lil din l-OP jew lil din l-AOP u jkunu limitati biss għall-informazzjoni strettament neċessarja għal dawn il-fini.

64

L-għan tal-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi, sabiex jiġi żgurat livell ta’ għejxien xieraq għall-komunità agrikola, jista’ wkoll jiġġustifika koordinazzjoni bejn produtturi agrikoli tal-istess OP jew tal-istess AOP dwar il-volumi ta’ prodotti agrikoli mqiegħda fis-suq hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 2200/96 kif ukoll mill-arranġamenti ta’ intervent li l-prinċipju ta’ funzjonament tagħhom ġie stabbilit fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament u li ġie mibdul mill-Artikolu 103c(2)(a) tar-Regolament Nru 1234/2007.

65

Barra minn hekk, l-għan li l-provvista tkun ikkonċentrata, sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi quddiem talba dejjem iktar ikkonċentrata, jista’ wkoll jiġġustifika ċerta forma ta’ koordinazzjoni tal-politika tariffarja tal-produtturi agrikoli individwali fi ħdan OP jew AOP. Dan japplika wkoll meta l-OP jew l-AOP ikkonċernata tingħata, mill-membri tagħha, ir-responsabbiltà li tikkummerċjalizza l-produzzjoni tagħhom kollha, bħalma jeżiġi, ħlief f’każijiet partikolari, l-Artikolu 125a(1)(c) tar-Regolament Nru 1234/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 125c ta’ dan ir-regolament.

66

Barra minn hekk, l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu ta’ bejgħ fi ħdan OP jew AOP ma jistax jitqies, skont prattiki neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti r-responsabbiltajiet mogħtija lilhom fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, li huwa proporzjonali mal-għanijiet ta’ stabbiliment tal-prezzijiet jew ta’ konċentrazzjoni tal-provvista meta dan ma jippermettix lill-produtturi li jiċċirkulaw huma stess il-produzzjoni tagħhom fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 125a(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 li jitolbu prezz inqas minn dawn il-prezzijiet minimi, peress li dan għandu l-effett li jdgħajjef il-livell diġà baxx ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-swieq ta’ prodotti agrikoli minħabba, b’mod partikolari, tal-possibbiltà mogħtija lill-produtturi li jiggruppaw lilhom infushom f’OP jew f’AOP sabiex jikkonċentraw l-offerta tagħhom.

67

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26, mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2200/96, mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1184/2006, mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1182/2007 kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u mal-Artikoli 175 u 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

prattiki li jirrigwardaw l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu ta’ bejgħ, ftehim dwar il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn OP jew AOP differenti, kif ukoll ma’ entitajiet mhux irrikonoxxuti minn Stat Membru għall-finijiet li jintlaħaq għan iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, bħal organizzazzjonijiet professjonali li ma għandhomx l-istatus ta’ OP, ta’ AOP jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u

prattiki li jirrigwardaw ftehim dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn membri tal-istess OP jew tal-istess AOP irrikonoxxuta minn Stat Membru u li huma strettament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet mogħtija lill-OP jew lill-AOP ikkonċernata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26, tal‑4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, tat‑28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006, tal‑24 ta’ Lulju 2006, li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat‑22 ta’ Ottubru 2007, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007, tas‑26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122, u l-Artikoli 175 u 176 tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal‑25 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

prattiki li jirrigwardaw l-iffissar kollettiv ta’ prezz minimu ta’ bejgħ, ftehim dwar il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi differenti, kif ukoll ma’ entitajiet mhux irrikonoxxuti minn Stat Membru għall-finijiet li jintlaħaq għan iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, bħal organizzazzjonijiet professjonali li ma għandhomx l-istatus ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u

 

prattiki li jirrigwardaw ftehim dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet imqiegħda fis-suq jew skambji ta’ informazzjoni strateġika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu joħorġu ’l barra mill-projbizzjoni tal-akkordji prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta jsir qbil fuqhom bejn membri tal-istess organizzazzjoni ta’ produtturi jew tal-istess assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta minn Stat Membru u li huma strettament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan jew l-għanijiet mogħtija lill-organizzazzjoni ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi kkonċernata konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.

Top